Pitons, Cirques u Rdumijiet tal-Gżira ta' Réunion
Il-Pitons, is-cirques u l-irdumijiet tal-Gżira ta' Réunion huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-2010.[1] Is-sit jinsab fil-Gżira ta' Réunion, fit-territorju ekstra-Ewropew Franċiż fil-Lbiċ tal-Oċean Indjan. L-erja tas-sit tirrappreżenta ftit iktar minn 40 % tal-art tal-gżira fiż-żona ċentrali tal-park nazzjonali ta' Réunion, flimkien ma' Le Grande Chaloupe, Piton d'Anchaing, il-foresta ta' Mare Longue u La Chapelle de Cilaos.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pitons, is-cirques u l-irdumijiet tal-Gżira ta' Réunion, fil-qalba tal-park nazzjonali ta' Réunion, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[1] Jinsab fil-Gżira ta' Réunion, 800 kilometru mill-kosta ta' Madagascar u 200 kilometru fit-Tramuntana tat-Tropiku ta' Kaprikornu.
Apparti l-qalba tal-park nazzjonali ta' Réunion hemm għadd ta' siti individwali oħra li jagħmlu parti mis-sit. Il-quċċata ta' Piton d'Anchaing u l-irdum ta' La Chapelle ġew inklużi fis-sit minħabba l-partikolarità ġeoloġika tagħhom.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Komponenti
immodifikaŻewġ vulkani tal-gżira
immodifikaFil-gżira hemm żewġ vulkani ta' epoki differenti:
- Il-Piton des Neiges, maħluq minn diversi attivitajiet vulkaniċi konsekuttivi u xi kultant fl-istess żmien, fih 3,070 metru. Ilu mhux attiv għal 12,000 sena u wassal għall-ħolqien ta' tliet cirques (Mafate, Salazie u Cilaos).
- Il-Piton de la Fournaise, huwa attiv regolarment u huwa wieħed mill-iżjed vulkani attivi tal-pjaneta (l-aħħar żbroffar seħħ fil-25 ta Ottubru 2019). Fih 2,631 metru u l-krater tiegħu huwa l-unika parti viżibbli tiegħu: il-kon vulkaniku tal-Piton de la Fournaise fil-fatt fih iktar minn 6,000 metru mill-qiegħ tal-oċean. Skont id-dokument ippreżentat matul l-34 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji dan il-vulkan huwa "ktieb dwar l-istorja tad-dinja". Il-preżenza ta' żewġ massiċċi vulkaniċi f'art ta' daqs pjuttost ċkejken jitqies bħala rikkezza rari li tippermetti ħjiel bla preċedent tal-istorja tal-pajsaġġi vulkaniċi.
Tliet cirques
immodifikaKull wieħed mit-tliet cirques fih xi karatteristika partikolari. Mafate biss jagħmel parti kompletament mill-perimetru definit tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Cilaos u Salazie, li jitqies bħala li ġarrbu wisq ħsarat mill-attivitajiet tal-bniedem, ġew deklassifikati bħala żoni ta' lqugħ fuq talba tal-IUCN, li vvalutat in-nomina tas-sit indikattiv fl-2008. Mafate huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta' "sinsliet" kbar u għoljin allinjati mal-qċaċet u mal-widien. Is-cirque ta' Cilaos jinsab fil-Lbiċ tal-Piton des Neiges, u fil-parti l-iktar għolja tiegħu, jagħti kenn lil diversi artijiet għoljin fejn ġew żviluppati xi ċentri abitati. Ix-xita torrenzjali fl-inħawi ta' Salazie jwasslu għall-iżvilupp ta' bosta kaskati maġenb l-irdumijiet vertikali u meta jiffurmaw jagħtu spettaklu mill-isbaħ. Skont l-UNESCO, "il-qċaċet kollha, is-cirques u l-irdumijiet joħolqu pajsaġġ spettakolari u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità tad-dinja", xi ħaġa li wasslet biex is-sit isir Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO.
Żewġ mogħdijiet prinċipali jwasslu għall-qalba tas-cirques ta' Salazie u Cilaos; it-tieni waħda hija mlaqqma bħala t-triq b'400 lilwa. Għal Mafate, l-aċċess naturali huwa mid-distrett ta' Rivière des Galets: din hija mogħdija ta' 10 kilometri, li teħtieġ l-użu ta' vettura 4X4 biex wieħed jasal sa Deux Bras u minn hemm ikompli bil-mixi. Inkella, dan is-cirque tal-aħħar huwa aċċessibbli permezz ta' mogħdijiet bil-mixi mill-qċaċet ta' Maïdo, Dos d'Âne, Col du Taïbit (minn Cilaos) u Col des Bœufs (minn Salazie).
Irdumijiet
immodifikaL-irdumijiet jew remparts huma karatteristika partikolari tal-Gżira ta' Réunion. Bħall-bastjuni mibnija mill-bniedem, l-irdumijiet naturali huma weqfin ferm u għandhom oriġini li tvarja bejn diversi epoki, li jsawru ferm id-dehra u l-mogħdijiet fi ħdanhom. L-irdumijiet prinċipali huma dawn li ġejjin:
- Rempart des Sables;
- Rempart de la Rivière de l'Est;
- Rempart du Tremblet;
- Rempart de Bellecombe;
- Grandes Pentes;
- Cap Anglais;
- Rempart de Bois Blanc;
- Rempart de Mahavel.
Foresti tas-siġar tal-ispeċi Pandanus fil-Plaine des Palmistes
immodifikaIl-foresti tas-siġar tal-ispeċi Pandanus f'altitudni medja fil-Plaine-des-Palmistes, magħrufa wkoll bħala l-foresti tas-siġar tal-ispeċi Pandanus des Hauts de l'Est, li jinsabu 'l barra mill-konfini tal-park nazzjonali ta' Réunion, ġew inkorporati fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fuq talba tal-esperti tal-IUCN. Ikopru iktar minn 170 ettaru u fihom rikkezza ta' importanza kbira bħala bijodiversità.
Foresta seminiexfa ta' La Grande Chaloupe
immodifikaIl-foresta seminiexfa ta' La Grande Chaloupe fiha bosta speċijiet endemiċi, li jgħixu fuq 1 % tal-art oriġinarja tal-foresta fuq ftit irqajja' ta' veġetazzjoni sporadika, li jinsabu f'riskju li jgħebu, u magħhom parti mill-bijodiversità tad-dinja. L-ispeċijiet endemiċi jinstabu l-iktar fl-inħawi ta' La Grande Chaloupe, fl-irdumijiet ta' La Possession u l-villaġ ta' Saint-Bernard. Il-Konservatorju Kostali, bis-saħħa tal-fondi Ewropej u bl-għajnuna ta' siti volontarji, ikabbar u jintroduċi mill-ġdid eluf ta' pjanti bl-għan li terġa' tinħoloq kontinwità ekoloġika u tiġi miġġielda l-proliferazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pitons, cirques and remparts of Reunion Island". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-13.