Joseph Galea Curmi
L-Isqof Joseph Galea Curmi (Birkirkara, Malta, 1 ta’ Jannar 1964) huwa Isqof Awżiljarju fl-Arċidjoċesi ta' Malta.
Studju
immodifikaBin Paul, li kien jaħdem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, u Josette née Mifsud Bonnici, huwa t-tielet minn sitt ulied. Il-parrinu tiegħu tal-Griżma kien zijuh Karmenu Mifsud Bonnici, li iktar tard sar Prim Ministru ta' Malta. Ħuh, Edgar kien Assistent Personali tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi (2004-2013).
Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Stella Maris, Ħal Balzan, fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat, u fil-Kulleġġ San Alwiġi (Sixth Form), Birkirkara.
Daħal fis-Seminarju tal-Arċisqof fl-1982. Huwa jgħid li influwenzi kbar f'ħajtu kienu zijuh Mons. Ġużepp Mifsud Bonnici u l-ħajja tal-qaddis Franċiż Ġwann Marija Vianney magħruf bħala l-Kurat t'Ars. Wara li rċieva l-formazzjoni meħtieġa u kiseb Liċenzjat fit-Teoloġija Sagra fl-Università ta’ Malta, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, fil-5 ta’ Lulju 1991.
Intbagħat ikompli l-istudji tiegħu fil-Pontificia Università Lateranense ta’ Ruma u fl-1998 kiseb dottorat fit-Teoloġija Pastorali. It-teżi tad-dottorat tiegħu ġġib l-isem “The Diocesan Synod as a Pastoral Event. A Study of the Post-Conciliar Understanding of the Diocesan Synod”.
Ħidma fil-Knisja
immodifikaWara l-istudji tiegħu f’Ruma, Galea Curmi inħatar assistent Segretarju Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u lecturer fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta, fejn għadu jgħallem sal-lum. Huwa kien il-kordinatur tas-Sinodu Djoċesan li sar bejn l-1999 u l-2003.
Fl-2005 inħatar membru tal-board tal-Istitut Djoċesan ta’ Formazzjoni Pastorali, u fl-2008 assistent ekkleżjastiku tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice (Malta), fejn għadu jservi sal-lum.
Vigarju Ġenerali u Isqof
immodifikaFl-2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Monsinjur Galea Curmi bħala Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u Kanonku tal-Kapital tal-Katidral. Huwa kien iwettaq ħidma pastorali fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan.
Il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Joseph Galea Curmi bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta u nnominah Isqof Titulari ta’ Cebarades. Dan tħabbar nhar it-23 ta' Ġunju 2018 f’konferenza tal-aħbarijiet min-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Alessandro d’Errico fil-palazz tal-Arċisqof fl-Imdina. In-Nunzju qal li bħala Isqof Awżiljarju, Mons. Galea Curmi huwa msejjaħ biex ikun il-kollaboratur u l-konsulent l-iżjed qrib tal-Arċisqof Charles Scicluna.
Galea Curmi se jkun ordnat Isqof nhar l-4 ta' Awwissu 2018, festa tal-Kurat t'Ars, l-ispirazzjoni tal-vokazzjoni saċerdotali tiegħu.