Socjetà Filarmonika Madonna ta' Fatima

Banda mill-Pietà, Malta

Il-ħsieb u x-xewqa li fil-lokalità ta’ Tal-Pietà tinħoloq banda kien ilu jberren f’bosta mħuħ imma qatt ma seħħet din ix-xewqa sakemm fl-2020 grupp ta’ ħbieb iddeċieda li akkost ta’ kollox din il-ħolma ta’ ħafna għandhom ikunu huma li jagħmluha realtà.

Twaqqif

Kien il-Ġimgħa, 28 ta’ Awwissu 2020 meta grupp ta’ ħbieb li kollha b’xi mod jew ieħor għandhom xi relazzjoni ma’ Tal-Pietà, ftehmu li jiltaqgħu fil-klabb tal-futbol tal-Pietà Hotspurs. Madwar mejda fil-bar ta’ dan il-każin ġiet imwaqqfa l-banda f’Tal-Pieta. Dawk li kienu madwar il-mejda dakinhar kienu: Dennis Zammit, Damien Saliba, Robert Farrugia, Josef Saliba, Duncan Mifsud, Carl Mifsud, Matthew Zammit, Mark Azzopardi u Patri Reno Muscat. Dak il-jum kellu jitqies bħala t-twaqqif tas-soċjetà. Dawk ta’ madwar il-mejda kienu l-membri tal-Kumitat Fundatur. Kien deċiż li għalissa ma tinxteridx il-kelma dwar it-twaqqif ta’ din l-għaqda ġdida. Intużat prudenza kbira għax il-Kumitat Fundatur ried li ladarba jitħabbar it-twaqqif ta’ din is-soċjetà ikollu saqajh fis-sod. Sa mit-tieni laqgħa nħass li hemm bżonn element femminili fil-kumitat Fundatur. Kienet issuġġerita Natasha Farrugia li min-naħa tagħha laqgħet bil-ħeġġa din in-nomina.

Baqgħu jsiru laqgħat spiss sakemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19 kienu jippermettu. Kien deċiż li l-isem uffiċċjali tal-għaqda jkun Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima – Gwardamanġa Pietà. Beda jinbena statut tal-għaqda u meta ma setgħux isiru aktar laqgħat minħabba l-pandemija, ix-xogħol kompla permezz ta’ laqgħat online.

Is-Sede tal-Għaqda

Il-membri tal-Kumitat Fundatur qabblu li l-għaqda għandha jkollha s-sede tagħha. Kollha qabblu li għandu jsir sfors biex jinkiseb il-post bin-numru 231 fi Triq id-Duluri li jista’ jkun post ideali bħala sede tal-għaqda. Dan il-post kien ilu għal bosta snin mitluq u għalhekk ma kellhiex tkun problema biex jiġi akwistat. Beda l-proċess biex dan il-post jgħaddi f’idejn l-għaqda. Nhar id-9 ta’ Settembru 2021 sar il-ftehim u kien ġiet ffirmat il-kuntratt tal-kiri tal-post li kellu jservi bħala sede tas-Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima.

Titħabbar is-Soċjetà

Issa li l-għaqda kellha d-dar tagħha l-membri tal-Kumitat Fundatur ħaseb li jiltaqa’ bla dewmien. Dakinhar li ħa ċ-ċwievet tal-post f’idejh iltaqa’ u kien deċiż li issa għandu jitħabbar it-twaqqif ta’ din il-banda. Dakinhar filgħaxija stess kienet varata l-paġna ta’ Facebook tas-Soċjetà. Fuq il-paġna tniżżel il-mission statment tas-soċjetà: Is-Soċjetà Filarmonika Madonna ta' Fatima - Gwardamanġa - Pietà twaqqfet bħala għaqda awtonoma u indipendenti minn kull għaqda jew entità oħra fil-lokalità. L-għan ewlieni tas-Soċjetà huwa li tinxtered il-kultura mużikali ġewwa raħalna kif ukoll tkun għaqda soċjali fejn isiru wkoll attivitajiet kulturali u sportivi. Is-Soċjetà Filarmonika Madonna ta' Fatima għandha tkun id-dar komuni tal-Pjetaniżi kollha. Dakinhar ukoll bdew jinġabru s-soċi. Kien Patri Reno Muscat l-ewwel persuna li ħallset il-menswalità. Il-membri l-oħra preżenti ħallsu l-menswalità tagħhom ukoll u nbdiet kampanja ta’ tesserement. Sal-għada filgħodu Tal-Pietà kollu kien qed jitkellem dwar il-banda l-ġdida fil-lokalità tagħhom. Bosta ssieħbu mal-għaqda anke permezz ta’ fomola online li saret apposta.

Arma u standard

L-arma tas-soċjetà

Ġie kkuntattjat l-artist Silvio Pace biex jiddisinja l-arma tas-Soċjetà. Dan l-artist ħadem arma pulita li turi l-arpa u t-trombi li jirrapreżentaw il-mużika, ir-rand li jissibolizza l-glorja u ċ-ċentru ta’ kollox in-Nome di Maria bil-kuruna għaliex is-Soċjetà ġġib isem il-Patruna ta’ Tal-Pietà – Il-Madonna ta’ Fatima. Fil-parti ta’ isfel hemm faxxa bil-kliem: Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima – Gwardamanġa Pietà. L-ispejjeż marbutin max-xogħol ta’ din l-arma tħallsu mill-membru tal-Kumitat Fundatur Dennis Zammit. Sar ukoll standard irrakkmat bin-Nome di Maria u bil-kliem Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima – Gwardamanġa Pietà. Il-ħjata tiegħu saret minn Doris Hili u x-xogħol tal-metal minn Twanny Zammit. Damien Saliba, membru tal-Kumitat Fundatur ħareġ l-ispejjeż kollha għal dan l-istandard.

L-ewwel dehra

Is-soċjetà għamlet l-ewwel dehra tagħha fil-lokalità nhar il-Ħamis 14 ta’ Ottubru 2021. Dakinhar Patri Joseph Zahra OP ġie maħtur kappillan tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima – Gwardamanġa Pietà. Dakinhar fil-knisja parrokkjali kien hemm l-istandard tal-għaqda kif ukoll il-membri tal-Kumitat Fundatur Dennis Zammit, Josef Saliba u Mark Azzopardi bl-ingravata tas-soċjetà.

L-istandard tas-Soċjetà mal-Vara Titulari tal-Madonna ta' Fatima

Laqgħa Ġenerali

Fl-14 ta’ Novembru 2021 saret l-ewwel laqgħa ġenerali biex fiha jiġi elett l-ewwel kumitat amministrattiv. Il-laqgħa nżammet ġewwa s-sala tal-konferenzi tal-Klabb ta’ Pietà Hotspurs u kien hemm attendenza sabiħa ħafna. F’din il-laqgħa sar diskors ta’ merħba minn Patri Reno Muscat OP u s-Sur Josef Saliba li sa mit-twaqqif tal-għaqda wettaq ix-xogħol ta’ segretarju, qara sintesi tal-istatut li kien approvat mill-membri preżenti b’mod unanimu. Minħabba li l-istatut tal-għaqda jgħid li l-Kumitat amministrattiv ma jistax ikun iffurmat minn aktar minn 15-il persuna, inqraw in-nomini u nstab li kienu 15, għalhekk ma kienx hemm għalfejn issir elezzjoni. Il-membri kollha tal-kumitat kienu approvati b’mod unanimu mill-membri preżenti.

Il-kumitat amministrattiv huwa dan:

L-ewwel kumitat amministrattiv mal-membri u l-president onorarji (nieqsa mir-ritratt Carl Mifsud u Duncan Mifsud minħabba mpenji ta' xogħol)

Dr Malcolm Mifsud         President

Sur Charles J. Giuliano    Segretarju

Sur Mark Azzopardi         Kaxxier

Membri tal-kumitat huma s-Sinjuri: Dennis Zammit, Damien Saliba, Fr. Reno Muscat, Josef Saliba Robert Farrugia, Duncan Mifsud, Carl Mifsud, Matthew Zammit, Natasha Farrugia, Reginald Salnitro, Twanny Theuma u Charlie Mizzi.

Fil-laqgħa ġenerali kienu wkoll nominati u approvati is-sinjuri John Saliba, Mario Mallia u Dr Lucien Stafrace bħala membri onorarji u s-Sur Keith Tanti bħala President Onorarju.

L-għada tal-ewwel laqgħa ġenerali il-kumitat iltaqa' fis-sede tiegħu u ħatar lil dawn il-membri f'dawn il-karigi:

Fr Reno Muscat u Natasha Farrugia - Uffiċċjali tar-relazzjonijiet Pubbliċi

Damien Saliba - Direttur Ġenerali

Duncan Mifsud - Delegat tal-Media Soċjali

Il-ġejjieni

Il-ħsieb tal-għaqda hu li fil-qrib issir l-għażla tas-surmat kif ukoll rinnovament tas-sede biex il-post ikun jista’ jaqdi aħjar lill-għaqda u lill-banda.