Siti Metallurġiċi Antiki tal-Burkina Faso
Is-Siti Metallurġiċi Antiki tal-Burkina Faso (bil-Franċiż: Sites de métallurgie ancienne du fer du Burkina Faso) huma ġabra ta' siti metallurġiċi antiki f'ħames postijiet fir-reġjuni tat-Tramuntana u Ċentrali u tan-Nofsinhar tal-Burkina Faso, li jintużaw għall-estrazzjoni tal-ħadid mill-minerali. L-eqdem fost dawn l-istrutturi jmorru lura għal madwar it-800 Q.K., u b'hekk huma fost l-eqdem eżempji magħrufa tal-metallurġija fil-Burkina Faso. Fl-2019, is-siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, minħabba l-evidenza eżemplari tal-metallurġija tal-qedem.[1] Għad-differenza ta' siti oħra fil-lista tal-UNESCO, dawn intgħażlu għax hemm rabta ċara bejn it-tidwib dirett tal-ħadid (għad-differenza tar-riduzzjoni biss tal-ħadid) u s-soċjetà umana bikrija. Is-soċjetà umana bikrija rnexxielha toħloq mod effiċjenti għall-produzzjoni tal-massa tal-ħadid fl-Afrika preindustrijali.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Siti Metallurġiċi Antiki tal-Burkina Faso ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Komponenti
immodifikaIl-ħames kumplessi metallurġiċi li jiffurmaw dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsab madwar l-irħula ta' Douroula, Tiwêga, Yamané, Kindibo u Békuy. B'kollox hemm 15-il fdalijiet ta' fran jew kalkara naturali fil-ħames siti, bi fran iżgħar, minjieri u abitazzjonijiet madwarhom. Il-fran naturali huma għoljin sa ħames metri u jaħdmu b'induzzjoni diretta, bi fluss tal-arja ambjentali. Il-fran iżgħar l-oħra kienu jeħtieġu l-użu ta' mniefaħ biex jaħdmu. Filwaqt li l-fran naturali ikbar jinsabu f'dawk ir-reġjuni biss tal-Burkina Faso msemmija hawn fuq, il-fran iżgħar jinsabu madwar il-pajjiż kollu.
Is-sit ta' Tiwêga, li jinsab 5 kilometri fil-Punent ta' Kaya, fih tliet fran li jaħdmu b'induzzjoni diretta u li nbnew bl-għamla ta' koni maqtugħin, b'għoli ta' madwar 2.6 metri. Il-partijiet t'isfel tal-fran inbnew bi frammenti ta' tuyére mkaħħla bit-tafal, filwaqt li l-parti ta' fuq tagħhom inbnew bi frammenti tal-gagazza. Abbażi tat-tradizzjonijiet orali, dawn il-fran x'aktarx li nbnew bejn is-sekli 15 u 18, u baqgħu jintużaw matul il-perjodu kolonjali tal-Burkina Faso, għalkemm jeħtieġ li ssir iktar riċerka arkeoloġika għad-datazzjoni preċiża tal-fran.[3]
Is-siti ta' Yamané u ta' Kindibo fihom ukoll diversi fran kbar li nbnew b'mod simili. Dawn il-fran imorru lura għas-sekli 13-14 u 10-11, rispettivament. Il-fran iż-żgħar tal-madwar huma ferm iktar ġodda, u nbnew wara s-seklu 15. Fis-sit ta' Yamané, instabu żewġ fran prinċipali. Dawn huma assoċjati mal-"ħaddieda tal-komunità Moosé". Is-sit ta' Kindibo fih tliet fran li għadhom jeżistu u huma għoljin madwar 2.3 metri. Dawn ukoll huma assoċjati mal-komunità Moosé.
Is-sit ta' Békuy huwa partikolari minħabba l-ammont kbir ta' gagazza akkumulata, li tifforma munzelli qrib il-fdalijiet tal-fran sa għoli ta' 11-il metru (36 pied). Il-fran ta' dan is-sit huma ferm iktar antiki (500-400 Q.K.) u huma parzjalment taħt l-art, għaldaqstant kienu jeħtieġu l-użu ta' mniefaħ.
L-eqdem fran jinsabu fis-sit ta' Douroula, bi strutturi metallurġiċi li jmorru lura għas-seklu 8 Q.K. Dan is-sit fih l-eqdem rekord magħruf ta' metallurġija tal-ħadid fil-Burkina Faso. Fl-2018, xi arkeologi sabu 15-il munzell magħmul mill-bnedmin li kien fihom "bċejjeċ tal-fuħħar, moli, għodod u tagħmir tal-ħadid, u oqbra umani". Dan is-sit huwa assoċjat mal-komunità Bwaba.
Permezz tal-produzzjoni tal-ħadid fis-siti metallurġiċi kienu jsiru għodod bħal palettuni u kazzoli li wittew it-triq għan-negozju tal-agrikoltura fil-Burkina Faso kollha. Il-preżenza ta' dawn il-fran hija evidenza li kien hemm sistema metallurġika kumplessa u sofistikata fil-pajjiż kollu. Bl-invażjoni u bil-kolonizzazzjoni tal-Burkina Faso fis-snin 90 tas-seklu 19 mill-Franċiżi, u bil-formazzjoni sussegwenti tal-kolonja tal-Volta ta' Fuq, l-użu ta' dawn il-fran antiki batta. Minflok il-pajjiż beda jipproduċi l-għodod mir-ruttam tal-ħadid. Madankollu, il-ħadid għadu estratt u jinħadem fir-reġjun.[4]
Tradizzjoni u komunità
immodifikaIl-proċess tal-estrazzjoni tal-ħadid mill-minerali fl-irħula u fil-villaġġi tal-Burkina Faso kienet xi ħaġa tradizzjonali u komunitarja. Il-ħaddieda jaqdu rwol vitali fil-komunità kif ukoll fil-proċess tal-produzzjoni tal-ħadid. Fil-komunità dawn jitqiesu bħala l-mexxejja, u jittrattaw lill-adulti u lit-tfal bl-istess mod, jagħtu l-kastigi, jippurifikaw l-oqbra, eċċ. Il-ħaddieda jitqiesu bħala "l-medjaturi privileġġati bejn id-dinja, il-ħlejjaq ħajjin u l-allat tas-sajjetti". B'hekk, il-ħaddieda huma l-kapijiet li jissorveljaw il-produzzjoni tal-ħadid fil-komunità. Qabel ma jieħdu l-ewwel passi biex jagħmlu dan, il-ħaddieda jitolbu lill-antenati tagħhom għall-gwida u għas-saħħa. Għalkemm il-popli llum il-ġurnata ma jipproċessawx il-ħadid bl-istess mod, il-pożizzjoni soċjali tal-ħaddieda għadha simili u r-responsabbiltajiet tagħhom għadhom jinkludu rwol mexxej fir-ritwali importanti u l-forniment tal-għodod għall-għajxien tal-komunitajiet.[5][6]
Preservazzjoni u ġejjieni
immodifikaMinħabba l-importanza tagħhom fl-istorja tat-tidwib tal-ħadid fil-Burkina Faso u l-implikazzjonijiet tagħhom b'rabta mat-teknoloġiji u mat-tradizzjonijiet tal-popli tal-qedem, dawn is-siti huma protetti fuq livell nazzjonali. Wara r-rapport tal-2019 tal-ICOMOS dwar is-siti metallurġiċi, il-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji ħarġet b'rakkomandazzjonijiet għall-Burkina Faso sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni mill-iktar fis, fid-dawl tal-vulnerabbiltà ta' wħud mill-fran li għadhom jeżistu sal-lum. Attwalment, l-unika bażi ta' forn li ġiet protetta fiżikament hija dik tas-sit ta' Douroula. Minħabba r-rabta tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mal-ħaddieda, is-sit jitqies sagru mill-komunitajiet lokali u jiġi protett minnhom. Madankollu, il-Konvenzjoini tal-Wirt Dinji ssostni li jeħtieġ li jsir iktar biex is-sit jiġi protett minn ħsara potenzjali lin-natura.[7]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient Ferrous Metallurgy Sites of Burkina Faso". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-29.
- ^ "Evalwazzjoni ICOMOS" (PDF).
- ^ "LE SITE DE TIWÊGA". www.burkinatourism.com. Miġbur 2024-01-29.
- ^ Jean-Baptiste Kiéthéga (2009), p. 7.
- ^ Kienon-Kabore, Timpoko Hélène (2018-08-23). ANCIENT TECHNIQUES AND TRADITIONAL MEDICINE IN SUB-SAHARAN AFRICA : THE CASE OF FORGES OF OLD METALLURGY OF IRON. EAI International Conference on Technology, R&D, Education and Economy for Africa.
- ^ Francois Pazisnewende Kabore; Walter G. Park; Séraphin Kati-Coulibaly (eds.). Proceedings of the EAI International Conference on Technology, R&D, Education and Economy for Africa. European Alliance for Innovation. ISBN 978-1-63190-161-4.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "43 COM 8B.11 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-29.