Reġjun tal-Estrazzjoni tal-Minerali ta' Erzgebirge/Krušnohoří
Ir-Reġjun tal-Estrazzjoni tal-Minerali ta' Erzgebirge/Krušnohoří (bil-Ġermaniż: Montanregion Erzgebirge, biċ-Ċek: Hornický region Erzgebirge/Krušnohoří) huwa pajsaġġ muntanjuż ta' wirt industrijali, li għandu iktar minn 800 sena, fir-reġjun tal-fruntiera tal-Muntanji Minerarji bejn l-istat federali Ġermaniż tas-Sassonja u t-Tramuntana tal-Boemja fir-Repubblika Ċeka. Ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn għadd wiesa' ta' monumenti storiċi, il-biċċa l-kbira oriġinali, tat-teknoloġija, kif ukoll diversi monumenti individwali u kollezzjonijiet marbuta mal-industrija storika tax-xogħol fil-minjieri tar-reġjun. Fis-6 ta' Lulju 2019, ir-Reġjun tal-Estrazzjoni tal-Minerali ta' Erzgebirge/Krušnohoří tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, minħabba li huwa xhieda eċċezzjonali tal-avvanzi fit-teknoloġija tax-xogħol fil-minjieri u fl-estrazzjoni matul dawn l-aħħar 800 sena.[1][2]
Deskrizzjoni
immodifikaIr-Reġjun tal-Estrazzjoni tal-Minerali ta' Erzgebirge/Krušnohoří huwa reġjun twil madwar 95 kilometru (59 mil) u wiesa' 45 kilometru (28 mil), tul il-fruntiera tal-Ġermanja u taċ-Ċekja, li fih densità kbira ta' siti u monumenti storiċi tax-xogħol fil-minjieri u tal-estrazzjoni. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn 22 sit differenti; 17 fil-Ġermanja u 5 fiċ-Ċekja. Minħabba l-intensità u n-natura kontinwa tax-xogħol fil-minjieri fir-reġjun, il-pajsaġġ kollu huwa influwenzat bil-kbir mix-xogħol fil-minjieri, mit-trasport għall-provvista tal-ilma u l-ippjanar urban. Ir-reġjun jinkludi bost relitti ppreservati tajjeb mill-minjieri abbandunati, inkluż il-minjieri nfushom, ix-xaftijiet tal-minjieri, l-impjanti tad-tidwib tal-minerali, u l-impjanti bl-imrietel industrijali.[3]
Storja
immodifikaMill-ewwel skoperta ta' minerali tal-fidda fl-1168 f'Christiansdorf fit-territorju tas-subborg attwali ta' Freiberg, li huwa parti mill-Impjant Minerarju ta' Freiberg, ix-xogħol fil-minjieri u l-estrazzjoni twettqu bla waqfien fil-Muntanji Minerarji sal-1990. Matul dak iż-żmien, diversi metalli differenti ġew estratti mir-reġjun. Il-fidda kienet l-ewwel metall li ġie estratt fir-reġjun (b'mod partikolari madwar Freiberg), u r-reġjun kien produttur ewlieni dinji tal-minerali tal-fidda matul is-sekli 14 sa 16.[3] Fuq in-naħa Ċeka tal-muntanji, Krupka kibret f'belt prominenti tax-xogħol fil-minjieri, bl-estrazzjoni tal-fidda, tal-landa, u iktar 'il quddiem tal-ħadid, taċ-ċomb, tar-ram u tal-merkurju. Wara li d-depożiti superfiċjali tal-fidda u tal-landa bdew jonqsu fis-seklu 16, ir-reġjun sar famuż bħala produtturi dinji tal-kobalt, status li żamm sa nofs is-seklu 18. Finalment, l-antraċit u l-uranju ġew estratti fis-sekli 19 u 20, u kienu l-muturi għall-iżvilupp ekonomiku tas-Sassonja. Illum il-ġurnata, id-depożiti tal-indju, tat-tungstenu, tal-landa u tal-litju qed jiġu investigati għall-potenzjal ekonomiku tagħhom.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Reġjun tal-Estrazzjoni tal-Minerali ta' Erzgebirge/Krušnohoří ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO fl-2019.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Erzgebirge/Krušnohoří Mining Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-11.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-11.
- ^ a b ċ "Nomination dossier. UNESCO".