Riżerva Naturali Stretta tat-Tsingy ta' Bemaraha
Ir-Riżerva Naturali Stretta tat-Tsingy ta' Bemaraha (bil-Malagasi: Tsingin'ny Bemaraha, bil-Franċiż: Réserve naturelle intégrale du Tsingy de Bemaraha), magħrufa wkoll bħala l-Park Nazzjonali tat-Tsingy ta' Bemaraha, hija riżerva naturali li tinsab qrib il-kosta tal-Punent ta' Madagascar fir-Reġjun ta' Melaky. Ir-riżerva tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990 minħabba l-ġeografija unika, il-foresti ppreservati tal-mangrovji, u l-popolazzjonijiet ta' għasafar u ta' lemurs selvaġġi.[1][2]
Park Nazzjonali
immodifikaIn-naħa tan-Nofsinhar taż-żona protetta saret Park Nazzjonali tat-Tsingy ta' Bemaraha fl-1997, filwaqt li n-naħa tat-Tramuntana taż-żona protetta għadha riżerva naturali stretta (bil-Franċiż: Réserve Naturelle Intégrale). Il-konfini tas-sit ġew aġġustati l-aħħar fl-2011.
Il-park huwa kkaratterizzat minn formazzjonijiet ġeoloġiċi ppuntati tal-ġebla tal-ġir, fuq irdumijiet 'il fuq mix-xmara Manambolo.[3] Il-formazzjonijiet tassew ippuntati qishom labar tal-ġebla tal-ġir kapaċi jċarrtu t-tagħmir u l-laħam faċilment, u b'hekk tassew diffiċli li wieħed jgħaddi minnhom. It-terminu "Tsingy" oriġina minn kelma lokali li tfisser "il-post fejn wieħed ma jistax jimxi ħafi".
Turiżmu
immodifikaIt-turisti jistgħu jaċċessaw il-park nazzjonali bit-triq minn Morondava, raħal li jinsab 150 kilometru fin-Nofsinhar tal-park. Aċċess limitat huwa possibbli wkoll mir-raħal ta' Antsalova, li wieħed jista' jasal għalih bl-ajruplan minn Antananarivo jew minn Mahajanga.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Riżerva Naturali Stretta tat-Tsingy ta' Bemaraha ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990. Is-sit ġie estiż fl-2023 biex jinkludi ħames komponenti oħra apparti r-riżerva naturali stretta li sadanittant saret meqjusa bħala park nazzjonali. Flimkien dawn ġew imsejħa l-Foresti Nexfin ta' Andrefana u jinkludu l-Park Nazzjonali tat-Tsingy ta' Bemaraha, ir-Riżerva ta' Ankarana, il-Park Nazzjonali ta' Ankarafantsika, il-Park Nazzjonali ta' Tsimanampetsotse, ir-Riżerva ta' Analamerana u l-Park Nazzjonali ta' Mikea.[1][4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Andrefana Dry Forests". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-27.
- ^ "National Geographic Magazine - NGM.com". web.archive.org. 2009-10-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-10-22. Miġbur 2024-01-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2024-01-27.
- ^ "Major natural areas receive World Heritage protection, based on IUCN advice - News | IUCN". www.iucn.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-27.