Pietru Pawl Zerafa

Patri Pietru Pawl Zerafa (Nadur, Għawdex, 24 ta' Frar 1929 - 23 ta' Marzu 2011) kien studjuż tal-Iskrittura Mqaddsa.

Pietru Pawl Zerafa
Ħajja
Twelid Nadur, 24 Frar 1929
Mewt 23 Marzu 2011
Edukazzjoni
Livell tal-edukazzjoni sacred theology (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni għalliem fl-università
teologu

Studji immodifika

Wara li ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola ta' raħal twelidu u mbagħad l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminjarju Minuri tar-Rabat, Għawdex, hu daħal mad-Dumnikani fir-Rabat , Malta, fejn ipprofessa fil-31 ta' Ottubru 1948. Ordna saċerdot fid-19 ta' Diċembru 1953.

Għamel studji ta' speċjalizzazzjoni fit-Teoloġija u l-Iskrittura Mqaddsa fl-Universita' Pontifiċja San Tumas ta' Aquino f'Ruma (Angelicum) u mbagħad fl-École Biblique ta' Ġerusalemm. Hu akkwista żewġ Dottorati: wieħed fit-Teoloġija mill-Angelicum (S.Th.D) u ieħor mill-Kummissjoni Biblika Pontifiċja (S.Sc.D.(Vat). L-Ordni Dumnikan tah ukoll il-Maġisteru fit-Teoloġija Mqaddsa (S.Th.M) fl-1970.

Għalliem immodifika

Għal iktar minn 30 sena hu għallem l-Iskrittura Mqaddsa fl-Universita' Angelicum u f'Istituzzjonijiet oħrajn f'Ruma bħal Venerable Beda College, il-Mater Ecclesiae, u d-Dar tal-Istudji tal-Patrijiet Karmelitani u, barra Ruma, fis-Seminarju Reġjonali ta' Viterbo. Għal erba' snin hu ta korsijiet fis-sajf, fl-iSpalding College, Louiville, KY, USA. Minbarra dan ix-xogħol ta' tagħlim, hu ppublika kotba, u kiteb għadd kbir ta' artikli għal rivisti xjentifiċi. Dan, minbarra l-konferenzi li kien jagħti quddiem udjenzi varji.

Bejn l-1966 u 1980, hu kien Konsultur għall-Kummissjoni Pontifiċja għall-verżjoni l-ġdida tal-Vulgata.

Hawn Malta, sa mill-1991, kien membru tal-Kummissjoni Teoloġika Arċidjocesana Djoċesana u membru tal-Għaqda Biblika Maltija li, fi ħdanha, ta sehem għat-traduzzjoni tal-Bibbja bil-Malti. Kien ukoll Kanoniku Onorarju tal-Kapitlu Kolleġġjali tal-Kolleġġjata Bażilika u Arċipretali ta' San Pietru u San Pawl tan-Nadur, Għawdex.

Ħajja personali immodifika

Fil-ħajja personali tiegħu, P. Pietru Pawl kien magħruf għall-ħajja sempliċi li kien jgħix. Bniedem metodiku għall-aħħar, konkret u rejalista, kien magħruf għall-passiġġati twal, u għall-imħabba li kellu lejn in-Natura, li kien isejħilha l-‘kattidral ta' Alla'! Kien bniedem b'sense of humour fin, jirrispetta lil kulħadd u, fl-istess ħin, li qatt ma ħares lejn l-uċuh. Kien jgħożż ħafna l-valuri tal-lejalta' u tas-sinċerita', tal-koerenza u tad-dedikazzjoni personali. Għal diversi snin, hu kien iqaddes ta' kull filgħodu għand fl-Istitut ta' San Guzepp f'Ħaż-Żabbar, immexxi mis-Sorijiet Dumnikani.

Mewt immodifika

Il-funeral ta' P.Pietru Pawl sar fil-Knisja tal-Lunzjata, il-Birgu, nhar il-Ħamis 24 ta' Marzu 2011. Minbarra ħutu, qraba u ħbieb, attenda wkoll, għall-funeral , l-Isqof tad-Djoċesi ta' Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech. Mons. Arcisqof P. Pawl Cremona O.P., ħabib personali u li kien għex miegħu, għal diversi snin fl-istess kunvent, f'Ruma u fir-Rabat, Malta , li, imma ma setax ikun preżenti personalment minħabba indispozizzjoni, bagħat il-kondoljanzi u l-wegħda ta' tisħib fit-talb.