Qabar ta' Askia
Il-Qabar ta' Askia, f'Gao, il-Mali, huwa maħsub li kien il-post fejn indifen Askia Mohammad I, wieħed mill-iżjed imperaturi prolifiċi tal-Imperu Songhai. Inbena fl-aħħar tas-seklu 15 u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
L-UNESCO tiddeskrivi l-qabar bħala eżempju fin tat-tradizzjonijiet tal-binjiet tat-tajn monumentali tas-Saħel fil-Punent tal-Afrika. Il-kumpless jinkludi l-qabar piramidali, żewġ moskej, ċimiterju u art fejn setgħu jinġemgħu n-nies. Il-qabar huwa għoli 17-il metru (56 pied) u huwa l-ikbar monument arkitettoniku prekolonjali f'Gao. Huwa eżempju notevoli tal-istil arkitettoniku tas-Sudan u tas-Saħel li iktar 'il quddiem infirex madwar ir-reġjun.
Modifiki relattivament reċenti fis-sit jinkludu l-espansjoni tal-binjiet tal-moskea fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20, u l-kostruzzjoni ta' ħajt madwar is-sit fl-1999. Il-qabar ġie mkaħħal mill-ġdid regolarment matul l-istorja tiegħu, li huwa proċess essenzjali għaż-żamma u għat-tiswija tal-istrutturi tat-tajn. L-elettriku żdied fil-bidu tas-seklu 21, biex b'hekk setgħu jiżdiedu l-fannijiet mas-saqaf, id-dwal u loudspeaker fuq nett tal-istruttura.
Il-Qabar ta' Askia jintuża b'mod regolari bħala moskea u bħala ċentru kulturali b'sjieda pubblika għall-belt ta' Gao. Is-sit u żona ta' lqugħ madwaru huma protetti b'liġijiet lokali u nazzjonali.
Storja
immodifikaAskia Mohammed kien l-ewwel imperatur Askia u kabbar l-Imperu Songhai. Bħala Musulman devot, huwa ħassu obbligat li jagħmel il-pellegrinaġġ tiegħu lejn il-Mekka, u reġa' lura minnu fl-1495. Huwa ġabu miegħu l-materjali biex jibni l-qabar tiegħu; it-tajn u l-injam kollu ġie mill-Mekka. Jingħad li l-karovana kienet magħmula minn "eluf ta' iġmla". Il-qabar ġie strutturat bħala dar, b'diversi kmamar u passaġġi, u ġie ssiġillat meta Askia Mohammed I miet.
Għalkemm Askia Mohammed I huwa l-unika individwu li ndifen fil-qabar stess, diversi Askia oħra ndifnu fil-bitħa tal-madwar.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Qabar ta' Askia ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tomb of Askia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-11.