Oqbra imperjali tad-dinastiji Ming u Qing
L-oqbra imperjali tad-dinastiji Ming u Qing (biċ-Ċiniż issimplifikat: 明清皇家陵寝; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 明清皇家陵寢; bil-pinyin: Míng Qīng Huángjiā Língqǐn) huwa t-titlu li bih l-UNESCO ddeżinjat 14-il qabar u kumpless tad-dfin fiċ-Ċina bħala Sit ta’ Wirt Dinji. Dawn l-oqbra jmorru lura għal żmien id-dinastiji Ming u Qing.[1]
L-oqbra imperjali ġew inklużi fil-lista fi tliet fażijiet: fis-sena 2000 ġew miżjuda l-ewwel erba’, fl-2003 is-sit ġie estiż biex jiġu inklużi seba’ oħra ta’ Xiaoling, u fl-2004 ġew miżjuda tlieta oħra fil-provinċja ta’ Liaoning.[1]
Oqbra imperjali tad-dinastija Ming
immodifikaL-oqbra imperjali tad-dinastija Ming huma ġabra ta’ mawżolej li nbnew mill-imperaturi tad-dinastija Ming fiċ-Ċina. Il-qabar tal-ewwel imperatur tad-dinastija Ming jinsab ħdejn il-belt kapitali tiegħu Nanjing. Madankollu, il-maġġoranza tal-oqbra tad-dinastija Ming (mhux kollha jiffurmaw parti mis-Sit ta’ Wirt Dinji) jinsabu raggruppati ħdejn Beijing u huma magħrufa kollettivament bħala t-Tlettax-il Qabar tad-Dinastija Ming (biċ-Ċiniż: 明十三陵; bil-pinyin: Míng Shísān Líng). Dawn jinsabu fid-distrett ta’ Changping fil-muniċipalità ta’ Beijing, 42 kilometru fit-Tramuntana u fil-Majjistral taċ-ċentru tal-belt ta’ Beijing. Il-post fejn jinsabu l-oqbra, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Muntanja Tianshou (oriġinarjament il-Muntanja Huangtu), intgħażel abbażi tal-prinċipji tal-feng shui mit-tieliet imperatur tad-dinastija Ming, l-imperatur Yongle. Wara l-kostruzzjoni tal-Palazz Imperjali (il-Belt Projbita) fl-1420, l-imperatur Yongle għażel il-post fejn xtaq jindifen u ħoloq il-mawżolew tiegħu stess. L-imperaturi li ġew warajh bnew il-mawżolej tagħhom fl-istess wied.
Mill-imperaturi Yongle ’il quddiem, 13-il imperatur tad-dinastija Ming indifnu fl-istess żona. Il-qabar ta’ Xiaoling tal-ewwel imperatur tad-dinastija Ming, l-imperatur Hongwu, jinsab ħdejn il-belt kapitali tiegħu Nanjing; it-tieni imperatur, Jianwen, tneħħa mill-poter mill-imperatur Yongle u għeb, mingħajr ebda qabar magħruf. L-imperatur “temporanju”, Jingtai, ma ndifinx hemm lanqas, peress li l-imperatur Tianshun ċaħadlu d-dfin imperjali; minflok, l-imperatur Jingtai ndifen fil-Punent ta’ Beijing. L-aħħar imperatur li ndifen hemmhekk kien Chongzhen, l-aħħar wieħed tad-dinastija tiegħu, li għamel suiċidju u tgħallaq fil-25 ta’ April 1644. Huwa ndifen fil-qabar tal-konkubina tiegħu, il-Konsorti Tian, li iktar ’il quddiem ġie ddikjarat bħala l-mawżolew imperjali Si Ling mill-imperatur tad-dinastija Shun, Li Zicheng, bi skala ferm iżgħar mill-mawżolej imperjali l-oħra li nbnew għall-imperaturi tad-dinastija Ming.
Matul id-dinastija Ming, l-oqbra ma kinux aċċessibbli għaċ-ċittadini komuni qabel il-ħakma min-naħa tal-armata ta’ Li Zicheng.
Fl-1725, l-imperatur Yongzheng tad-dinastija Qing ikkonferixxa t-titlu ereditarju ta’ Markiż lil dixxendent tal-familja imperjali tad-dinastija Ming, Zhu Zhiliang, li kien jirċievi salarju mill-gvern tad-dinastija Qing u li kellu d-dmir li jwettaq ir-ritwali fl-oqbra tad-dinastija Ming. Iktar ’il quddiem, l-imperatur Qianlong ikkonferixxa t-titlu ta’ Markiż ta’ Grazzja Estiża lil Zhu Zhuliang wara mewtu fl-1750, u t-titlu ngħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra għal tnax-il ġenerazzjoni ta’ dixxendenti tad-dinastija Ming sal-aħħar tad-dinastija Qing.[2]
Oqbra imperjali tad-dinastija Qing
immodifikaFiċ-Ċina tradizzjonali, il-venerazzjoni tal-mejtin hija importanti ħafna. Wara li l-ewwel imperatur tad-dinastija Qing ħakem lid-dinastija Ming, ried juri liċ-ċittadini li d-dinastija tiegħu xorta waħda kienet se tirrispetta t-tradizzjoni taċ-Ċiniżi Han. Għalhekk, huwa għażel li jibni l-oqbra imperjali Qing flimkien ma’ dawk tad-dinastija Qing. Barra minn hekk, l-ewwel imperatur tad-dinastija Qing tassew kien jemmen fil-kunċett ta’ “Mandat tal-Ġenna”, li kien ukoll waħda mir-raġunijiet li huwa għażel li jibni l-oqbra imperjali tad-dinastija Qing ma’ dawk tad-dinastija Ming.
Bħala mexxej fewdali, huwa ttratta l-kostruzzjoni tal-oqbra imperjali tad-dinastija tiegħu bħala xogħol importanti marbut mal-prosperità u d-deklin tal-pajjiż u mat-tul tax-xorti tal-imperaturi. Dan il-kunċett ġie żviluppat immens taħt it-tmexxija tiegħu. Fl-għażla tas-sit u fl-ippjanar u fid-disinn tal-oqbra, it-teorija Ċiniża tal-feng shui ntużat ħafna. Il-kożmoloġija tal-“armonija bejn il-bniedem u n-natura” ġiet inkorporata fil-kostruzzjoni tal-oqbra imperjali, u l-ispirtu uman ġie inkorporat fin-natura, biex b’hekk tinħoloq immaġni immortali, eterna u grandjuża. Fir-rigward tal-iskala u l-kwalità tal-kostruzzjoni, saru sforzi kbar biex kemm jista’ jkun kollox ikun spettakolari, mirqum u tal-aqwa kwalità, sabiex b’hekk tiġi inkorporat l-idea tas-supremazija tas-setgħa imperjali maestuża, u l-oqbra jsiru simbolu tal-materjalizzazzjoni tas-setgħa imperjali.
It-tliet oqbra ta’ ShengJing (biċ-Ċiniż: 盛京三陵; bil-pinyin: Shèng Jīng Sān Líng) huma l-oqbra tal-antenati li kienu ħolqu s-sisien tal-familji imperjali Manchu u Qing. L-għamla tat-tliet oqbra hija imitazzjoni ta’ mawżolej oħra b’karatteristiċi stilizzati, li influwenzat il-kostruzzjoni tal-oqbra imperjali tad-dinastija Qing. Dawn it-tliet oqbra flimkien mal-oqbra tal-Lvant u l-oqbra tal-Punent tad-dinastija Qing, jikkostitwixxu grupp ta’ oqbra imperjali rappreżentattiv ħafna tal-istorja tad-dinastija Qing.
Fl-2004, is-Sit ta’ Wirt Dinji ġie estiż bl-oqbra ta’ Yongling, ta’ Fuling u ta’ Zhaoling li nbnew għall-imperaturi fundaturi tad-dinastija Qing u għall-antenati tagħhom. Dawn l-oqbra għandhom dekorazzjoni rikka ħafna bi statwi tal-ġebel, b’tinqix u b’madum b’motivi ta’ draguni. Dawn juru l-iżvilupp tal-arkitettura funebri tad-dinastija Qing. It-tliet kumplessi tal-oqbra, u d-diversi binjiet tagħhom, jikkombinaw it-tradizzjonijiet li ntirtu mid-dinastiji preċedenti, l-iktar tad-dinastija Ming, ma’ karatteristiċi ġodda tal-kultura ta’ Manchu.[1]
Sit ta’ Wirt Dinji
immodifikaL-oqbra imperjali tad-dinastiji Ming u Qing ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 u l-lista ta’ oqbra inklużi ġiet estiża darbtejn fl-2003 u fl-2004. Il-valur universali straordinarju tagħhom ġie rrikonoxxut abbażi ta’ saħansitra ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[1]
Lista tal-oqbra imperjali tad-dinastiji Ming u Qing inklużi bħala Sit ta’ Wirt Dinji[1]
immodifikaKodiċi | Qabar jew grupp ta’ oqbra | Provinċja | Post | Koordinati | Erja (m²) | Żona ta’ lqugħ (m²) | Sena tal-iskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|---|---|
1004-001 | Il-Qabar ta’ Xianling | Hubei | Zhongxiang | 31°01′N 112°39′E / 31.017°N 112.650°E / 31.017; 112.650 | 876,000 | 2,264,000 | 2000 |
1004-002 | L-Oqbra tal-Lvant tad-Dinastija Qing | Hebei | Zunhua | 41°11′N 117°38′E / 41.183°N 117.633°E / 41.183; 117.633 | 2,240,000 | 78,000,000 | 2000 |
1004-003 | L-Oqbra tal-Punent tad-Dinastija Qing | Hebei | Il-kontea ta’ Yi | 39°20′N 115°13′E / 39.333°N 115.217°E / 39.333; 115.217 | 18,420,000 | 47,580,000 | 2000 |
1004-004 | L-Oqbra tad-Dinastija Ming | Beijing | Id-distrett ta’ Changping | 40°16′10″N 116°14′40″E / 40.26944°N 116.24444°E / 40.26944; 116.24444 | 8,230,000 | 81,000,000 | 2003 |
1004-005 | Il-Qabar ta’ Xiaoling | Jiangsu | Nanjing | 32°03′37″N 118°50′04″E / 32.06028°N 118.83444°E / 32.06028; 118.83444 | 1,160,000 | 1,800,000 | 2003 |
1004-006 | Il-Qabar ta’ Chang Yuchun | Jiangsu | Nanjing | 32°03′44″N 118°49′54″E / 32.06222°N 118.83167°E / 32.06222; 118.83167 | 9,800 | 2003 | |
1004-007 | Il-Qabar ta’ Qiu Cheng | Jiangsu | Nanjing | 32°03′51″N 118°49′59″E / 32.06417°N 118.83306°E / 32.06417; 118.83306 | 5,500 | 2003 | |
1004-008 | Il-Qabar ta’ Wu Liang | Jiangsu | Nanjing | 32°04′00″N 118°49′51″E / 32.06667°N 118.83083°E / 32.06667; 118.83083 | 4,000 | 1,800,000 | 2003 |
1004-009 | Il-Qabar ta’ Wu Zhen | Jiangsu | Nanjing | 32°04′05″N 118°49′57″E / 32.06806°N 118.83250°E / 32.06806; 118.83250 | 3,500 | 2003 | |
1004-010 | Il-Qabar ta’ Xu Da | Jiangsu | Nanjing | 32°04′30″N 118°50′06″E / 32.07500°N 118.83500°E / 32.07500; 118.83500 | 8,500 | 2003 | |
1004-011 | Il-Qabar ta’ Li Wenzhong | Jiangsu | Nanjing | 32°04′47″N 118°50′23″E / 32.07972°N 118.83972°E / 32.07972; 118.83972 | 8,700 | 2003 | |
1004-012 | Il-Qabar ta’ Yongling tad-Dinastija Qing | Liaoning | Fushun | 41°42′36.4″N 124°48′08.8″E / 41.710111°N 124.802444°E / 41.710111; 124.802444 | 2,365,900 | 13,439,400 | 2004 |
1004-013 | Il-Qabar ta’ Fuling tad-Dinastija Qing | Liaoning | Shenyang | 41°49′48.0″N 123°35′26.0″E / 41.830000°N 123.590556°E / 41.830000; 123.590556 | 538,600 | 7,023,600 | 2004 |
1004-014 | Il-Qabar ta’ Zhaoling tad-Dinastija Qing | Liaoning | Shenyang | 41°51′09.1″N 123°25′39.0″E / 41.852528°N 123.427500°E / 41.852528; 123.427500 | 478,900 | 3,187,400 | 2004 |
Total | 34,379,400 | 234,294,400 |
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Imperial Tombs of the Ming and Qing Dynasties". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-14.
- ^ "The Ming Ancestor | China Heritage Quarterly". www.chinaheritagequarterly.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-07-18. Miġbur 2021-03-14.