Pimachiowin Aki

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kanada

Pimachiowin Aki (pronunzja: /ˌpɪˈmætʃəwɪn ɑːˈkiː/ pih-MATCH-uh-win ah-KEE) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-foresta boreali li tkopri partijiet ta' Manitoba u ta' Ontario. Is-sit ikopri erja ta' iktar minn 29,000 kilometru kwadru (11,000 mil kwadru), u jkopri t-territorji anċestrali tal-Ewwel Ġnus, fosthom l-Ewwel Ġens ta' Poplar River, l-Ewwel Ġens ta' Little Grand Rapids, l-Ewwel Ġens ta' Pauingassi, u l-Ewwel Ġens ta' Bloodvein.[1][2] Is-sit jinkludi wkoll il-Park Provinċjali ta' Atikaki f'Manitoba u l-Park Provinċjali ta' Woodland Caribou f'Ontario. Il-proposta oriġinali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bdiet bl-iffirmar tal-Ftehim taż-Żoni Protetti u tal-Protezzjoni tar-Riżorsi tal-Ewwel Ġnus fl-2002.[3] L-isem ifisser art li tagħti l-ħajja bil-lingwa Ojibwe (ᐱᒪᒋᐅᐃᐧᓂ ᐊᑭ).[4]

Ħajt tal-blat fil-Park Provinċjali ta' Woodland Caribou.

Benefiċċji

immodifika

Il-partenarjat ta' Pimachiowin Aki jemmen li l-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jġib miegħu bosta benefiċċji. Komunitajiet qrib is-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO madwar id-dinja żviluppaw sens ta' kburija fil-protezzjoni ta' postijiet uniċi u speċjali simili, u rrealizzaw żvilupp ekonomiku u opportunitajiet lokali ta' impjieg. Benefiċċji potenzjali oħra huma ż-żieda ta' appoġġ u ta' għajnuna minn organizzazzjonijiet, gvernijiet, negozji u voluntiera oħra għall-ġestjoni tas-sit, u oħrajn isostnu kif benefiċċju potenzjali oħra huwa l-mod kif l-art tiġi protetta u ġestita għall-ġejjieni.

Appoġġ mill-gvern

immodifika

Id-ditta Manitoba Hydro inizjalment ippjanat mogħdija idroloġika ewlenija minn qalb is-sit imsejħa Bipole III. Ftit jiem qabel ma rtira mill-kariga tiegħu, il-Prim Ministru Gary Doer ħabbar li l-gvern kien se jagħti donazzjoni ta' $10 miljun lil fond fiduċjarju għal Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fin-naħa tal-Lvant tal-Lag ta' Winnipeg.[5] Il-Partit Demokratiku Ġdid (NDP) sostna li l-mogħdija ta' Bipole III kienet se xxekkel il-probabbiltà ta' deżinjazzjoni tal-inħawi bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u sostna li d-deżinjazzjoni kienet se twassal iktar benefiċċji għall-komunitajiet tal-Ewwel Ġnus.[6] L-NDP ippropona mogħdija idroloġika alternattiva itwal u iktar għalja lejn il-Punent ta' Manitoba biex tiġi ppreservata l-integrità ambjentali tan-naħa tal-Lvant u tiġi appoġġata d-deżinjazzjoni tat-territorju bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Fl-2004, Parks Canada f'isem il-gvern federali żied lil Pimachiowin Aki fil-lista tas-siti indikattivi tal-Kanada biex potenzjalment isiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-ġejjieni.[7] Is-sit indikattiv tressaq biex jitqies għad-deżinjazzjoni fl-2013. Il-Kumitat tal-Wirt Dinji ddeferixxa d-deżinjazzjoni biex in-nominaturi jkollhom il-ħin meħtieġ biex jindirizzaw xi aspetti tan-nominazzjoni, filwaqt li sostna wkoll li l-Kumitat stess kellu bżonn itejjeb il-proċess tan-nominazzjoni għas-siti mħallta (kulturali u naturali) li dak iż-żmien kellu xi problemi strutturali.

Fl-2016, wara modifika li saret fin-nominazzjoni biex tiffoka iktar fuq it-tradizzjoni kulturali Ojibwe tal-Ji-ganawendamang Gidakiiminaan (żamma tal-art), kien mistenni li l-Kumitat kien se jniżżel is-sit mal-bqija tal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Madankollu, il-Kanada talbet u kisbet differiment wara li l-Ewwel Ġens ta' Pikangikum f'Ontario rtira l-appoġġ tiegħu. Fl-2018, il-Kumitat tal-Wirt Dinji niżżel is-sit fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-42 sessjoni tiegħu f'Manama, il-Bahrain, bil-parteċipazzjoni ta' erba' mill-Ewwel Ġnus minn ħamsa.[8][9]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[7]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "The Land That Gives Life". Pimachiowin Aki (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  2. ^ "The People | www.pimachiowinaki.org". web.archive.org. 2018-09-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-09-12. Miġbur 2024-06-21.
  3. ^ "Pimachiowin Aki Fact Sheet" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-03. Miġbur 2024-06-21.
  4. ^ "Pimachiowin Aki". www.thecanadianencyclopedia.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  5. ^ Posted: (2009-10-13). "Oct 2009: Doer announces $10-M UNESCO trust fund" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.Manutenzjoni CS1: punteġġjatura żejda (link)
  6. ^ "West-side line is a $1.4 billion mistake, critics say". uniter.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  7. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - Tentative Lists". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Pimachiowin Aki". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-21.
  9. ^ "Evaluations of Nominations of Cultural and Mixed Properties WHC-18/42.COM/INF.8B1" (PDF).