Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu
Il-Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu (bil-Grieg: Μονή του Αγίου Ιωάννου του Θεολόγου, b'ittri Rumani: Moní tou Agíou Ioánnou tou Theológou; magħruf ukoll bħala l-Monasteru ta' San Ġwann id-Divin) huwa monasteru Ortodoss Grieg li ġie stabbilit fl-1088 f'Chora fil-gżira ta' Patmos, il-Greċja. Ingħata isem San Ġwann ta' Patmos, l-awtur tal-Ktieb Kristjan tar-Rivelazzjoni, li skont it-test, kien jgħix fil-gżira meta kellu viżjonijiet tal-apokalissi. Minn mindu ġie stabbilit, il-monasteru kien sit ta' pellegrinaġġ u post Ortodoss Grieg ta' tagħlim u ta' qima. Il-monasteru huwa uniku għaliex minn mindu ġie stabbilit integra l-komunità tal-madwar ta' Chora, li nbniet madwar il-fortifikazzjonijiet tiegħu. Xi ċerimonji reliġjużi li jmorru lura għal żmien bikri tal-Kristjaneżmu għadhom jiġu pprattikati fi ħdan il-monasteru sal-lum. Minħabba l-importanza sagra tiegħu, l-evoluzzjoni arkitettonika kontinwa, u l-preservazzjoni eċċezzjonali tad-drawwiet Kristjani bikrin, il-monasteru tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999, flimkien mar-raħal ta' Chora u l-Għar tal-Apokalissi fil-qrib.[1]
Storja
immodifikaFl-1088, l-Imperatur Biżantin Alexios I Komnenos ta l-gżira ta' Patmos lil patri, Christodoulos Latrinos. Il-biċċa l-kbira tal-monasteru tlestiet minn Christodoulos sa tliet snin wara. Huwa ffortifika ferm il-monasteru minn barra minħabba t-theddidiet tal-piraterija u tat-Torok Seljuk.[2] L-eqdem partijiet tal-monasteru huma l-Katholikón (il-knisja prinċipali) u r-refettorju, li jmorru lura għas-seklu 11. Il-Katholikón għandha l-għamla tipika ta' knisja Biżantina, bi stil ta' salib fi kwadru msaqqaf b'koppla. L-art hija tal-irħam imżejjen b'mod elaborat bi stil tal-opus sectile, u mal-ħitan hemm pitturi u affreski li jmorru lura għall-Medju Evu. Arkata ta' żewġ sulari fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-monasteru nbniet fl-1698.[1]
Mill-inqas 330 manuskritt jinsabu fil-librerija (267 minnhom fuq parċmina), inkluż 82 manuskritt tat-Testment il-Ġdid. Hemm ukoll manuskritti miktuba bl-istil tal-Grieg minuskolu: 1160–1181, 1385–1389, 1899, 1901, 1966, 2001–2002, 2080–2081, 2297, 2464–2468, 2639, 2758, 2504, 2639, kif ukoll lezzjonarji.[3]
Mill-2012, fil-monasteru jgħixu 40 patri. Fost id-diversi relikwi, il-monasteru fih il-kranju ta' San Tumas l-Appostlu.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċentru Storiku (Chorá) bil-Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu u l-Għar tal-Apokalissi fil-Gżira ta' Pátmos ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "The Historic Centre (Chorá) with the Monastery of Saint-John the Theologian and the Cave of the Apocalypse on the Island of Pátmos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-25.
- ^ "Monastery of St. John - Greece". www.sacred-destinations.com. Miġbur 2024-04-25.
- ^ "Liste (Greek) - INTF". ntvmr.uni-muenster.de. Miġbur 2024-04-25.
- ^ "The Skull of the Holy Apostle Thomas in Patmos" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-25.