Knisja tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġwann ta' Nepomuk

knisja fid-Distrett ta’ Žďár nad Sázavou tar-reġjun ta’ Vysočina fir-Repubblika Ċeka

Il-Knisja tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġwann ta' Nepomuk (biċ-Ċek: Poutní kostel svatého Jana Nepomuckého) f'Zelená hora (preċedentement magħrufa bil-Ġermaniż bħala Grünberg, li tfisser “Għolja ħadra”) hija binja reliġjuża fil-limiti ta' Žďár nad Sázavou, ir-Repubblika Ċeka, ħdejn il-fruntiera storika bejn il-Moravja u l-Boemja. Il-knisja hija x-xogħol aħħari ta' Jan Santini Aichel, arkitett mill-Boemja li kkombina l-Barokk ta' Borromini b'referenzi għal elementi Gotiċi kemm fil-kostruzzjoni kif ukoll fid-dekorazzjoni.

Veduta tal-knisja mill-ajru

Fl-1719, meta l-Knisja Kattolika Rumana ddikjarat li ilsien Ġwanni ta' Nepomuk ma kienx korruttibbli, inbeda x-xogħol biex tinbena knisja f'Zelená hora, fejn il-qaddis futur kien irċieva l-edukazzjoni bikrija tiegħu. Il-knisja ġiet ikkonsagrata immedjatament wara l-beatifikazzjoni ta' Ġwanni ta' Nepomuk fl-1720, għalkemm ix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni baqgħu sejrin sal-1727. Nofs seklu wara, wara li l-knisja nħakmet min-nirien, l-għamla tas-saqaf tagħha ġie mmodifikat.

Il-knisja, b'ħafna oġġetti ddisinjati minn Santini nnifsu, hija notevoli għall-karatteristiċi Gotiċi u għas-simboliżmu kumpless tagħha, li ma kinux tas-soltu għal dak iż-żmien. Fl-1994, il-knisja tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Id-dokument tan-nominazzjoni saħaq fuq il-proporzjonijiet matematiċi ta' Santini fl-arkitettura tal-knisja bl-għan li “tinħoloq realtà spazjali indipendenti, bid-dominanza tan-numru ħamsa fil-pjanta u tal-proporzjonijiet” tal-knisja.[1]

Impuls u tħejjija tal-knisja immodifika

 
Il-ħitan mad-dawra tal-knisja

Il-Knisja tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġwann ta' Nepomuk ħdejn il-monasteru fi Žďár inbniet bis-saħħa tal-kooperazzjoni fit-tul u mill-qrib ta' żewġ persuni notevoli. L-impuls biex tinbena l-knisja ġie minn Václav Vejmluva, is-superjur tal-patrijiet tal-monasteru Ċisterċens fi Žďár, li kien devot kbir ta' Ġwanni ta' Nepomuk qabel ma ġie bbeatifikat kif ukoll wara li ġie kkanonizzat. It-tħejjija tal-proġett tmur lura għall-perjodu mill-aħħar ta' April sal-bidu ta' Awwissu 1719 u titqies bħala reazzjoni diretta tas-superjur malli skopra li kien hemm tessuti umani ppreservati fil-qabar ta' Ġwanni ta' Nepomuk fil-Katidral ta' San Vitus fil-15 ta' April 1719.[2]

 
Is-saqaf iddekorat tal-ħitan mad-dawra tal-knisja

Id-disinn tal-binja ġie fdat lill-arkitett famuż Jan Blažej Santini-Aichel, li s-superjur Vejmluva allegatament ippreżentalu l-ideat tiegħu dwar is-santwarju l-ġdid u s-simboli li kellhom jintużaw, li kienu konformi għalkollox mar-rekwiżit tal-Knisja: “il-patrijiet jipproponu, l-artisti joħolqu”. L-arkitett imbagħad ħadem abbażi ta' dawk l-ideat. Santini ħa ħsieb il-proġett pjuttost individwalment, mingħajr ma rrispetta t-tradizzjonijiet fir-rigward tal-għamliet tal-binjiet reliġjużi; huwa aċċetta biss il-veduta kontemporanja tal-istruttura bħala destinazzjoni ta' pellegrinaġġ. L-arkitett wettaq l-idea tas-superjur tal-patrijiet, li kienet tagħti rwol ċentrali lid-disinn ta' kewkba, f'għamla ferm impressjonanti li ġiet apprezzata tassew dan l-aħħar biss, iżda mhux dejjem intlaqgħet tajjeb. Friedrich Radnitzký, membru tal-Kumitat Ċentrali, irrefera għall-knisja bħala “fenomenu viżiv misterjuż” fl-1886. Il-proġett tlesta pjuttost malajr, xi ħaġa oħra li ma kinitx tas-soltu iżda Santini kien magħruf għall-ħeffa tat-twettiq tal-proġetti tiegħu wkoll. Barra minn hekk, is-superjur tal-patrijiet u l-arkitett kienu kkooperaw flimkien għal ħafna snin u kienu speċjalisti tas-simboloġija u tat-tagħlim tal-Kabbalah li użaw b'mod sostanzjali fil-proġett. Santini kien jaf sew xi jrid minnu s-superjur tal-patrijiet. Għaldaqstant, l-arkitettura tal-knisja kellha tiġi affettwata pożittivament mill-atmosfera ta' fehim reċiproku. L-għamla definittiva tal-binja ma tantx tvarja mill-ewwel disinn u saru biss ftit bidliet.[2]

Arkitettura immodifika

Pjanta immodifika

 
Il-pjanta oriġinali tal-knisja mfassla minn Santini

Il-knisja ċentrali, flimkien mal-kjostru ta' madwarha, hija struttura pjuttost uniformi. L-arkitettura tal-binja hija minimalista ferm u immensament effettiva. Tikkombina elementi Barokki ma' elementi Gotiċi, li fil-fatt jindika ż-żmien meta Ġwanni ta' Nepomuk għex, ħadem u miet martri. Il-kostruzzjoni tal-knisja hija bbażata fuq il-ġeometrija taċ-ċirku filwaqt li ttenni b'mod kostanti n-numru ħamsa bħala referenza għall-ħames kwiekeb ta' Ġwanni ta' Nepomuk. Skont leġġenda, dawk il-kwiekeb dehru fuq il-post fejn miet.

Il-knisja hija eżempju mill-aqwa ta' kif Santini kien jipproġetta l-istrutturi tiegħu—prattikament bl-użu ta' kumpass biss, kien ifassal il-pjanta tal-binja kollha abbażi ta' arkijiet ta' ċrieki b'raġġ li ġeneralment kien ikun moltiplikazzjoni tal-modulu tal-binja. Apparti n-numru ħamsa, Santini tenna wkoll in-numru tlieta b'referenza għat-Trinità Mqaddsa, u n-numru sitta b'referenza għall-Madonna peress li Ġwanni ta' Nepomuk kien devot kbir tagħha. Għalhekk, mal-perimetru tal-knisja, Santini bena ħames kappelli bi pjanta triangolari u ħames kappelli bi pjanta ovali. Fl-istess ħin, il-knisja kollha qisha l-parti trasversali ta' kor ta' katidral Gotiku bir-riffieda. Iċ-ċentralità tal-Knisja tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġwann ta' Nepomuk toħloq vertikal bħal fenomenu simboliku, peress li l-biċċa l-kbira tal-viżitaturi x'aktarx li jħarsu 'l fuq, allegorikament bħallikieku qed iħarsu lejn il-ġenna.[2]

 
Il-knisja minn ġewwa

Żona ċentrali immodifika

Fin-naħa ta' ġewwa taż-żona ċentrali tal-knisja hemm kappelli ovali li huma kkollegati ma' spazju ċilindriku ċentrali permezz ta' ħnejjiet Gotiċi dojoq. Iż-żona ċentrali hija msaqqfa b'volti bil-lunetti li jserrħu fuq għaxar pilastri. Fl-ewwel sular hemm tribuni li jikkorrispondu għall-kappelli t'isfel. It-tieni sular huwa ddekorat b'gallerija li fiha għaxar opri tal-arti. Id-dekorazzjoni bl-istukko hija limitata għal ftit motivi mal-ħnejjiet imqabbża u ta' intersezzjoni, li huma simili għall-volti Gotiċi. Bħal f'binjiet oħra ta' Santini, f'din il-knisja wkoll id-dawl jintuża biex isawwar l-ispazju fuq ġewwa.[1]

Dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni Barokka tad-dawl bħala sinjal tal-preżenza t'Alla, tant li wħud isejħulu d-“dawl sagru”. It-tidwil tal-knisja fuq ġewwa joħloq paradoss uniku. Dan għaliex iż-żona ċentrali hija mdawla biss indirettament, filwaqt li l-partijiet mal-ġnub tal-knisja għandhom abbundanza ta' dawl. Dan id-dawl jasal saż-żona ċentrali tal-knisja mill-ħnejjiet Gotiċi li jinsabu fil-post fejn is-soltu jkun hemm il-pilastri ewlenin. [2]

 
L-artal prinċipali

Id-dekorazzjoni bl-istukko tenfasizza dan il-paradoss billi toħloq rabta bejn il-ħajt u l-ħnejja partikolari li tagħmel parti mill-ħajt. Permezz ta' din ir-rabta, il-ħitan jidhru bħallikieku huma biss qafas li jispikka bis-saħħa tad-dawl naturali. Il-knisja nnifisha titqies bħala relikwarju fejn tinżamm ir-relikwa ta' lsien San Ġwann ta' Nepomuk.[2]

Artal prinċipali immodifika

L-artal prinċipali fuq in-naħa tal-Lvant tal-knisja jinsab fi ħdan arkata għolja. Il-quċċata tal-artal tlaħħaq mal-poġġaman tal-gallerija fit-tieni sular. Ix-xogħol tat-tinqix tal-ħames anġli tal-artal prinċipali li jippuntaw lejn Ġwanni ta' Nepomuk, u tal-erba' evanġelisti, sar mill-iskultur Jan Pavel Čechpauer minn Chrudim bejn l-1725 u l-1727. Tlieta mill-ħames anġli qed iżommu sfera li tirrappreżenta s-smewwiet tal-ġenna u li hija ddekorata bi ħames kwiekeb. Fuq l-isfera hemm l-iskultura ta' San Ġwann ta' Nepomuk magħmula minn Řehoř Theny.

 
Il-ħitan bil-ħames kappelli tal-kjostru madwar il-knisja

Huwa għamel ukoll il-lavur fuq l-istatwa tal-fidda tal-pellegrinaġġ ta' San Ġwann ta' Nepomuk fl-1729 maħduma mill-arġentier Jan Diesbach ta' Praga. Din l-istatwa għebet wara l-1784. L-għażla li jiġu kkuntattjati skulturi qrib Matthias Braun saret apposta peress li Santini kkollobora miegħu kemm-il darba, u mid-dehra il-lingwaġġ ta' Braun espress fl-iskultura kien qrib ħafna tal-personalità ta' Santini.[2]

Madwar il-knisja immodifika

Madwar il-knisja hemm kjostru ġej għat-tond li huwa maqsum f'għaxar sezzjonijiet minn ħames kappelli u ħames daħliet jew bibien. Is-saqaf ta' kull waħda mill-kappelli oriġinarjament kien mirfud minn ħames pilastri. Dawn kienu jenfasizzaw id-dawl u kienu simbolu tal-eternità. Il-kjostru flimkiem mal-kappelli kien post fejn il-pellegrini kienu jieqfu jitolbu fih u kien jistkennu fih ukoll meta kien ikun hemm maltemp. Mhux biss il-knisja iżda anke il-madwar tagħha – il-kjostru bil-kappelli – huma xhieda tal-ħila kreattiva u arkitettonika kbira ta' Santini.[2]

Nirien immodifika

Fl-17 ta' Lulju 1784, il-knisja ħadet in-nar u kien hemm sogru reali li tinqered għalkollox. B'xorti tajba, iċ-ċittadini lokali bl-għajnuna ta' Matěj Sychra rnexxielhom jitfu n-nirien fiż-żona kollha tal-knisja u salvawha għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fl-1792, l-unità amministrattiva lokali tat permess biex il-knisja tiġi rrestawrata, bil-kundizzjoni li l-knisja ma tibqax knisja tal-pellegrinaġġ, u li ċ-ċimiterju ta' Žďár nad Sázavou jitressaq fiż-żona tal-kjostru tal-knisja. Illum il-ġurnata, iċ-ċimiterju reġa' tressaq 'il barra mill-kjostru ftit 'il bogħod mill-knisja, sabiex il-knisja terġa' tingħata d-dehra oriġinali skont il-pjanta ta' Santini.[2]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

Il-Knisja tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġwann ta' Nepomuk ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-knisja hija eżempju straordinarju ta' stil arkitettoniku li joħroġ fid-dieher it-tranżizzjoni bejn it-tradizzjonijiet Gotiċi u Barokki fis-seklu 18.[1]

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Pilgrimage Church of St John of Nepomuk at Zelená Hora". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-04.
  2. ^ a b ċ d e f ġ g Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 46–49. ISBN 978-80-7339-067-9.