Park Nazzjonali ta' Garamba
Il-Park Nazzjonali ta' Garamba (bil-Franċiż: Parc national de la Garamba) huwa park nazzjonali fil-Grigal tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo li jkopri erja ta' kważi 5,200 km2 (2,000 mil kwadru). Huwa fost l-eqdem parks tal-Afrika u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 bis-saħħa tal-protezzjoni tal-ħabitat kritiku tiegħu għar-rinoċeronti bojod tat-Tramuntana, għall-iljunfanti Afrikani, għall-ippopotami u għall-ġiraffi. Il-Park Nazzjonali ta' Garamba ilu jiġi ġestit mill-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani fi sħubija mal-Istitut tal-Kongo għall-Konservazzjoni tan-Natura mill-2005.[1]
Ħarsa ġenerali
immodifikaIl-Park Nazzjonali ta' Garamba ġie stabbilit fl-1938 u jkopri erja ta' 4,900 km2 (1,900 mil kwadru) fil-Grigal tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Jikkonfina mar-Riżerva tal-Kaċċa ta' Gangala-na-Bodio fil-Punent, fin-Nofsinhar u fil-Lvant, u jikkonfina mas-Sudan t'Isfel fit-Tramuntana u fil-Grigal. Huwa parti miż-żona tas-savanna ta' bejn is-Sudan u l-Guinea.[2][3] Huwa wieħed mill-eqdem parks u żoni protetti fl-Afrika.[4] Jinsab fiż-żona ta' tranżizzjoni bejn żewġ ċentri ta' endemiżmu: is-savanna ta' bejn il-Guinea u l-Kongo u s-savanna ta' bejn il-Guinea u s-Sudan. Dawn iż-żewġ żoni bijoġeografiċi jsostnu varjetà ta' organiżmi selvaġġi, li esperjenzaw tnaqqis fil-popolazzjonijiet f'dawn l-aħħar deċennji minħabba l-insib. Ir-rangers tal-ICCN, megħjuna mis-suldati tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, jaħdmu biex jipproteġu l-Park Nazzjonali ta' Garamba min-nassaba u mill-gruppi ribelli.[5]
Storja
immodifikaIl-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1938.[6]
Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980,[1] u ġie inkluż fil-lista tas-siti fil-periklu mill-1984 sal-1992.[7][8] Bejn l-1991 u l-1993, 50,000 refuġjat Sudaniż insedjaw ruħhom kemm kemm 'il barra mill-Park Nazzjonali ta' Garamba wara li ġew spostati mill-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan, u dan wassal għal żieda fl-insib. Ġie rrapportat li kien hemm total ta' 121 kunflitt bejn in-nassaba u r-rangers tal-park bejn l-1993 u l-1995, u r-rangers irkupraw iktar minn 900 arma mill-1991 sal-1996. Il-Fondazzjoni Internazzjonali tar-Rinoċeronti pprovdiet il-finanzjament għall-vetturi tar-rondi fil-park fl-1994, u għas-salarji tar-rangers fl-1995. Fi Frar 1996, żewġ rinoċeronti — wieħed maskili, Bawesi, u Juliet, eżemplar femminili tqila — inqatlu. Il-Park Nazzjonali ta' Garamba reġa' tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu fl-1996 minħabba l-insib tar-rinoċeronti bojod tat-Tramuntana.[9][10] Wara għadd ta' telfiet matul l-Ewwel Gwerra tal-Kongo u t-Tieni Gwerra Ċivili tas-Sudan, speċjalment l-Operazzjoni Thunderbolt (Sajjetta), l-insorġenti mill-Uganda tad-WNBF u tal-UNRF (II) sabu refuġju fil-Park Nazzjonali ta' Garamba fl-1997.[11] Organizzazzjonijiet bħas-Soċjetà Żooloġika ta' Frankfurt, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, u l-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi ħadmu wkoll mal-awtoritajiet lokali sabiex il-park jiġi riabilitat.
L-isforzi tal-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani kontra l-insib jingħad li rnexxielhom inaqqsu l-imwiet tal-annimali.[12] Skont il-BBC, il-ġestjoni tal-Park Nazzjonali ta' Garamba ġiet iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u minn donaturi privati. Skont l-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani, kontributuri oħra kienu jinkludu l-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali, is-Servizz tal-Istati Uniti għall-Ħut u l-Organiżmi Selvaġġi, il-Fondazzjoni tal-Felini Selvaġġi, u l-Bank Dinji.[13]
Mill-2005, iż-żona protetta titqies bħala Unità tal-Konservazzjoni tal-Iljuni flimkien ma' Domaine Chasse Bili Uere.[14]
In-nassaba qatlu mill-inqas 21 ranger tal-park fl-aħħar għaxar snin, u t-tħassib rigward is-sigurtà wassal biex il-Park Nazzjonali ta' Garamba jdum biex jistabbilixxi ruħu bħala destinazzjoni turistika. L-Armata tar-Reżistenza tal-Mulej ta' Joseph Kony użat il-park bħala refuġju.[15] Fl-2009, il-grupp tal-guerrilla attakka l-faċilità ta' Nagero tal-Park Nazzjonali ta' Garamba, u qatel mill-inqas tmien persuni, fosthom żewġ rangers tal-park, u darab tlettax-il persuna oħra. Ir-ribelli serqu wkoll l-ikel u l-fjuwil, u qerdu diversi binjiet tal-park. In-nassaba qatlu ħames rangers u tliet membri tal-Forzi Armati tal-Kongo fi tliet kunflitti fl-2015,[16] u qatlu iktar nies f'Ottubru.[17] F'April 2016, in-nassaba sparaw u qatlu tliet rangers tal-park, u darbu lil oħrajn (fosthom il-maniġer tal-Park Nazzjonali ta' Garamba ta' dak iż-żmien),[18][19][20] u żewġ rangers tal-park inqatlu minn nassaba tal-iljunfanti f'April 2017. Skont il-ġurnalista fotografika Kate Brooks, li ġibdet xi filmati fil-Park Nazzjonali ta' Garamba għad-dokumentarju tagħha The Last Animals (L-Aħħar Annimali), tlettax-il ranger tal-park u persunal militari nqatlu huma u jiddefendu l-Park Nazzjonali ta' Garamba bejn Jannar 2015 u April 2017.[21]
Fl-2017, in-National Geographic Documentary Films ħarġu The Protectors: Walk in the Rangers' Shoes, dokumentarju qasir tar-realtà virtwali tar-reġista Kathryn Bigelow dwar ir-rangers tal-park u l-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-organiżmi selvaġġi tal-Park Nazzjonali ta' Garamba. F'April 2017, il-Festival tal-Films ta' Tribeca ta l-premju magħruf bħala d-Disruptor Award f'ġieħ ir-rangers li nqatlu waqt li kienu qed jipproteġu l-park "għax-xogħol u għall-qlubija tagħhom fid-difiża tal-iljunfanti".[22]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Nazzjonali ta' Garamba ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Flora u fawna
immodifikaIl-bwar tal-ħaxix tas-savanna tal-park isostnu densità baxxa ta' akaċji. Uħud mill-ispeċijiet ta' ħaxix tal-Park Nazzjonali ta' Garamba jistgħu jikbru saħansitra sa għoli ta' 10 piedi (3.0 metri).
Il-Park Nazzjonali ta' Garamba jospita varjetà ta' speċijiet ta' mammiferi, inkluż diversi speċijiet ta' għażżiela, bufli, iljunfanti, jeni, ħnieżer selvaġġi ġganteski tal-foresti, ġiraffi, ippopotami u iljuni. Il-park fih l-unika popolazzjoni ta' ġiraffi li għad fadal fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-sottospeċi ta' Kordofan, u waħda mill-ikbar popolazzjoni ta' iljunfanti li għad fadal fil-pajjiż.
L-iljunfanti tal-Park Nazzjonali ta' Garamba jitqiesu bħala speċi ibrida tas-savanna Afrikana u sottospeċi tal-foresti Afrikani. L-insib ċekken il-popolazzjoni ta' iljunfanti fil-park f'dawn l-aħħar deċennji. Fl-2011 kien hemm madwar 2,800 iljunfant.[23] Fl-2017, kien stmat li kien hemm inqas minn 2,000 iljunfant fil-Park Nazzjonali ta' Garamba, tnaqqis sinifikanti mill-madwar 20,000 iljunfant fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20. 22 iljunfant inqatlu fl-2012, u fl-2014 in-nassaba qatlu 68 iljunfant tal-park fi żmien xahrejn.[24][25]
Id-daqsijiet tal-popolazzjoni tal-ġiraffi varjaw, iżda wrew tnaqqis ġenerali fis-snin 90 tas-seklu 20 u fl-ewwel deċennji tas-seklu 21. Skont Mongabay, l-ogħla popolazzjoni kienet ta' 300 ġiraffa fl-1976, u fl-2008 ġew irrapportati iktar minn 100. Il-gazzetta The Times sostniet li kien hemm 356 ġiraffa fl-1993, u 86 ġiraffa biss sal-2007.[26] The Christian Science Monitor sostniet li kien hemm 86 ġiraffa fl-2003 u 38 ġiraffa biss fl-2016.[27] Fl-2022 kien hem 71 ġiraffa. Fl-2024, l-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani rrapportat li kien hemm iktar minn 80 ġiraffa ta' Kordofan. L-insib huwa l-ikbar theddida għall-popolazzjoni tal-ġiraffi tal-Park Nazzjonali ta' Garamba.[28]
Fl-imgħoddi l-park kellu l-aħħar popolazzjoni ta' rinoċeronti bojod tat-Tramuntana li kienu jgħixu fis-selvaġġ. F'nofs is-snin 80 tas-seklu 20 ġew irrapportati ħmistax biss fil-park, u dan wassal biex il-Park Nazzjonali ta' Garamba jitniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu mill-UNESCO. Fl-2003-2004, ġie rrapportat li kien hemm bejn 20 u 25 rinoċeront abjad fil-park.[29][30][31] Fl-2023, sforzi ta' introduzzjoni mill-ġdid tal-annimal wasslu biex 16-il rinoċeront abjad jiġu ttrasferiti minn riżerva privata tal-Amerka t'Isfel għall-park.
Fil-park ġew irreġistrati 138 speċi ta' mammiferi u 286 speċi ta' għasafar, inkluż is-Sagittarius serpentarius.
L-interazzjonijiet bejn il-bnedmin u l-annimali selvaġġi fil-park u fil-madwar tiegħu rriżultaw f'kunflitt bejniethom. In-nassaba lokali u tas-Sudan t'Isfel jikkaċċjaw l-iljunfanti, spiss għall-avorju tagħhom. L-organiżmi selvaġġi tal-Park Nazzjonali ta' Garamba ġew affettwati wkoll minn gruppi bħall-Huda u l-Wodaabe (jew "Mbororo") li riedu jirgħu l-annimali ddomestikati tagħhom.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Garamba National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-27.
- ^ De Merode, E., Hillman-Smith, K., Nicholas, A., Ndey, A. and Likango, M. (2000). "The spatial correlates of wildlife distribution around Garamba National Park, Democratic Republic of Congo". International Journal of Remote Sensing. 21 (13–14): 2665–2683.
- ^ "Go on Patrol with Elephant Guardians in New 360 Film". web.archive.org. 2017-05-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-13. Miġbur 2024-02-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Gettleman, Jeffrey (2012-09-04). "Elephants Dying in Epic Frenzy as Ivory Fuels Wars and Profits" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-27.
- ^ Canby, Peter (2016-05-04). "Shootout in Garamba". The New Yorker (bl-Ingliż).
- ^ Avant, Deborah D. The Market for Force: The Consequences of Privatizing Security (bl-Ingliż). Cambridge University Press. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Ir-Rapport tat-Tmien Sessjoni tal-UNESCO" (PDF).
- ^ "Ir-Rapport tal-Għoxrin Sessjoni tal-UNESCO" (PDF).
- ^ "Prince William in plan to tackle wildlife trafficking" (bl-Ingliż). 2016-03-15. Miġbur 2024-02-28.
- ^ Heale, Jay; Yong, Jui Lin (2009). Democratic Republic of the Congo. Marshall Cavendish. p. 67. ISBN 9780761444787.
- ^ Prunier, Gérard (July 2004). "Rebel Movements and Proxy Warfare: Uganda, Sudan and the Congo (1986–99)". African Affairs. 103 (412): 359–383. p. 377.
- ^ "DRC's Garamba National Park: The last giraffes of the Congo". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2017-05-09. Miġbur 2024-02-28.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2004) Garamba National Park (Democratic Republic of the Congo)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ IUCN Cat Specialist Group (2006). Conservation Strategy for the Lion Panthera leo in Eastern and Southern Africa. Pretoria, l-Afrika t'Isfel: IUCN.
- ^ "Kony 2013: U.S. Quietly Intensifies Effort to Help African Troops Capture Infamous Warlord (Posted 2013-10-29 16:43:39) ; Special Operations Forces "Pushing on All Fronts" in Their Assistance to African Troops, Commander Says - The Washington Post | HighBeam Research". web.archive.org. 2015-01-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-01-16. Miġbur 2024-02-28.
- ^ Dasgupta, Shreya (2017-04-25). "Two wildlife rangers killed by poachers in Democratic Republic of the Congo" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Four rangers killed by poachers in Congo national park" (bl-Ingliż). 2015-10-09. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Elephant poachers have killed three rangers at a wildlife park". The Independent (bl-Ingliż). 2016-04-26. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Armed poachers killing rangers who defend elephants in Congo park - CBS News". www.cbsnews.com (bl-Ingliż). 2016-05-24. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "African park ranger hits out at Hong Kong ivory trade". The Star (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ Brooks, Kate (2017-05-13). "Where Terrorism and the Ivory Trade Collide" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Kathryn Bigelow on VR: 'I Love It' - Daily Herald (Arlington Heights, IL) | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-13. Miġbur 2024-02-28.
- ^ East, Rod (1990). Antelopes: Global Survey and Regional Action Plans, Part 3. International Union for Conservation of Nature. p. 131. ISBN 9782831700168.
- ^ Press, Associated (2014-06-13). "Nearly 70 elephants slaughtered by poachers at national park in Africa: officials" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ "68 elephants killed in the last two months at African wildlife refuge". PBS NewsHour (bl-Ingliż). 2014-06-13. Miġbur 2024-02-28.
- ^ Starkey, Jerome (2024-02-28). "Congo giraffes near to extinction" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Why Is This Rare Giraffe Almost Extinct? - The Christian Science Monitor | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-13. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Kordofan Giraffe Conservation in DRC - Giraffe Conservation Foundation" (bl-Ingliż). 2019-03-12. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Lumbering into Extinction - The Washington Post | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-13. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Congolese rebel troops push rare white rhino toward extinction - Chicago Sun-Times | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-13. Miġbur 2024-02-28.
- ^ "Warning over loss of white rhino - The Irish Times | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-04-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-13. Miġbur 2024-02-28.