Tinqix fuq il-Blat f'Alta

petroglifiċi preistoriċi f'Alta, fit-Tramuntana tan-Norveġja

It-Tinqix fuq il-Blat f'Alta (bin-Norveġiż: Helleristningene i Alta) jinsab fil-muniċipalità ta' Alta u fl-inħawi, fil-kontea ta' Finnmark fit-Tramuntana tan-Norveġja. Minn meta ġie skopert l-ewwel tinqix fl-1973, instabu iktar minn 6,000 tinqixa f'diversi siti fl-inħawi ta' Alta. L-ikbar lokalità, f'Jiepmaluokta madwar ħames kilometri minn Alta, fiha eluf ta' tinqix individwali u ġiet ikkonvertita f'mużew fil-beraħ. Is-sit, flimkien mas-siti ta' Storsteinen, Kåfjord, Amtmannsnes u Transfarelv, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-3 ta' Diċembru 1985. Huwa l-unika Sit ta' Wirt Dinji tal-preistorja fin-Norveġja.[1]

It-Tinqix fuq il-Blat f'Alta.

It-tinqix ġie maqsum f'ħames gruppi separati mill-Professur Knut Helskog tad-Dipartiment tax-Xjenzi Kulturali fl-Università ta' Tromsø. Permezz tad-datazzjoni tax-xatt, l-iżjed tinqix bikri ġie datat li jmur lura għall-ħabta tal-4200 Q.K.; l-iżjed tinqix reċenti ġie datat li jmur lura għall-ħabta tal-500 Q.K. Fl-2010, ir-riċerkatur Jan Magne Gjerde ressaq id-dati tal-eqdem fażijiet lura saħansitra b'1,000 sena. Il-varjetà wiesgħa ta' immaġnijiet turi kultura ta' komunità ta' kaċċaturi li kienet kapaċi tikkontrolla l-merħliet tar-renni, tibni l-bastimenti u tistad, filwaqt li kienet tipprattika wkoll ritwali xamanistiċi li jinvolvu l-qima tal-orsijiet u annimali oħra.

F'April 2014, iċ-Ċentru tal-Wirt Dinji tat-Tinqix fuq il-Blat ta' Arta u l-Mużew ta' Alta nedew is-sit web altarockart.no, li huwa arkivju diġitali bl-istampi tat-tinqix fuq il-blat f'Alta. L-arkivju fih diversi eluf ta' stampi u kopji mħażża mal-blat stess, u fil-ġejjieni x'aktarx li jkun fih tipi oħra ta' materjal ta' dokumentazzjoni, bħal skennjar tridimensjonali u artikli.

Sfond kulturali u storiku

immodifika
 
Detall ta' tinqix fuq il-blat f'Alta.

Meta sar it-tinqix, in-Norveġja kienet abitata minn komunità ta' kaċċaturi. Matul il-kważi 5,000 sena li matulhom sar it-tinqix fuq il-blat mill-bniedem tal-aħħar tan-Neolitiku u tal-bidu ta' Żmien il-Metall, kien hemm bosta tibdil kulturali, inkluż l-użu ta' għodod tal-metall u bidliet f'oqsma bħall-bini tal-bastimenti u t-tekniki tas-sajd. It-tinqix juri varjetà wiesgħa ta' immaġnijiet u ta' simboliżmu reliġjuż. Madankollu, hemm xi motivi prinċipali li jinstabu fil-perjodi kollha, bħal pereżempju r-renni. It-tinqix fuq il-blat, speċjalment mill-iżjed perjodu bikri, fih ħafna xebħ mat-tinqix fil-Majjistral tar-Russja, li jindika li kien hemm kuntatt bejn iż-żewġ komunitajiet u forsi żvilupp parallel tal-kulturi fuq żoni wiesgħa tat-Tramuntana estrema tal-Ewropa.

It-tinqix fuq il-blat f'Alta x'aktarx li sar bl-użu ta' skarpelli tal-kwarzit wisq probabbli flimkien ma' xi forma ta' mrietel magħmula bi blat iktar iebes; xi eżempji probabbli ta' skarpelli nstabu fl-inħawi u qegħdin għall-wiri fil-Mużew ta' Alta. L-użu ta' skarpelli għall-blat milli jidher baqa' jsir anke wara li bdew jintużaw l-għodod tal-metall fl-inħawi.

Minħabba l-iżostażija postglaċjali, l-Iskandinavja bdiet titla' b'rata konsiderevoli mill-oċean wara tmiem l-aħħar era glaċjali. Dan l-effett għadu pjuttost jista' jiġi nnutat illum il-ġurnata, iżda huwa maħsub li kien ferm iktar veloċi u x'aktarx iktar evidenti matul il-ħajja ta' bniedem fiż-żmien meta sar it-tinqix. Huwa indikat b'mod ċar li t-tinqix oriġinarjament kien jinsab direttament max-xatt u gradwalment l-art għoliet sa fejn jinsab it-tinqix illum il-ġurnata, jiġifieri diversi għexieren ta' metri 'l ġewwa mill-ilma.

Skoperta u restawr

immodifika
 
Il-mużew jinsab fuq ix-xellug u t-tinqix jinsab tul mogħdijiet bejn il-mużew u l-bajja.

L-ewwel tinqix ġie skopert fil-ħarifa tal-1973 fl-inħawi ta' Jiepmaluokta (isem tas-Sami tat-Tramuntana li jfisser "bajja tal-foki"), madwar erba' kilometri miċ-ċentru tar-raħal ta' Alta. Matul is-snin 70 tas-seklu 20, ġie skopert ħafna iktar tinqix fl-inħawi ta' madwar Alta, b'densità ferm ogħla madwar Jiepmaluokta (instabu xi 6,000 tinqixa fl-inħawi, u iktar minn 3,000 tinqixa jinsabu fil-post). Sistema ta' mogħdijiet fuq l-injam li jammontaw għal total ta' tliet kilometri b'kollox inbniet fl-inħawi ta' Jiepmaluokta matul it-tieni nofs tas-snin 80 tas-seklu 20, u l-mużew ta' Alta ġie ttrasferit mill-post fejn kien jinsab qabel fiċ-ċentru tar-raħal għas-sit tat-tinqix fuq il-blat fl-1991. Għalkemm hemm diversi siti magħrufa oħra madwar Alta u b'mod kostanti jinstab tinqix ġdid, il-lokalità ta' Hjemmeluft biss tiġi inkluża bħala parti minn żjara ggwidata uffiċjali organizzata mill-mużew.

Il-biċċa l-kbira tal-blat madwar Alta huwa miksi b'saff oħxon ta' muski u ta' likeni; ladarba jiġi skopert it-tinqix, dawn il-pjanti jitneħħew b'attenzjoni kbira u l-blat jitnaddaf biex jiġi espost it-tinqix kollu. It-tinqix imbagħad jiġi ddokumentat permezz ta' tekniki differenti, u spiss jitqiegħed kombinament ta' trab tal-kwarz ħamrani li jinżebagħ fit-tinqix, u jittieħdu xi ritratti li jiġu ttrattati b'mod diġitali.

 
Tinqix ta' xaman imiss ras ta' alċi, x'iktarx minsub, b'ħatar.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

It-Tinqix fuq il-Blat f'Alta ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Ċentru tal-Wirt Dinji tat-Tinqix fuq il-Blat ta' Alta u l-Mużew ta' Alta

immodifika

Iċ-Ċentru tal-Wirt Dinji tat-Tinqix fuq il-Blat ta' Alta u l-Mużew ta' Alta fih wirja ta' oġġetti li nstabu fl-inħawi b'rabta mal-kultura tat-tinqix fuq il-blat, dokumentazzjoni fotografika tat-tinqix, u wirjiet dwar il-kultura tas-Sami, il-fenomenu tal-Aurora Borealis u l-istorja tal-estrazzjoni tal-lavanja fl-inħawi. Il-mużew ingħata l-Premju tal-Mużew Ewropew tas-Sena fl-1993.[2]

Immaġnijiet u interpretazzjonijiet

immodifika

Fost l-ispjegazzjonijiet possibbli dwar l-użu tat-tinqix fuq il-blat hemm l-użu f'ritwali xamanistiċi, simboli totemistiċi li jirrappreżentaw l-għaqda tribali jew li kienu jimmarkaw it-territorju ta' tribù, xorta ta' rekord storiku ta' avvenimenti importanti, jew saħansitra għall-pjaċir artistiku. Peress li t-tinqix individwali juri firxa daqstant wiesgħa ta' immaġnijiet differenti u t-tinqix sar matul perjodu tassew twil ta' żmien, tidher bħala xi ħaġa plawżibbli li t-tinqix individwali seta' serva kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet imsemmija hawn fuq. It-tinqix l-iktar komuni jista' jinġabar fil-gruppi li ġejjin: annimali, xeni tal-kaċċa u tas-sajd, xeni tal-ħajja ta' kuljum u xeni ta' ritwali, u simboli ġeometriċi.

Annimali

immodifika
 
L-eqdem immaġni fid-dinja ta' ċint jew palizzata tal-kaċċa tar-renni. Din it-tinqixa għandha madwar 7,000 sena.

Firxa wiesgħa ta' annimali ġew imnaqqxa f'Alta; fosthom, l-iżjed predominanti huma r-renni u spiss jintwerew f'merħliet kbar li jew jiġu kkaċċjati jew indukrati. It-tinqix ta' renni wara ċnut jew palizzati jindika li kienet issir kaċċa kooperattiva kbira għal dawn l-annimali. Annimali oħra li jidhru spiss huma l-alċi, diversi speċijiet ta' għasafar u tipi differenti ta' ħut. Barra minn hekk, jintwerew ukoll annimali tqal b'ferħ viżibbli fiż-żaqq tal-omm.

Orsijiet

immodifika

L-orsijiet jidher li kellhom rwol speċjali fil-kultura preistorika tat-tinqix fuq il-blat; hemm diversi tinqix ta' orsijiet u spiss ma jidhrux biss bħala annimali kkaċċjati iżda wkoll f'pożizzjonijiet li donnhom jindikaw li l-orsijiet kienu jiġu meqjuma f'xi forma ta' ritwal (tidher bħala xi ħaġa plawżibbli ħafna peress li l-qim tal-orsijiet hija magħrufa f'bosta kulturi antiki tal-Majjistral tar-Russja kif ukoll fil-kultura tas-Sami).[3] Ta' interess speċjali huma t-traċċi ħerġin mill-għerien tal-orsijiet; spiss jidhru mnaqqxa bi traċċi li jwasslu vertikalment mill-immaġnijiet imnaqqxa u jaqsmu t-traċċi orizzontali ta' annimali oħra. Dan wassal biex xi riċerkaturi jispekulaw li l-orsijiet setgħu b'xi mod kienu konnessi mal-qima tal-ħajja wara l-mewt (jew mal-mewt inġenerali) peress li t-traċċi vertikali milli jidher jindikaw il-kapaċità tal-orsijiet li jgħaddu bejn is-saffi differenti tad-dinja. L-immaġnijiet tal-orsijiet donnhom waqfu għall-ħabta tal-1700 Q.K.; li jaf jindika bidla fit-twemmin reliġjuż għall-ħabta ta' dak iż-żmien.

Xeni tal-kaċċa u tas-sajd

immodifika

Bosta xeni li juru rappreżentazzjonijiet ta' bnedmin juru kaċċaturi jikkaċċjaw il-priża tagħhom; dawn ix-xeni tradizzjonalment ġew spjegati bħala konnessi ma' ritwali tal-kaċċa, għalkemm ir-riċerkaturi attwali jidher li jiffavurixxu spjegazzjonijiet iktar kumplessi li jqisu l-azzjonijiet tal-kaċċa u tas-sajd bħala simboli ta' tribujiet individwali u l-interrelazzjonijiet ta' tinqix differenti tal-kaċċa u tas-sajd bħala rappreżentazzjonijiet simboliċi ta' relazzjonijiet intertribali eżistenti jew mixtieqa. L-użu tal-lanez u tal-qaws u l-vleġeġ huwa evidenti mill-iktar perjodu bikri, u dan jindika li l-użu ta' dawn l-għodod kien magħruf mill-kultura tat-tinqix fuq il-blat mill-qedem. Bl-istess mod, is-sajjieda jintwerew kważi esklużivament jużaw ix-xolfa, li jindika li xi metodu tal-ħolqien ta' snanar u tal-użu tal-lixka kien magħruf fost il-kultura tat-tinqix fuq il-blat.

Ta' interess speċjali huwa t-tinqix tal-bastimenti; filwaqt li d-dgħajjes iż-żgħar tas-sajd jitfaċċaw mill-eqdem tinqix 'il quddiem, it-tinqix li sar wara juri bastimenti dejjem ikbar, uħud minnhom kienu jġorru sa 30 ruħ u kienu jkunu mgħammra b'tiżjin elaborat b'għamliet ta' annimali fuq il-pruwa u fuq il-poppa, li xi kultant qishom dawk li kienu jintużaw fuq il-bastimenti t-twal tal-Vikingi. Dan flimkien mal-fatt li tinqix simili ta' bastimenti kbar instab fir-reġjuni kostali fin-Nofsinhar tan-Norveġja, jidher li jindika li kienu jsiru vjaġġi fuq distanzi twal tul il-kosta miż-żewġ direzzjonijiet.

Xeni tal-ħajja ta' kuljum u xeni ta' ritwali

immodifika
 
Tinqixa ta' alċi mingħajr iż-żebgħa ħamra.

Huwa tassew diffiċli li wieħed jiġġudika t-tifsira tax-xeni li juru interazzjonijiet bejn il-bnedmin; xeni li apparentement juru xi żifna, it-tħejjija tal-ikel jew interazzjonijiet sesswali jaf ikunu wkoll rappreżentazzjonijiet tat-twettiq ta' ritwali. Barra minn hekk, anke jekk dan it-tinqix fil-fatt juru episodji mill-ħajja ta' kuljum, xorta waħda jibqa' l-misteru għaliex dawn ix-xeni speċifiċi tnaqqxu fil-blat. Ir-rappreżentazzjonijiet tas-sesswalità jaf kienu marbuta ma' ritwali tal-fertilità, u x-xeni li juru lin-nies isajru u jippreparaw l-ikel jaf kienu jirrappreżentaw l-iżgurar ta' abbundanza tal-ikel. Xi xeni bla dubju juru pożizzjonijiet soċjetali differenti tal-bnedmin imnaqqxa fuq il-blat, u dan jiġi indikat mix-xedd ta' fuq rashom u mill-pożizzjonijiet iktar prominenti tal-bnedmin lebsin dan ix-xedd speċjali meta mqabbel mal-bnedmin l-oħra mnaqqxa fuq il-blat. Spjegazzjoni alternattiva għalihom hi li kienu xi patrijiet jew xamani jew mexxejja ta' xi tribù. Jekk l-interpretazzjoni tal-persuni prominenti bħala mexxejja hija korretta, dawn ix-xeni jaf juru wkoll avvenimenti ta' importanza storika, bħall-ksib tal-poter ta' mexxej, żwiġijiet irjali jew relazzjonijiet diplomatiċi bejn it-tribujiet.

Simboli ġeometriċi

immodifika

Fost l-iżjed tinqix misterjuż hemm l-immaġnijiet ta' simboli ġeometriċi, li jinstabu b'mod predominanti fost l-eqdem tinqix tal-inħawi. Uħud minnhom huma oġġetti tondi u ftit minnhom huma mdawra b'qishom pizzi, filwaqt li oħrajn fihom mudelli elaborati b'linji orizzontali u vertikali. Filwaqt li wħud minn dawn l-oġġetti mnaqqxa ġew spjegati bħala għodod jew oġġetti simili (il-mudelli bil-linja, pereżempju, xi kultant ġew spjegati bħala xbieki tas-sajd), il-biċċa l-kbira ta' dawn is-simboli m'għandhomx spjegazzjoni.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Art of Alta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-26.
  2. ^ "Alta Museum". www.altamuseum.no (bil-Bokmal Norveġiż). Miġbur 2022-08-26.
  3. ^ "The Significance of the Bear Ritual Among the Sami and Other Northern Cultures". www.laits.utexas.edu. Miġbur 2022-08-26.