Kujataa
Kujataa huwa pajsaġġ sub-Artiku tal-biedja fir-reġjun tan-Nofsinhar ta' Greenland. Dan is-sit huwa l-ewwel eżempju magħruf ta' agrikoltura fl-Artiku, u l-eqdem evidenza tal-kultura Nordika antika li bdiet tinfirex 'il barra mill-Ewropa. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017 bis-saħħa tar-rabta unika bejn il-biedja u l-kaċċa għall-mammiferi tal-baħar fir-reġjun mis-sekli 10 sa 15 u mis-seklu 18 sal-preżent.[1]
Deskrizzjoni
immodifikaIl-pajsaġġ ta' Kujataa huwa estiż minn Nunap Isua fin-Nofsinhar tal-Gżira ta' Nunarsuit, sa bejn wieħed u ieħor 250 kilometru lejn it-Tramuntana.[2] Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi ħames komponenti, li kollha jinsabu fi ħdan ir-reġjun:
- Qassiarsuk: li jinkludi Brattahlíð, il-proprjetà ta' Erik l-Aħmar u (possibbilment) l-ewwel knisja fl-Amerki.
- Igaliku: li jinkludi Garðar, li kien is-sede tal-veskovat fi Greenland, kif ukoll is-sit tal-ewwel razzett modern tal-Inuit fi Greenland.
- Sissarluttoq: li jinkludi dar Nordika kbira fil-kampanja, bi fdalijiet ta' iktar minn 40 struttura.
- Tasikuluulik (Vatnahverfi): li jinkludi l-itwal triq rurali fi Greenland, li tikkollega diversi rziezet tan-nagħaġ tal-Inuit.
- Qaqortukulooq (Hvalsey): li jinkludi 11-il sit Nordiku u żewġ siti tal-poplu Thule, inkluż l-iżjed fdalijiet Nordiċi ppreservati fi Greenland u s-sit tal-aħħar tismija ta' Ewropej fi Greenland fl-1408.
Storja
immodifikaL-iżjed fdalijiet arkeoloġiċi bikrin magħrufa minn Kujataa jmorru lura għat-tielet millenju Q.K., l-ewwel nett bit-tradizzjoni tal-għodod żgħar Artiċi u mbagħad bil-kulturi ta' Saqqaq u ta' Dorset, qabel ma għebu min-Nofsinhar ta' Greenland. Fis-seklu 10, il-poplu Nordiku beda jasal fin-Nofsinhar ta' Greenland, immexxi minn Erik l-Aħmar. Huma sabu fjordi fondi adattati għall-agrikoltura fir-reġjun ta' Kujataa, u malajr stabbilew insedjamenti żgħar tal-biedja, u ż-żona semmewha Eystribyggð (Insedjament tal-Lvant). Madankollu, il-prattiki Nordiċi tal-biedja fi Greenland kienu differenti mill-oħrajn f'inħawi oħra b'enfasi ikbar fuq il-kaċċa iktar milli fuq il-produzzjoni taċ-ċereali (x'aktarx minħabba l-abbundanza ta' walruses u ta' foki fir-reġjun) u b'enfasi ikbar fuq it-trobbija tal-mogħoż iktar milli fuq it-trobbija tan-nagħaġ. Inbnew ukoll sistemi tal-irrigazzjoni sabiex jingħalfu l-bhejjem. Uħud minnhom għadhom jeżistu u huma l-unika sistemi Medjevali eżistenti tal-irrigazzjoni fit-Tramuntana tal-Atlantiku.
Fl-aqwa tiegħu fis-seklu 13, l-insedjament ta' Eystribyggð kellu l-isqof tiegħu stess u kien fih 200-300 razzett. Matul dak iż-żmien, il-poplu Thule wettaq migrazzjoni lejn Greenland u ġie f'kuntatt mal-insedjaturi Nordiċi. Dan il-perjodu ta' koeżistenza jaf dam saħansitra għal 250 sena. Sas-seklu 15, il-villaġġi Nordiċi f'Kujataa kienu għebu, u ma tant hemm wisq sinjali ta' agrikoltura fi Greenland fis-sekli ta' wara, sas-snin 80 tas-seklu 18, meta mara Inuit, Tuperna, u r-raġel Norveġiż tagħha, Anders Olsen, stabbilew razzett fl-eks residenza tal-isqof Medjevali f'Igaliku. Dan it-territorju ilu jintuża bħala territorju agrikolu u jinħadem minn dak iż-żmien.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-titlu uffiċjali ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa Kujataa: Biedja Nordika u tal-Inuit fit-Tarf tal-Medda tas-Silġ u ġie ddeżinjat fl-2017.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Kujataa Greenland: Norse and Inuit Farming at the Edge of the Ice Cap". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
- ^ "Dokumenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".