Riżervi Naturali ta' Air u ta' Ténéré
Ir-Riżervi Naturali ta' Air u ta' Ténéré (bil-Franċiż: Réserves naturelles de l'Aïr et du Ténéré) huma riżervi naturali nazzjonali fin-Niġer. Jinkludu diversi deżinjazzjonijiet, fosthom bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Ir-riżervi jkopru kemm in-nofs tal-Lvant tal-Muntanji ta' Aïr kif ukoll is-sezzjonijiet tal-Punent tad-Deżert ta' Ténéré.
BirdLife International identifikat ir-riżervi naturali bħala Żona Importanti għall-Għasafar. Il-muntanji huma post importanti għall-għasafar tropikali Afrikani u l-għasafar tal-passa Paleo-Artiċi.
Ir-Riżervi Naturali ta' Air u ta' Ténéré tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991,[1] u sena wara tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu. Ir-riżervi naturali f'daqqa jkopru erja ta' 77,360 kilometru kwadru (29,870 mil kwadru), u b'hekk flimkien huma t-tieni l-ikbar riżerva naturali fl-Afrika, u r-raba' l-ikbar fid-dinja.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Riżervi Naturali ta' Air u ta' Ténéré ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Komponenti
immodifikaIs-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn tliet komponenti.
- Ir-Riżervi Naturali Nazzjonali ta' Aïr u ta' Ténéré:
- Tip IV tal-IUCN;
- Stabbiliti fl-1 ta' Jannar 1988;
- B'erja ta' 64,560 km².
- Is-Santwarju ta' Addax ta' Aïr u ta' Ténéré:
- Riżerva Naturali Stretta tat-Tip Ia tal-IUCN;
- Stabbilit fl-1 ta' Jannar 1988;
- B'erja ta' 12,800 km².
Fl-2023, l-UNESCO rrapportat li r-riżervi kienu mhedda minħabba l-irvelli ċivili u l-estrazzjoni. Għalkemm l-attivitajiet illegali għadhom qed jheddu lir-riżerva, l-involviment lokali għen biex is-sitwazzjoni tal-esplorazzjoni għad-deheb tiġi kkontrollata.
Rapport tal-UNESCO tal-2023 semma erba' missjonijiet ekoloġiċi fis-sit. Dawn il-missjonijiet ikkonfermaw li l-għażżiela ta' Dama u ta' Dorcas, u n-nagħaġ tal-Barbarija għadhom preżenti fir-riżervi naturali. L-addax ilu ma jintemaħ għal 20 sena. Bħala għasafar, ġew osservati 50 speċi u l-ammonti ta' pitarruni tan-Nubja naqsu ferm. Min-naħa l-oħra, ġew osservati 165 speċi ta' għasafar fl-ewwel lista li kienet tħejjiet mill-UNESCO. It-tnaqqis fil-bijodiversità fir-riżervi naturali huwa waħda mir-raġunijiet li tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu, fid-dawl tal-importanza tal-ispeċijiet rappreżentattivi ta' "valur universali straordinarju" fis-sit.[1]
Ġeografija
immodifikaĠeografikament, ir-Riżerva Naturali ta' Aïr hija gżira tal-fawna u tal-flora tas-Saħel, iżolata f'ambjent tad-deżert tas-Saħara. Għalhekk tikkostitwixxi sett ta' relitti ta' ekosistemi eċċezzjonali flimkien ma' pajsaġġi muntanjużi u tal-pjanuri ta' interess u ta' valur estetiku eċċezzjonali.
L-għaram ħajjin tar-Riżerva Naturali ta' Ténéré malajr jimmodifikaw il-pajsaġġ bl-ispostament u bid-depożitu tar-ramel. Ir-reġjun fih muntanji tal-irħam blu ta' interess estetiku uniku għal dan l-ambjent.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Air and Ténéré Natural Reserves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-01.
- ^ "Announcements". Conservation Biology. 3 (1): 16–18. 1989.