Talpa marsupjal
It-talpi marsupjali kif jgħid isimhom huma mammiferi marsupjali, pjuttost rari, ta' daqs żgħir, mifruxa mad-deżerti fil-Punent u fin-Nofs in-nhar ta' l-Awstralja.
Talpi Marsupjali Firxa tal-fossili: Tard fl-Eocene - Reċenti | |
---|---|
Talpa marsupjal ta' Nofs in-nhar jew Itjaritjari Notoryctes typhlops | |
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Renju: | Animalia |
Phylum: | Chordata |
Klassi: | Mammalia |
Infraklassi: | Metatheria |
Superordni: | Australidelphia |
Ordni: | Notoryctemorphia Kirsch, in Hunsaker, 1977 |
Familja: | Notoryctidae Ogilby, 1892 |
Ġeneru: | Notoryctes Stirling, 1891 |
Speċi | |
Firxa tat-talpi marsupjali |
It-talpi marsupjali jqattgħu l-parti l-kbira ta' ħajjithom iħaffru taħt l-art imma għal kuntrarju tat-talpi ta' veru huma anqas subterranji u jitilgħu aktar ta' spiss fil-wiċċ.
Deskrizzjoni
immodifikaIt-talpi marsupjali huma għomja, minn għajnejhom baqa' biss par lenti midfuna taħt il-ġilda li minn barra jidhru bħala żewġ tbajja fuq il-ġilda u żewġ toqbiet ċkejkna mgħottija bil-pil iservu ta' widnejn.
It-talpi marsupjali għandhom ġisimhom f'forma ċilindrika (tubu), rashom forma konika (lembut), b'biċċtejn ġilda iebsa kwadrati, waħda fuq il-moħħ u l-oħra fuq l-imnieħer bħala protezzjoni, b'denb qasir ta' 2.6cm li jispiċċa b'forma ta' ballun ċkejken bl-istess tip ta' ġilda. It-tul ta' dawn l-annimali hu ta' bejn 9cm u 18cm u jiżnu bejn 40 u 70 gramma. Il-pil fin ħafna, pjuttost qasir lewn il-krema fil-bajdani, ileqq b'iridexxenza dehebija.
Riproduzzjoni
immodifikaFtit li xejn huwa magħruf dwar ir-riproduzjoni ta' dawn l-annimali. Fir-raġel it-testikoli huma interni u fil-mara l-marsupju evolva jħares lura biex waqt it-tħaffir taħt l-art ma jidħolx ramel u fih jilqa' minn 1 sa massimu ta' 2 embrjuni kull darba.
Evoluzzjoni
immodifikaIt-talpi marsupjali jipprovdu eżempju ċar ta' evoluzjoni konverġenti mat-talpi plaċentati inġenerali u xi ħaġa partikolari mat-talpi tad-deheb ta' l-Afrika. Għalkemm dawn relatati biss bill-fatt li huma kollha mammiferi, ix-xebħ esterjuri huwa wieħed straordinarju u dan jirrifletti it-toroq simili li huma ħadu fl-evoluzjoni.
Għal ħafna snin il-klassifikazjoni tagħhom fil-grupp tal-marsupjali kienet suġġett ta' dibattitu jaħraq. In-nuqqas ta' fossili ma kien xejn ta' għajnuna għal dan il-misteru u fuq il-bażi li t-talpi marsupjali kellhom ftit karatteristiċi komuni ma' kważi kull marsupjal ieħor, eventwalment ġew kompletament separati u klassifikati għalihom fl-ordni Notoryctemorphia.
Studji molekulari kmieni fis-snin 80 urew li t-talpi marsupjali ma huma relatati fil-qrib ma' l-ebda marsupjal estant (ħaj) llum u deher ukoll li huma kienu qabdu minn kmieni triq separata għalihom fl-evoluzjoni, minn dik tal-bqija tal-marsupjali l-oħra minn ta' lanqas 50 miljun sena ilu. Madankollu morfoloġikament hemm ħjiel li jista jkun li t-talpi marsupjali huma relatati fil-bogħod mal-bandikuti.
Fl-1985, fis-sejba kbira ta' depositi vasti ta' fossili f'Riversleigh fit-Tramuntana ta' Queensland instab fossilu ta' bejn 15 u 20 miljun sena Yalkaparidon coheni bil-molari bħal ta' talpa marsupjal, inċisivi qishom tad-diprotodonti u l-bażi tar-ras ta' skeletru simili ħafna ta' dik tal-bandikuti. Dawn il-fattizzi ma kienu bl-ebda mod identiċi bħal ta' l-ispeċi ħajjin, imma kien ċar li huma relatati jekk mhux saħansitra l-antenat dirett. Fiha nfisha, is-sejba ta' talpa marsupjal tal-Micene ma kinitx misteru kbir, għax bħall-forom moderni kienet diġa mgħammra b'xi adattazzjonijiet għall-ħajja taħt l-art fir-ramel tad-deżert, speċjalment l-idejn b'saħħithom ta' quddiem f'forma ta' pala. Minkejja dankollu, l-ambjent ta' madwar id-depositi fossili ta' Riversleigh dak iż-żmien xejn ma kien qisu dak ta' deżert, infatti fil-Miocene hemm kien foresta tax-xita tropikali.
Suġġeriment minnhom kien li t-talpa marsupjal Yalkaparidon coheni kienet tuża dawk l-idejn biex tgħum, biss il-biċċa l-kbira jaħsbu li dawn kienu speċjalizzazjoni biex tħaffer qalb strat għoli ta' moss, għeruq u weraq fuq wiċċ l-art tal-foresta tax-xita tropikali, u b'hekk, meta il-kontinent Awstraljan qabad bil-mod il-mod it-triq twila lejn id-deżertifikazjoni, it-talpi marsupjali kienu diġa mgħammra bl-għodda bażiċi li llum il-ġurnata jużaw biex iħaffru qalb ir-ramel tad-deżert fil-Punent ta' l-Awstralja.
Klassifikazzjoni
immodifikaIt-talpi marsupjali darba kienu kklassifikati fl-ordni Monotremata, illum il-ġurnata huwa magħruf li huma marsupjali u għaldaqstant ġew klassifikati f'ordni għalihom, in-Notoryctemorphia. Hemm 2 speċi ta' talpi marsupjali dik tat-Tramuntana u dik ta' Nofs in-nhar u dawn tant huma simili ta' xulxin li huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibli biex wieħed jagħraf fuq il-post liema speċi tkun. Il-linja anċestrali ta' dawn it-talpi marsupjali tmur lura minn ta' l-inqas 50 miljun sena ilu u l-klassifikazzjoni eżatta tagħhom għadha suġġett ta' dibattitu sal-lum.
Referenzi
immodifika- University of Western Australia marsupial mole home page
- Research mission to discover conservation requirements (includes photo)
- Nature news story (includes photo)
- AusEmade: Marsupial Mole Information
- Archer, Hand & Godthelp, Australia's lost world: Riversleigh, World Heritage Site, Reed New Holland, 1991. ISBN 1-876334-59-2
- Groves, Colin (2005-11-16). Wilson, D. E., and Reeder, D. M. (eds) Mammal Species of the World, 3rd edition, Johns Hopkins University Press, 22.