Lucavsala
Lucavsala hija gżira li tinsab fix-xmara Daugava f’Riga, il-Latvja. Għandha popolazzjoni ta’ 98 ruħ.[1]
Pożizzjoni u ġeografija
immodifikaLucavsala hija parti mis-Subborg Zemgale ta’ Riga u mill-kwartier ta’ Salas. Il-gżira tinsab fix-xmara Daugava, qrib il-gżira ta’ Zaķusala, li tospita t-Torri tar-Radju u tat-Televiżjoni ta’ Riga. Il-Pont ta’ Salu jgħaqqad lill-gżira ta’ Lucavsala mal-kumplament ta’ Riga. Il-gżira ta’ Lucavsala fiha triq waħda li jisimha Lucavsalas iela, tlettax-il dar privata, u iktar minn sitt mitt ġnien żgħir. Hemm pjanijiet biex tinbena sala hockey fuq is-silġ fil-gżira ta’ Lucavsala.[2]
Karatteristiċi oħra tal-gżira ta’ Lucavsala jinkludu monument għas-suldati Russi li mietu matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, pixxina, u wakepark. Lucavsala hija post popolari fejn in-nies imorru jgħumu, u fiha wkoll ċentru sportiv u ta’ rilassament, kif ukoll ċentru tal-qdif imsemmi għal Ivans Klementjevs.[3]
Storja
immodifikaIl-gżira ta’ Lucavsala nħolqot fis-seklu 18 bil-fużjoni ta’ ħafna gżejjer żgħar fil-Jumpravsala twila u dejqa. Dan seħħ minħabba li nbniet diga li nħolqot biex tikkontrolla l-ilmijiet tax-xmara Daugava. Id-diga għaqqdet ukoll il-gżira ta’ Vīberta mal-art kontinentali u biddlet lill-gżira ta’ Zvirgzdu f’peniżola, jew nofs gżira. Fit-territorju ta’ qabel id-diga fejn twettqet il-fużjoni ta’ bosta gżejjer, inbena l-pont ta’ Dienvidu. L-isem “Lucavsala” oriġina minn isem raġel nobbli msejjaħ Klauss Lucavs, li kien jgħix fuq waħda minn dawk il-gżejjer. Id-dar kbira tiegħu kienet magħrufa bħala “Lucavmuiža”. Mill-1904, il-gżira ta’ Lucavsala bdiet tifforma parti mill-kwartier ta’ Salas f’Riga, il-belt kapitali tal-Latvja.[1]
Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill tal-Belt ta’ Riga vvota biex ibigħ l-art ta’ 102.9 ettari tal-gżira ta’ Lucavsala, peress li sostna li kien hemm il-ħtieġa li l-gżira tiġi żviluppata, u li l-gvern tal-belt ma kellux biżżejjed riżorsi biex iħallas għal dan l-iżvilupp.[4] Dan ma ntlaqax tajjeb miċ-ċittadini, u ħafna nġabru biex jipprotestaw u juru l-oppożizzjoni tagħhom għal dan il-pass, għaliex kienu tal-fehma li l-kunsill ma kellux l-awtorità biex ibigħ l-art.[5]
Fl-2015 u fl-2016, il-gżira ospitat il-Kubana Festival, festival tal-mużika kontemporanja Russa.
Mill-2015 ’l hawn, il-gżira saret popolari bħala post fejn isiru l-kunċerti. Fil-21 ta’ Ġunju 2017, il-Foo Fighters wettqu spettaklu mużikali fil-park tal-gżira, u fis-27 ta’ Lulju 2017 wettqu spettaklu ieħor ir-Red Hot Chili Peppers bħala parti minn The Getaway World Tour. Fl-2018 u fl-2019 wettqu spettakli mużikali oħra artisti bħal James Arthur, Ed Sheeran, Rammstein.
Referenzi
immodifika- ^ a b "Lucavsala island". www.liveriga.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-29.
- ^ Bormanis, Uldis. Tava labākā grāmata par Rīgu. p. 103. ISBN 9789984100319.
- ^ "Flowers laying at the memorial on Lucavsala Island » dec.lv - Diplomatic club". www.dec.lv. Miġbur 2021-04-29.
- ^ курс, The Baltic Course-Балтийский. "Riga City Council decides to sell 102.9 hectares on Lucavsala Island". The Baltic Course | Baltic States news & analytics. Miġbur 2021-04-29.
- ^ курс, The Baltic Course-Балтийский. "Riga City Council to decide on selling of Lucavsala". The Baltic Course | Baltic States news & analytics. Miġbur 2021-04-29.