Park Storiku ta' Phu Phrabat

park storiku fil-provinċja ta' Udon Thani, it-Tajlandja

Il-Park Storiku ta' Phu Phrabat (bit-Tajlandiż: ภูพระบาท, pronunzja: [pʰūː pʰráʔ bàːt]; bit-Tajlandiż tal-Grigal: ภูพระบาท, pronunzja [pʰu᷇ː pʰàʔ bàːt]), spelluta wkoll Phu Phra Bat, huwa park storiku fid-Distrett ta' Ban Phue, il-Provinċja ta' Udon Thani, it-Tajlandja. Il-karatteristika li tiddistingwi l-park hija l-formazzjonijiet mhux tas-soltu tal-blat li madwarhom inbnew santwarji reliġjużi. Uħud mill-formazzjonijiet fihom ukoll tpittir preistoriku fuq il-blat.

Ho Nang Usa.

Il-park ġie stabbilit mid-Dipartiment tal-Belle Arti tat-Tajlandja fl-1991.[1]

Il-Park Storiku ta' Phu Phrabat jinsab fin-naħa tal-Punent tal-Muntanji ta' Phu Phan bejn Udon Thani u Nong Khai, f'distanza ta' madwar 65 kilometru (40 mil) minn kull belt. L-erja tal-park hi ta' 1,200 akru (4.9 km2) u jinsab kollu fi ħdan il-Park Forestali ta' Phu Phra Bat Buabok.

Formazzjonijiet tal-blat

immodifika

Il-formazzjonijiet tal-blat mhux tas-soltu fil-park jinkludu qċaċet, ħaġar kbir u blat ibbilanċjat, u jiffurmaw l-isfond għas-santwarji reliġjużi u għall-arti preistorika li nħolqot hemmhekk.[2] Huwa maħsub li l-oriġini ġeoloġika ta' dan il-blat hi permezz tal-erożjoni ta' taħt il-baħar li seħħet ħmistax-il miljun sena ilu.[3]

Arti preistorika

immodifika
 
It-tpittir preistoriku fuq il-blat ta' Tham Khon.

Wieħed jista' japprezza t-tpittir preistoriku fuq il-blat l-iktar fejn xi blat ifforma kenn naturali. Tpittir ieħor iċċara b'mod konsiderevoli. Il-formazzjonijiet imsejħa Tham Wua u Tham Khon huma eżempji partikolarment tajbin; fl-ewwel formazzjoni hemm tpittir ta' gniedes, filwaqt li fil-formazzjoni tal-aħħar hemm tpittir ta' figuri umani. It-tpittir fuq il-blat tal-park storiku huwa maħsub li jmur lura għal 6,000 sena ilu.[3]

Mitoloġija

immodifika

Il-formazzjonijiet tal-blat tal-Park Storiku ta' Phu Phrabat servew bħala sfond għal leġġenda lokali dwar re, bintu u l-għarus tagħha. L-iżjed formazzjoni tal-blat li tispikka fil-park, Ho Nang Usa, hija l-post fejn ir-re protettiv iżżejjed ġiegħel lil bintu tgħix. Minkejja l-post fejn inżammet, hija rnexxielha twassal messaġġ lill-għarus tagħha u t-tnejn iżżewġu kontra r-rieda ta' missierha.

Santwarji reliġjużi

immodifika
 
Santwarju reliġjuż fil-Park Storiku ta' Phu Phrabat.

Ho Nang Usa hija waħda mill-bosta formazzjonijiet tal-blat fejn inbena santwarju. Is-santwarji bikrin imorru lura għall-perjodu Dvaravati fis-sekli 7 sa 10 W.K. Is-santwarji fihom influwenzi Induisti u Buddisti.

L-iżjed santwarju sinifikanti tal-park storiku huwa Wat Phra Putthabaht Bua Bok, fejn chedi bi stil Cham–Khmer tgħatti kompartiment li fih l-impronta tal-Buddha fil-ġebel ramli. Is-santwarju huwa sit ta' pellegrinaġġ u f'Marzu ta' kull sena jsir festival.[2][3]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Phu Phrabat, xhieda tat-tradizzjoni Sīma tal-perjodu Dvaravati, huwa t-titlu uffiċjali ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li ġie ddeżinjat fl-2024.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Phu Phra Bat Historical Park in Udon Thani Thailand - Phu Phra Bat Hi…". archive.ph. 2013-04-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-16. Miġbur 2024-10-12.
  2. ^ a b Williams, China; Beales, Mark; Bewer, Tim (Frar 2012). Lonely Planet Thailand (14th ed.). Lonely Planet Publications. pp. 460. ISBN 978-1-74179-714-5.
  3. ^ a b ċ Gray, Paul; Ridout, Lucy (1995). Thailand - The Rough Guide (2nd ed.). Rough Guides Limited. p. 378. ISBN 1-85828-140-7.
  4. ^ a b "Phu Phrabat, a testimony to the Sīma stone tradition of the Dvaravati period - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-12.