Muntanji Makhonjwa ta' Barberton

katina muntanjuża ta' muntanji u għoljiet żgħar fl-Afrika t'Isfel

Il-Muntanji Makhonjwa ta' Barberton jew il-Muntanji Makhonjwa huma katina ta' muntanji u għoljiet żgħar li tkopri erja ta' 120 kilometru b'60 kilometru (75 mil b'37 mil), jiġifieri madwar 80 % f'Mpumalanga, provinċja tal-Afrika t'Isfel, u l-kumplament fl-Eswatini.[1][2] Jikkostitwixxu 40 % tal-Katina ta' Muntanji tal-Ġebel Aħdar ta' Barberton.[3]

Il-Muntanji Makhonjwa ta' Barberton fl-10 ta' Marzu 2021; immaġni satellitari bl-Operational Land Imager tal-Landsat 8. Ix-xmara Komati tgħaddi minn nofs. Eerstehoek u Elukwatini jinsabu fuq ix-xellug, fuq in-naħa t'isfel, u l-Muntanji Makhonjwa jinsabu fuq in-naħa ta' fuq.

L-altitudni tas-sit tvarja bejn 600 metru u 1,800 metru (2,000 pied sa 5,900 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Hemm għadd ta' għoljiet bil-blat, flimkien ma' bwar għoljin tal-ħaxix u widien bil-foresti. Ir-reġjun jinsab fi ħdan iċ-ċentru tal-endemiżmu ta' Barberton. Il-preċipitazzjoni annwali medja tammonta għal 600-1,150 millimetru (24-45 pulzier), bi sjuf bix-xita u bi xtiewi nexfin.[4]

Il-muntanji jinsabu fit-tarf tal-Lvant tal-Kraton ta' Kaapvaal. Il-katina muntanjuża hija magħrufa l-iktar għaliex għandha wħud mill-eqdem blat esposti fid-Dinja, li huwa stmat li għandhom bejn 3.2 u 3.6 biljun sena (Ga), u jmorru lura għall-Perjodu Paleoarkan. L-età estrema tal-katina muntanjuża u l-preservazzjoni eċċezzjonali wasslu biex joħorġu fid-dieher uħud mill-eqdem sinjali ċari tal-ħajja fid-Dinja u jagħtu ħjiel rigward in-natura ostili tal-ambjent Prekambrijan li matulu din il-ħajja evolviet.[5][6] Dan wassal biex iż-żona tiġi mlaqqma bħala l-"Ġenesi tal-ħajja".[7]

Il-katina muntanjuża hija magħrufa wkoll għad-depożiti tad-deheb tagħha u għal għadd ta' komatiti, tip mhux tas-soltu ta' blat vulkaniku ultramafiku msemmi għax-xmara Komati li tnixxi fi ħdan il-katina.[8]

F'April 2014, xi xjenzati rrapportaw li sabu evidenza tal-ikbar impatt terrestri ta' meteorita sa issa qrib iż-żona. Huma stmaw li l-impatt seħħ madwar 3.26 biljun sena ilu u li l-oġġett spazjali kien wiesa' bejn wieħed u ieħor bejn 37 u 58 kilometru (23 u 36 mil). Il-krater minn dan l-avveniment, jekk għadu jeżisti, għadu ma nstabx.[9] F'Mejju 2019, instabu materjali organiċi ekstraterrestri fi blat vulkaniku ta' 3.3 biljun sena ilu fil-Muntanji Makhonjwa.[10]

Il-poplu Swazi u popli oħra ta' rgħajja x'aktarx kienu jirgħu l-bhejjem tagħhom hemmhekk, iżda mhux b'merħliet kbar, sal-wasla tal-insedjaturi Ewropej fis-snin 60 tas-seklu 19. Fl-1875 ġie skopert id-deheb qrib Kaapsehoop, iżda kienet is-sejba ta' George Barber u l-kuġini tiegħu Fred u Harry Barber li skattat tfittxija kbira għad-deheb fl-1884, li wasslet għall-istabbiliment tar-raħal ta' Barberton. Iktar 'il quddiem ġiet sostitwita bit-tfittxija kbira għad-deheb f'Witwatersrand fl-1886.

Ekonomikament, ix-xogħol tal-estrazzjoni qed imajna, u l-attivitajiet prinċipali issa huma l-ħsad tal-injam u r-ragħa. Pjantaġġuni kummerċjali jkabbru s-siġar taż-żnuber għall-arżnu u s-siġar tal-ewkaliptu.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Muntanji Makhonjwa ta' Barberton tniżżlu bħala sit indikattiv fl-2009 u ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Siti indikattivi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  2. ^ Latitude.to. "GPS coordinates of Barberton, Mpumalanga, Swaziland. Latitude: -25.7850 Longitude: 31.0518". Latitude.to, maps, geolocated articles, latitude longitude coordinate conversion. (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Barberton Makhonjwa Mountains". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  4. ^ Williamson, S. D.; Balkwill, K. (March 2015). "Plant census and floristic analysis of selected serpentine outcrops of the Barberton Greenstone Belt, Mpumalanga, South Africa". South African Journal of Botany.
  5. ^ de Wit, Maarten (2010). "The deep-time treasure chest of the Makhonjwa Mountains" (PDF). South African Journal of Science. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2024-01-23.
  6. ^ "This domain is temporarily unavailable". web.archive.org. 2016-10-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-10-22. Miġbur 2024-01-23.
  7. ^ "Makhonjwa Mountains at Barberton - Mpumalanga". web.archive.org. 2016-10-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-23. Miġbur 2024-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Gill, Robin (15 February 2010). Igneous Rocks and Processes: A Practical Guide. John Wiley & Sons. p. 150. ISBN 9781444330656.
  9. ^ "Scientists reconstruct ancient impact that dwarfs dinosaur-extinction blast". AGU Newsroom (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  10. ^ "Extraterrestrial Organic Matter Found in 3.3-Billion-Year-Old Volcanic Rock". Gizmodo (bl-Ingliż). 2019-05-24. Miġbur 2024-01-23.