Leyla Mammadbeyova

bdot Sovjetika mill-Ażerbajġan (1909-1989)

Leyla Alasgar gizi Mammadbeyova, kunjomha xebba Zeynalova[1] (bl-Ażerbajġani: Leyla Ələsgər qızı Məmmədbəyova; twieldet fis-17 ta' Settembru 1909 – mietet fl-4 ta' Lulju 1989), kienet l-ewwel bdot mara mill-Ażerbajġan.[2] Hija kienet ukoll l-ewwel bdot mara tat-Transkawkasja, tan-Nofsinhar tal-Ewropa u tal-Lbiċ tal-Asja.[3]

Leyla Mammadbeyova
Ħajja
Twelid Baku, 17 Settembru 1909
Nazzjonalità Unjoni Sovjetika
Mewt Baku, 4 Lulju 1989
Post tad-dfin Mogħdija tal-Unur
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni bdot
bniedem militari
Premjijiet
List
Servizz militari
Iġġieldu Front tal-Lvant

Karriera

immodifika

Missier Mammadbeyova, Alasgar Zeynalov, kien il-kuġin ta' wieħed mill-atturi pijunieri tal-films fl-Ażerbajġan, Huseyn Arablinski. Il-familja tagħha kienet orjentata lejn l-arti, u bħala adolexxenti setgħet iddoqq il-pjanu u t-tar (strument mużikali). Meta kellha 14-il sena żżewġet l-eks sid tal-artijiet Bahram Mammadbeyov ta' Kurdakhany, li iktar 'il quddiem sar il-kap tal-Bank tal-Unions Professjonali fil-belt kapitali, Baku.[1]

Mammadbeyova ġiet imħarrġa bħala bdot professjonali fil-Klabb tal-Ajru ta' Baku u għamlet l-ewwel titjira tagħha fl-1931. Hija kompliet l-edukazzjoni tagħha fi skola tal-bdoti f'Moska fl-1932. Fis-17 ta' Marzu 1933, Mammadbeyova saret it-tieni paraxutista mara fl-Unjoni Sovjetika (wara Nina Kamneva) wara li qabżet minn ajruplan tat-tip Polikarpov Po-2 fil-Mitjar ta' Tushino f'Moska. Fl-1934 rebħet il-kompetizzjoni tal-qbiż bil-paraxut li saret fost ir-rappreżentanti tan-nazzjonijiet tan-Nofsinhar tal-Kawkasu. Sal-1941 saret il-Kap tal-Iskwadra tal-Armata Sovjetika.[1]

Mammadbeyova kompliet il-karriera tagħha bħala bdot u ħarrieġa fil-Klabb tal-Ajru ta' Baku. Hija ġiet imċaħħda tiġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija peress li dak iż-żmien kienet qed trabbi erbat itfal (b'kollox kellha sitt itfal). Minkejja li l-Klabb tal-Ajru ta' Baku għalaq minħabba l-kundizzjonijiet tal-gwerra, Mammadbeyova rnexxielha tvara korsijiet tagħha stess għat-titjir tal-glajders u għall-paraxutisti, fejn ħarrġet mijiet ta' bdoti tal-ġlied u madwar 4,000 paraxutisti. Iktar 'il quddiem tnejn mill-istudenti tagħha saru Eroj tal-Unjoni Sovjetika. Mammadbeyova għamlet l-aħħar titjira tagħha fl-1949 u ħadmet bħala Viċi President tal-fergħa tad-DOSAAF f'Baku sal-1961.

L-iben il-kbir ta' Mammadbeyova, Firudin, iġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija, u binha ż-żgħir Khanlar ħa sehem fl-Ewwel Gwerra ta' Nagorno-Karabakh, it-tnejn li huma bħala bdoti tal-gwerra.

Leyla Mammadbeyova saret ikona ħajja meta kellha madwar għoxrin sena. Il-kuraġġ u l-ħiliet tagħha ġew iċċelebrati mill-midja u mill-arti. Il-karattru tagħha ispira x-xogħlijiet letterarji ta' Mikayil Mushfig (Afshan, 1933 u Shoyla, 1934) u ta' Samad Vurgun (Leyla, 1935), kif ukoll il-film Ismat (tar-reġista Mikayil Mikayilov, 1934). F'dan il-film tal-aħħar, Mammadbeyova ħadmet bħala stuntwoman f'xeni tat-titjir tal-ajruplani. Fl-1995 inħadem dokumentarju dwar il-ħajja u l-karriera ta' Mammadbeyova bit-titlu Leyla tar-reġista Nazim Rza Israfiloglu li nħareġ minn Azerbaijantelefilm.[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Conquering the Skies. Baku Magazine, #2 (22), March–April 2011; p. 72.
  2. ^ "The Proprietress of the Sky (bir-Russu)". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ The Living Age... by Eliakim Littell and Robert S. Littell. Making of America Project. Littell, Son & Company, 1934; pp. 226-27.
  4. ^ "AzTV / Bizim filmlerimiz /". web.archive.org. 2007-06-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-09. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)