Riżerva Naturali ta’ Kaniv
Ir-Riżerva Naturali ta’ Kaniv (bl-Ukren: Канівський природний заповідник) hija riżerva naturali protetta tal-
Ukrajna li tkopri porzjon tax-xatt tal-lemin tax-xmara Dnieper, u żewġ gżejjer tal-pjanura alluvjonali fix-xmara stess. Ir-riżerva tinsab fiċ-ċentru tal-Ukrajna, tul ix-xifer tal-Grigal taż-Żona Muntanjuża ta’ Dnieper. Ir-riżerva nħolqot biex jiġi protett il-ħabitats prezzjużi tal-isteppa forestali u tal-pjanura alluvjonali. Is-sit huwa magħruf għal abbundanza ta’ siti arkeoloġiċi li tħallew minn kulturi ta’ Żmien il-Paleolitiku. Ir-riżerva hija unità tal-Università Nazzjonali ta’ Taras Shevchenko ta’ Kjev, u tinsab fl-Oblast ta’ Cherkasy.[1]
Topografija
immodifikaL-għoljiet fuq ix-xatt tal-lemin (in-naħa tal-Punent) tax-xmara Dnieper huma msaġġra bil-foresti u jirrappreżentaw il-maġġoranza tar-riżerva. L-ikbar gżejjer tal-pjanura alluvjonali huma l-Gżejjer Serpentini (116-il ettaru) fil-Ġibjun ta’ Kaniv, il-Gżira ta’ Shelest (394 ettaru) fix-xmara Dnieper, u l-Gżira ta’ Kruglik fix-xmara Dnieper. Hemm żona protetta ta’ 1,353 ettaru madwar il-konfini tar-riżerva.[2] Ir-riżerva ġiet stabbilita oriġinarjament fl-1923 bħala r-Riżerva Nazzjonali tal-Isteppa Forestali, u sarulha diversi bidliet fil-kontroll qabel ma ħadet l-għamla preżenti tagħha fl-1986.[3]
Klima u ekoreġjun
immodifikaIl-klima tar-Riżerva Naturali ta’ Kaniv hija waħda kontinentali umduża, b’sajf sħun (klassifikazzjoni klimatika ta’ Köppen (Dfb)). Din il-klima hija kkaratterizzata minn differenzi kbar fit-temperatura staġonali u b’sajf sħun (mill-inqas erba’ xhur ikollhom bħala medja iktar minn 10 °C, iżda l-ebda xahar bħala medja ma jkollu iktar minn 22 °C.[4][5]
Ir-Riżerva Naturali ta’ Kaniv hija mifruxa fiż-żewġ naħat taż-żona ta’ tranżizzjoni bejn l-ekoreġjun tal-foresti mħallta tal-Ewropa Ċentrali u l-ekoreġjun tal-isteppa forestali tal-Ewropa tal-Lvant.[6]
Flora u fawna
immodifika85 % tar-riżerva hija msaġġra bil-foresti, u l-iktar siġar komuni huma s-siġar tal-ulmu u tal-ballut. L-annimali huma dawk tipiċi tal-isteppa forestali, inkluż iċ-ċriev selvaġġi, il-baġers, u l-martori. Fir-Riżerva Naturali ta’ Kaniv ġew irreġistrati 233 speċi ta’ għasafar.[3]
Użu pubbliku
immodifikaBħala riżerva naturali stretta, l-iskop primarju tar-Riżerva Naturali ta’ Kaniv huwa l-protezzjoni tan-natura u l-istudju xjentifiku. L-aċċess pubbliku huwa possibbli f’ċerti punti ta’ interess kulturali, b’mod partikolari l-Għolja ta’ Taras, is-sit fejn hemm monument għall-poeta Ukren Taras Shevchenko.
Ir-riżerva tospita wkoll Mużew tan-Natura li huwa miftuħ għall-pubbliku, li fih wirja ta’ 2,000 oġġett b’rabta mal-paleontoloġija, mal-arkeoloġija, mal-forestrija, mal-botanika, maż-żooloġija, u mal-istorja tar-Riżerva Naturali ta’ Kaniv. Żewġ kmamar fil-mużew jagħtu ġieħ lix-xjenzat Ukren Mykola Biliashivsky. Il-persunal tar-riżerva joffru żjarat iggwidati għall-pubbliku li jsiru fi tliet rotot ekoloġiċi turistiċi fir-riżerva. Dawn ir-rotot huma miftuħa biss fix-xhur meta t-temperatura tkun sħuna. Akkomodazzjoni limitata hija disponibbli wkoll fuq il-post.[7]
Referenzi
immodifika- ^ "Канівський природний заповідник". kanivbiosfera.at.ua. Miġbur 2021-05-03.
- ^ "Канівський природний заповідник". kanivbiosfera.at.ua. Miġbur 2021-05-03.
- ^ a b "Kaniv State Nature Reserve". www.encyclopediaofukraine.com. Miġbur 2021-05-03.
- ^ "Kottek, M., J. Grieser, C. Beck, B. Rudolf, and F. Rubel, 2006. "World Map of Koppen-Geiger Climate Classification Updated" (PDF). Gebrüder Borntraeger 2006" (PDF).
- ^ "World Maps of the Köppen-Geiger Climate Classification | Data Catalog". datacatalog.worldbank.org. Miġbur 2021-05-03.
- ^ "Ecoregions 2017 ©". ecoregions2017.appspot.com. Miġbur 2021-05-03.
- ^ "Канівський природний заповідник". kanivbiosfera.at.ua. Miġbur 2021-05-03.