Park Nazzjonali ta' Morne Trois Pitons

park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Dominica

Il-Park Nazzjonali ta' Morne Trois Pitons huwa park nazzjonali f'Dominica li ġie stabbilit f'Lulju 1975, u kien l-ewwel wieħed li ġie stabbilit legalment fil-pajjiż.[1] Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2] Il-park ingħata isem l-ogħla muntanja tiegħu, Morne Trois Pitons, li litteralment tfisser "muntanja tat-tliet qċaċet". Il-park jinsab f'żona ta' attività vulkanika sinifikanti. Fost il-karatteristiċi tal-park hemm il-Wied tad-Deżolazzjoni, mimli għadajjar tat-tajn ibaqbqu u geysers żgħar, il-Lag Ibaqbaq, il-Fondoq ta' Titou u l-Għadira Lewn l-Iżmerald. Il-muntanja hija t-tieni l-ogħla quċċata f'Dominica wara Morne Diablotins (1,447 metru (4,747 pied)).[3]

Mogħdija għall-mixi fil-Park Nazzjonali ta' Morne Trois Pitons.

Il-park ġie stabbilit fl-1975 u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1][2] Għandu erja ta' madwar 7,000 ettaru (17,000 akru), u huwa ddominat mill-vulkani ta' Morne Trois Pitons (1,342 metru (4,403 pied)), li hija l-muntanja li għaliha ngħata isem il-park. It-tliet tipi ewlenin ta' formazzjonijiet ġeoloġiċi li jinstabu fil-park huma l-koni vulkaniċi, ix-xaqlibiet tal-glażiż, u s-soufrières (depożiti tal-kubrit). Il-pajsaġġ jikkonsisti minn għoljiet b'xaqlibiet weqfin li huma sseparati minn xulxin permezz ta' kanjons fondi. Il-passaġġi ewlenin tal-ilma tan-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira jfeġġu minn hawnhekk, u hemm kaskati, qaliet, xmajjar, għadajjar u lagi naturali spettakolari. L-attività vulkanika kontinwa toħroġ fid-dieher permezz tad-duħħan tal-istim u tal-fawwariet termali, il-geysers, l-għadajjar tat-tajn, u n-nixxigħat ta' diversi lwien. Il-Lag Ibaqbaq huwa baċir idaħħan mimli bl-ilma b'temperatura ta' bejn 180 u 197 °F (82–92 °C) qrib ix-xifer u b'qalba iktar taħraq, fejn l-ilma jbaqbaq mill-fond.[4]

Il-park huwa ġestit mid-Diviżjoni tal-Forestrija, tan-Natura Selvaġġa u tal-Parks Nazzjonali, taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Agrikoltura u s-Sajd. L-artijiet weqfin u mħarbta ma ħeġġewx l-iżvilupp, u b'hekk fi ħdan il-park ma hemm l-ebda insedjament uman. Madankollu, hemm barriera żgħira u xi raba' agrikolu limitat fin-naħa tan-Nofsinhar; il-kumpanija tad-dawl tal-gvern għandha ċerti drittijiet, iżda dawn qed jintużaw għall-enerġija idroelettrika u għall-estrazzjoni tal-enerġija ġeotermika. Hemm xi riskji għan-natura selvaġġa mill-inkursjoni ta' qtates, ħnieżer u firien selvaġġi, u hemm riskji minn speċijiet aljeni invażivi. Minn żmien għal żmien il-gżira tiġi devastata mill-uragani u saret ħsara estensiva mill-Uragan David (1979) u mill-Uragan Allen (1980). Proposta biex jitħeġġeġ it-turiżmu permezz tal-kostruzzjoni ta' cable car fuq il-park ma ntlaqgħetx, iżda jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-aspirazzjonijiet tal-bniedem u ż-żamma tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ uniku.

Il-biċċa l-kbira tal-park għadu jħaddan il-ħabitat naturali u hemm għadd ta' żoni differenti tal-veġetazzjoni, tal-foresti pluvjali tropikali, tal-foresti sekondarja, tal-foresti ħorfija, tal-foresti pluvjali muntanjużi, u tal-foresti nani. Is-siġar il-kbar fil-foresti pluvjali jikbru sa bejn 30 u 40 metru (100 u 130 pied) u jkollhom għeruq fondi u kbar. Is-siġra dominanti hija l-Amanoa caribaea, iżda l-iSloanea dengata, l-iSloanea caribaea, u l-iSloanea berteroana jikbru bil-bosta wkoll; is-Symphonia globulifera u ċ-Cecropia peltata jkollhom għeruq tassew enormi u fondi. Flimkien mas-siġar jikbru wkoll il-felċi u l-epifiti, fosthom l-orkidej u l-bromelijadi. Fl-altitudnijiet ogħla, id-daqs tas-siġar jiċkien, u jikbru s-siġar tal-palm tal-muntanji, il-felċi u l-hibiscus, filwaqt li qrib il-qċaċet hemm foresti nani b'arbuxxelli baxxi, muski u likeni. Fil-Wied tad-Deżolazzjoni, il-gassijiet tal-kubrit jillimitaw il-veġetazzjoni, u fihom jikbru l-Clusia mangle, il-ħaxix u l-bromelijadi.[5]

Fost il-mammiferi li jgħixu fil-park hemm l-agoutis, il-ħnieżer selvaġġi, l-opossums, bosta rodituri żgħar u l-friefet il-lejl. Hemm ukoll għadd kbir ta' għasafar li jgħixu fil-foresti, iżda iktar jinstemgħu milli jidhru. Hemm erba' speċijiet ta' kolibrì, is-solitarju ta' sidru aħmar, u żewġ pappagalli endemiċi: il-pappagall imperjali u l-pappagall ta' għonqu aħmar. Il-park ġie ddeżinjat bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International peress li jsostni diversi popolazzjonijiet ta' għasafar rari li jitnisslu fil-park. Il-gremxula tas-siġar endemika ta' Dominica, Anolis oculatus, tinstab fil-park ukoll, bħal bosta speċijiet ta' żrinġijiet tas-siġar.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta' Morne Trois Pitons ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Hailey, Adrian (2011). Conservation of Caribbean Island Herpetofaunas Volume 2: Regional Accounts of the West Indies. BRILL. p. 162. ISBN 978-9004194083.
  2. ^ a b ċ d "Morne Trois Pitons National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-12.
  3. ^ "Morne Diablotins - Peakbagger.com". www.peakbagger.com. Miġbur 2024-12-12.
  4. ^ Fournier, N.; Witham, F.; Moreau-Fournier, M.; Bardou, L. (2009). "Boiling Lake of Dominica, West Indies: High-temperature volcanic crater lake dynamics". Journal of Geophysical Research. 114 (B2). doi:10.1029/2008JB005773.
  5. ^ a b Crask, Paul (2008). Dominica. Bradt Travel Guides. pp. 121–122. ISBN 978-1-84162-217-0.