Miraklu Ewkaristiku ta' Lanciano
Il-miraklu Ewkaristiku ta' Lanciano huwa magħruf bħala l-ewwel miraklu Ewkaristiku dokumentat fil-Knisja Kattolika. Dan seħħ fil-belt ċkejkna ta' Lanciano, fin-naħa t'isfel tal-Italja.
Għall-ħabta tas-seklu 8, patri tal-Ordni ta' San Bażilju inħakem minn dubji serji dwar jekk fil-ħobż u l-inbid ikkonsagrati kienx hemm tassew il-preżenza ta' Ġesù. Darba waqt li dan il-patri kien qiegħed jiċċelebra l-quddiesa, fil-mument tal-Konsagrazzjoni, jingħad li l-ostja saret laħam u l-inbid sar demm. Id-demm għaqad f'ħames kubi li huma differenti fid-daqs u l-għamla.
Kif tidher illum
immodifikaDin wieħed għadu jista' jaraha u għandha l-istess qisien tal-ostja l-kbira li l-Knisja Latina tuża llum. Minn quddiem hija ta' lewn kannella ċar u minn wara għandha kulur roża. Id-demm huwa magħqud u l-kulur tiegħu jixbah l-okra. Mill-1713, il-laħam inżammet f'ostensorju artistiku tal-fidda xogħol skultur tal-iskola Naplitana. Id-demm huwa kkonservat f'tazza qadima tal-kristall. Sa mill-1252 il-Franġiskani Konventwali ħadu f'idejhom it-tmexxija ta' dan is-Santwarju Ewkaristiku fuq xewqa personali tal-Isqof Landulf ta' Chieti.
Studji xjentifiċi
immodifikaSaru diversi studji ekkleżjastiċi, imsejħa recognitiones, biex jeżaminaw dan il-fenomenu. Fl-1574, instab li l-ħames kubi tad-demm, meta kkumbinati, ilkoll jiżnu l-istess. Hekk ngħidu aħna, waħda tintiżen l-istess daqs tnejn, tnejn jintiżnu daqs tlieta, filwaqt li tlieta jintiżnu daqs ħamsa.
Fl-1971, il-Professur Odoardo Linoli, Professur tal-Anatomija, l-Istoloġija Patoloġika, il-Kimika u l-Mikroskopija Klinika, megħjun minn Prof Ruggero Bertelli mill-Università ta' Siena, wasal għal dawn il-konklużjonijiet importanti:
- Il-Laħam huwa Laħam tassew. Id-Demm huwa Demm tassew;
- Il-Laħam jikkonsisti fit-tessut muskolari tal-qalb (mikokardju);
- Il-Laħam u d-Demm jappartjenu lill-ispeċi umana;
- Il-Laħam u d-Demm għandhom l-istess tip ta' demm (AB);
- Fid-Demm instabu proteini fl-istess proporzjonijiet normali bħal dawk misjuba fl-istruttura sero-proteiku ta' demm frisk normali;
- Fid-Demm instabu wkoll dawn il-minerali: kloridi, fosfru, manjeżju, potassju, sodju u kalċju; u
- Il-preservazzjoni tal-Laħam u d-Demm, li ġew imħollija fl-istat naturali tagħhom għal iktar minn tnax-il seklu sħaħ, (jiġifieri mingħajr il-preservattivi kimiċi) u esposti għall-azzjoni ta' aġenti atmosferiċi u bijoloġiċi, tibqa' fatt straordinarju.