Palianytsia

ħobż tradizzjonali Ukren

Il-palianytsia (bl-Ukren: Паляниця, pronunzja: [pɐlʲɐˈnɪt͡sʲɐ]) hija tip ta' ħobża Ukrena moħmija fil-fuklar, magħmula l-iktar mid-dqiq tal-qamħ. Il-ħobża għandha għamla semiċirkolari u l-parti ta' fuq fiha, lejn żewġ terzi tagħha, ikollha qasma tipika.

Bolla tal-Ukrajna bil-ħobża tradizzjonali

Etimoloġija

immodifika

Il-kelma "palianytsia" ġejja minn "пали́ти", il-kelma bl-Ukren li tfisser "taħraq" jew "duħħan".[1] Dan għaliex, meta l-ħobża tinħema, il-qoxra ġieli tinħaraq meta tkun qed togħla u ssir. Fis-seklu 19, ir-Russi kienu jużaw ismijiet simili.[2]

Ahatanhel Krymsky, Ukrenofilu u studjuż magħruf, kien jemmen li l-kelma "palianytsia" ġejja mill-Grieg "pelanos" (Πελανος).

Riċetta

immodifika

Il-palianytsia tradizzjonali kienet tinħema mill-għaġina tal-ħmira. L-ewwel nett, il-ħops kien jitgħalla f'borma, li mbagħad kien jiġi mferra' f'makitra, u jiżdied id-dqiq tal-qamħ mgħarbul. L-għaġina li kienet tirriżulta minn dan il-proċess kienet tingħaġen, titgħatta b'makitra u titħalla tibred. Il-ħmira jew il-ħmira prima kienet tiżdied mal-għaġina meta tibred u mbagħad titqiegħed f'forn mhux imsaħħan għal mal-lejl. Filgħodu, l-għaġina li kienet tkun għoliet diġà kienet tkompli tingħaġen bid-dqiq tal-qamħ, u kienu jiżdiedu l-misħun u l-melħ. L-għaġina kienet terġa' tingħaġen mal-lejl sakemm ma kinitx tibqa' teħel iktar ma' idejn il-furnar. Wara dan il-proċess, l-għaġina kienet tiġi maqsuma f'biċċiet, li mbagħad kienu jiġu miftuħa b'lembuba fuq il-mejda. Il-ħobż li kien jirriżulta minn dan il-proċess kien jitqiegħed fil-forn fuq pala twila tal-injam, u jitraxxax bid-dqiq jew weraq tal-kaboċċi fuq il-fwar. Finalment, kienet issir il-qatgħa fuq il-parti ta' fuq tal-ħobża biex tkun tista' tkompli togħla iktar meta tinħema.[3]

Skont l-istandard tekniku internazzjonali GOST 12793-77, il-furnara tal-Unjoni Sovjetika kienu jipproduċu "palianytsia Ukrena" standardizzata li kienet tinħema fuq il-forom.[4] Kien ikollha piż ta' 750 gramma sa kilogramma, u kien ikollha qasma laterali lejn tliet kwarti tal-parti ta' fuq ġejja għat-tond tagħha.

Simboliżmu

immodifika

Fil-Kristjaneżmu, il-palianytsia, bħall-ħobż inġenerali, jissimboleġġa l-ferħ u l-benessri, il-ġisem ta' Kristu, l-għożża, l-ospitalità u s-sigurtà. Il-palianytsia tista' tiġi interpretata wkoll bħala simbolu tax-xemx.[5]

Skont it-twemmin popolari, ma għandekx tiekol biċċa palianytsia wara ħaddieħor, għaliex inkella teħdilhom il-ferħ tagħhom. Bħala superstizzjoni l-aħjar li tiekol biċċa sħiħa u mhux tħalli xi biċċa mhux mikula; barra minn hekk, superstizzjoni oħra hi li jekk wieħed jiekol il-ħobża minn wara dahar persuna oħra, "jiklilha" saħħitha.[5]

Użi oħra

immodifika

Il-kelma "palianytsia" tintuża bħala drawwa fil-lingwa Ukrena, li tidentifika min ma għandux il-lingwa Ukrena bħala lingwa nativa. Ir-Russi għandhom it-tendenza li jippronunzjaw il-kelma "palianytsia" b'ħoss ta' "i" artab iktar milli "и", u xi kultant "ц" tieħu post "тс".[6] Matul l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fl-2022, il-kelma saret waħda minn dawk li ġew proposti għall-użu biex jiġu identifikati l-membri ta' gruppi sovversivi tal-għadu.[7]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Етимологічний словник української мови. Том 4: Н–П. 2003.
  2. ^ Киевская старина (1899). 1899.
  3. ^ Ethnographic Review No 1-2 (in Russian). Moscow: Ethnographic Department of the Imperial Society of Naturalists, Anthropologists and Ethnographers. 1899.
  4. ^ "ГОСТ 27842-88 Хлеб из пшеничной муки. Технические условия (с Изменениями N 1, 2) от 29 сентября 1988 - docs.cntd.ru". docs.cntd.ru. Miġbur 2022-03-25.
  5. ^ a b Коцур, В.П.; Потапенко, О.І.; Куйбіда, B.В. (2015). Енциклопедичний словник символів культури України (in Ukrainian). ISBN 9789662464481.
  6. ^ "Shibboleth" (bl-Ingliż). 2013-10-09. Miġbur 2022-03-25.
  7. ^ "Скажи паляниця: чому саме це слово вибрали для ідентифікації російських військових". Апостроф (bl-Ukren). Miġbur 2022-03-25.