Su Nuraxi

nuraghe f'Barumini, Sardenja, l-Italja

Su Nuraxi huwa sit arkeoloġiku tan-nuraghe (il-bini megalitiku tal-qedem prinċipali f'Sardenja, l-Italja, li ġie żviluppat bejn l-1900 u s-730 Q.K.) li jinsab f'Barumini, Sardenja, l-Italja. "Su Nuraxi" tfisser sempliċement "In-Nuraghe" bid-djalett ta' Campidanese, il-varjant lingwistiku tan-Nofsinhar tal-lingwa Sarda.

Su Nuraxi

Su Nuraxi huwa insedjament li jikkonsisti minn nuraghe tas-seklu 17 Q.K., bastjun magħmul minn erba' torrijiet fl-irkejjen u torri ċentrali, u villaġġ li kien abitat mis-sekli 13 sa 6 Q.K. u li ġie żviluppat madwar in-nuraghe. Su Nuraxi jitqies mill-istudjużi bħala l-iktar espressjoni impressjonanti taċ-ċivilizzazzjoni Nuragika u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Struttura

immodifika
 
Su Nuraxi minn ġewwa

L-eqdem parti tan-nuraghe tikkonsisti minn torri ċentrali bi tliet kompartimenti jew kmamar sovraimposti (b'għoli ta' 18.6-il metru). Inbena bi blokok tal-bażalt bejn is-sekli sbatax u tmintax Q.K. Iktar 'il quddiem, matul l-aħħar ta' Żmien il-Bronż, inbnew erba' torrijiet b'sur li jgħaqqadhom flimkien, b'gallarija superjuri (li ma għadhiex teżisti), madwar it-torri ċentrali. It-torrijiet kollha jagħtu għal bitħa interna moqdija minn bir. Matul Żmien il-Ħadid, il-kumpless kien imdawwar bi swar b'seba' daħliet.

Funzjoni

immodifika

Il-funzjoni reali tan-nuraghe għadha inċerta. L-arkeologu li skopra Su Nuraxi, Giovanni Lilliu, ikkonferma l-interpretazzjoni tradizzjonali li s-sit kien tabilħaqq fortizza. Arkeologi oħra jemmnu li l-eqdem parti tal-kumpless kienet destinata għal skop reliġjuż, ta' refuġju, ċivili jew saħansitra bħala parlament jew post irreġistrat f'isem il-kap tal-villaġġ, filwaqt li t-torrijiet ġew miżjuda x'aktarx għal skopijiet militari jew għassa għall-ħażniet.

Villaġġ

immodifika
 
Veduta tal-fdalijiet tal-villaġġ minn fuq in-nuraghe

Madwar in-nuraghe fl-aħħar ta' Żmien il-Bronż inbena villaġġ, maħsub biex jilqa' l-popolazzjoni tal-inħawi. Il-bosta fażijiet ta' ħajja fil-villaġġ jagħmluha impossibbli li jiġi stabbilit l-għadd ta' għorfiet f'fażi waħda. L-għadd ta' għorfiet varja bejn erbgħin sa mitejn, għaldaqstant il-popolazzjoni varjat minn 100 sa 1,000 abitant[2] u l-insedjament inbena bi pjanta ċirkolari b'ħaġriet kbar mgħottija b'ħitan qisu tas-sejjieħ mingħajr tkaħħil u soqfa koniċi magħmula mill-injam u l-friegħi. Għalkemm l-għorfiet kienu strutturati f'unità waħda f'perjodi iktar remoti, iktar 'il quddiem kien hemm tendenza li l-abitazzjonijiet jiġu maqsuma f'unitajiet individwali. Mill-għorfiet li nstabu, l-iktar sinifikanti jidher li kienu rriżervati għal laqgħat tal-mexxejja lokali. Dawn l-għorfiet kienu akbar u kellhom struttura iktar kumplessa. L-għorfiet irriżervati għal laqgħat tal-abitanti kellhom simboli tal-allat li kienu jqimu n-nies lokali. Kmamar jew kompartimenti oħra ġew identifikati bħala kmamar tax-xogħol, kċejjen, u ċentri tal-ipproċessar agrikolu. Matul is-seklu 9-8 Q.K. inbniet sistema tad-dranaġġ flimkien ma' pjazza pavimentata u toroq.[3]

Matul is-sitt seklu Q.K., il-binjiet inqerdu u sussegwentement ġew restawrati minn Kartaġni qabel ma ġew okkupati mir-Rumani. Eventwalment ġew abbandunati għalkollox.

In-nuraghe u l-villaġġ kienu strateġikament konnessi mas-sistema ta' nuraghi oħrajn, bħan-nuraghe b'diversi daħliet li nstabu taħt il-Palazz Zapata tas-seklu 15 fil-villaġġ ta' Barumini.

Skavi arkeoloġiċi

immodifika
 
Fdalijiet importanti mill-iskavi ta' Su Nuraxi

Is-sit arkeoloġiku ġie skavat għalkollox bejn l-1950 u l-1957 taħt id-direzzjoni ta' Giovanni Lilliu, li kien espert lokali. L-iskavi ppermettew lill-arkeologi jmorru lura għall-fażijiet differenti tal-kostruzzjoni tat-torrijiet u tal-villaġġ tal-madwar, u kkonfermaw li matul Żmien ir-Rumani l-kumpless kollu kien ċentru vitali u mimli ħajja sal-ewwel seklu Q.K.

L-iskavi wasslu għas-sejbiet ta' fdalijiet importanti, fosthom għodod, armi, bċejjeċ tal-fuħħar u ornamenti.

Hemm sit nuragiku importanti ieħor fil-qrib f'post fil-qrib magħruf bħala Casa Zapata, u s-sejbiet importanti mill-iskavi tiegħu qegħdin għall-wiri fil-mużew tas-sit.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Su Nuraxi f'Barumini ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Biblijografija

immodifika
  • Dyson Stephen L., Rowland Robert J. (2007). Shepherds, sailors, & conquerors - Archeology and History in Sardinia from the Stone Age to the Middle Ages. Philadelphia: University of Pennsylvania, Museum of Archeology and Anthropology. ISBN 978-1-934536-02-5.
  • Sardegna Cultura - Barumini, Complesso di Su Nuraxi
  • Giovanni Lilliu and Raimondo Zucca, Su Nuraxi di Barumini. Sassari, Carlo Delfino, 2001.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Su Nuraxi di Barumini". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-01.
  2. ^ Lilliu, Giovanni (1983). "Civiltà nuragica : origine e sviluppo". Publications de l'École Française de Rome. 67 (1): 315–333.
  3. ^ "Preistorja dal Paleolitico (bit-Taljan)" (PDF).