Pajsaġġ Kulturali tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Honghe Hani
Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Honghe Hani jinsab fil-Kontea ta' Yuanyang, il-Prefettura ta' Honghe, Yunnan, iċ-Ċina. L-istorja tal-għelieqi mtarrġa tmur lura madwar 1,200 sena. Il-pajsaġġ kollu huwa estiż fuq 1,000,000 akru u erba' kontej: Yuanyang, Honghe, Jinpin u Lüchun, għalkemm il-qalba tal-għelieqi mtarrġa tinsab fil-Kontea ta' Yuanyang. Fl-2013, 16,603 ettari tal-Pajsaġġ Kulturali tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Honghe Hani tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tal-kostruzzjoni reżiljenti u straordinarja tagħhom, is-sistema soċjo-ekoloġika unika tagħhom, u l-importanza tagħhom għall-poplu Hani.[1][2]
Deskrizzjoni
immodifikaIl-Pajsaġġ Kulturali tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Honghe Hani jinsab max-xtut tan-Nofsinhar tax-xmara Hong, taħt il-Muntanji Ailao fin-Nofsinhar ta' Yunnan, iċ-Ċina. L-art muntanjuża u mħarbta kif ukoll l-ammont kbir ta' xita annwali wasslu għall-ħolqien ta' sistema kumplessa ta' għelieqi mtarrġa għat-tkabbir tar-ross, b'xi postijiet fejn hemm saħansitra iktar minn 3,000 għalqa mtarrġa bejn it-tarf tal-foresti u l-art tal-widien. Kanali tal-irrigazzjoni u akwifers artifiċjali magħmula mill-ġebel ramli jipprovdu l-ilma fil-pajsaġġ kollu. Din is-sistema ilha tiġi mħaddma u rrestawrata b'mod kontinwu mill-poplu Hani għal iktar minn 1,300 sena. Il-kultivazzjoni tar-ross huwa parti importanti tal-kultura, tat-teoloġija, tal-kalendarju u tas-sistema politika tal-poplu Hani.[3]
L-għelieqi mtarrġa jsegwu struttura vertikali distinta li wasslet biex il-pajsaġġ jippersisti għal daqstant snin. Il-pajsaġġ jinkorpora foresti, villaġġi, għelieqi mtarrġa u l-provvista tal-ilma. Fil-qċaċet tal-muntanji (f'elevazzjoni ogħla minn 2,000 metru), il-foresti ġew ikkonservati, u jaġixxu bħala żona tal-iskular tal-ilma tax-xita li tipprovdi l-ilma lill-għelieqi mtarrġa ta' taħthom. Sistema elaborata ta' kanali u ta' fosos jiddevjaw l-ilma lejn l-għelieqi mtarrġa iktar 'l isfel. Il-villaġġi fir-reġjun normalment huma mibnija eżatt taħt il-foresti, f'għoli ta' bejn 1,400 u 2,000 metru. Fi ħdan dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, jiġu protetti 82 villaġġ, kull wieħed b'50-100 unità domestika. Il-binjiet normalment huma magħmula bit-tajn, bil-ħuxlief u bil-ġebel. Kull unità domestika tieħu ħsieb għalqa mtarrġa jew tnejn iktar 'l isfel miż-żona residenzjali, u s-soltu fihom ikabbru r-ross aħmar u jnisslu l-bhejjem tal-ifrat.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pajsaġġ Kulturali tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Honghe Hani ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2013.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ "Cultural Landscape of Honghe Hani Rice Terraces". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-07.
- ^ "中国哈尼梯田"申遗"成功 - 新闻中心 - 新华网". web.archive.org. 2015-02-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-05. Miġbur 2024-09-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "World Heritage Convention -- Cultural Heritage Nominated by People's Republic of China: Cultural Landscape of Honghe Hani Rice Terraces" (PDF).