L-inkjesta Maġisterjali magħrufa bħala L-Inkjesta Egrant kienet inkjesta mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar jekk kienx hemm ishma fil-kumpanija Egrant li kienu tal-Prim Ministru Joseph Muscat, jew ta’ martu Michelle, jew ta’ xi membru tal-familja tagħhom. L-Inkjesta sabet li ma kienx hemm. Il-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta ġew ippubblikati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nhar it-22 ta' Lulju 2018.

L-inkjesta kienet intalbet mill-Prim Ministru stess fil-21 ta' April 2017 wara l-allegazzjonijiet li saru ġurnata qabel minn Daphne Caruana Galizia li kitbet li dokument f’safe fil-bank Pilatus juri li l-Egrant hi tas-Sinjura Muscat, u li kienu imtennija mill-Partit Nazzjonalista, li fihom implikaw li l-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat huma s-sidien tal-kumpanija Egrant li hija registrata fil-Panama.

Kontijiet fil-Pilatus

immodifika

L-Inkjesta intalbet tara wkoll jekk il-Prim Ministru jew membri tal-familja tiegħu jew John Dalli, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhomx kontijiet bankarji fil-bank Pilatus u jekk xi ħadd minnhom kienx involut f’xi transazzjonijiet suspettużi jew f’atti ta’ korruzzjoni jew ħasil ta’ flus ma’ persuni mill-Azerbaijan bil-Bank Pilatus.

Il-Maġistrat Bugeja kkonkluda li kemm Keith Schembri kif ukoll John Dalli fil-fatt kellhom kontijiet bankarji fil-bank Pilatus. L-inkjesta kkonkludiet li l-Egrant ma kellhiex kont bankarju mal-bank Pilatus ghalkemm l-allegazzjoni ta' Daphne Caruana Galizia kienet li din kellha kont tal-bank fil-UAE.

Dwar l-allegazzjonijiet ta' atti ta' korruzzjoni, il-Maġistrat Bugeja kkonkluda li ma nstabx li xi ħadd minn dawn il-persuni setgħu kienu involuti f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew transazzjonijiet finanzjarji suspettati minn kontijiet ta’ Ażeri esposti politikament permezz ta’ kontijiet fil-Bank Pilatus. Din il-konklużjoni twieġeb għall-allegazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia li aktar minn miljun dollaru ġew trasferiti f’salt minn kumpanija fl-Ażerbaijan għall-kumpanija Egrant.

L-Inkjesta kienet pero limitata biss ghal atti ta' korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew transazzjonijiet finanzjarji suspettuzi ma Ażeri esposti politikament u dan permezz ta’ kontijiet fil-Bank Pilatus u għaldaqstant ma tkoprix kemm atti ma nies oħra kif ukoll atti tramite banek jew metodi oħrajn anke jekk ma nies mill-Ażerbaijan.

Ażerbajġan

immodifika

Kif intqal, l-inkjesta stabbiliet li l-Prim Ministru u martu ma kinux involuti f’korruzzjoni jew f’ħasil ta’ flus b' dak il-mod u xejnet l-allegazzjoni li kien hemm miljun dollaru li ġew trasferiti mill-kont bankarju tal-familja Aliyev fl-Ażerbajġan għall-kont ta’ Egrant.

Falsifikazzjoni ta' Dokumenti

immodifika

Dwar id-‘declarations of trust’, li kellhom ikunu l-prova prinċipali dwar min hu s-sid tal-Egrant, l-inkjesta tgħid li l-uniċi dokomenti tax-xorta kienu kopja ppreżentata lill-inkjesta minn Pierre Portelli. Il-Maġistrat Bugeja qal li dawn ġew analizzati darbtejn minn esperti ta’ kumpanija Ingliża li tagħmel analiżi forensika li stabbilew li l-firem fuqhom huma foloz u saru minn xi ħadd li s’issa għadu mhux magħruf.

Is-Safe u l-Bagalji

immodifika

Mill-inkjesta ħareġ ukoll li fil-Bank Pilatus kien hemm ‘filing cabinet’, li fost xi impjegati tal-bank kien magħruf bħal safe, li kien jissakkar u li għal xi żmien probabbilment kien fil-kċina. Jingħad li la fis-safe u lanqas fi bnadi oħra ma nstabu ‘declarations of trust’ li kienu juru li l-ishma f’Egrant kienu miżmuma għas-Sinjura Muscat.

L-inkjesta stħarrġet fost oħrajn l-allegazzjoni li ċ-chairman tal-bank Pilatus, Ali Sadr Hashemi Nejad, inqabad ħiereġ mill-bank b’żewġ bagalji li fihom allegatament kien hemm dokumenti li ħa bil-moħbi u li ntqal kienu dwar l-allegazzjonijiet fuq l-Egrant. Fl-inkjesta, din l-allegazzjoni ma rriżultax li hi minnha b’filmati miġbura minn diversi kameras tas-sigurtà fil-bank u anki minn bnadi oħra.

Il-filmati juru lil Ali Sadr dieħel fil-bank bil-bagalji, minnhom ħareġ tablet, mobile, xi karti u stationery u qabel telaq reġa’ poġġa fihom l-istess oġġetti. Intqal li l-uniku karta żejda kienet waħda li ngħata minn uffiċċjal tal-bank u li ftit jidher li ta kasha. L-inkjesta jidher li ma ħarsitx lejn it-tablet u x'kienu dawk il-karti li daħlu u ħargu maċ-Chairman.

L-inkjesta stabbiliet ukoll li Ali Sadr ma kienx fuq it-titjira f’dak il-lejl għall-Ażerbaijan operata mill-kumpanija Vista Jet. Il-bdot xehed li abbord ma kienx hemm passiġġieri jew merkanzija, ħlief l-ekwipaġġ u l-affarijiet personali tagħhom.

Nexia BT

immodifika

Kif intqal, Mill-inkjesta joħroġ li fost il-klijenti tal-bank Pilatus kien hemm Keith Schembri u John Dalli. L-inkjesta stabbiliet li x-xogħol relatat mat-twaqqif tal-kumpanija Egrant sar minn Karl Cini u li Nexia BT waqfet diversi kumpaniji fil-Panama u fil-British Virgin Islands. Stabbiliet ukoll li Brian Tonna talab li l-Egrant tiġi xolta u dan seħħ qabel il-publikazzjoni tal-allegazzjonijiet minn Daphne Caruana Galizia.

L-Inkjesta stabbiliet ukoll li Nexia BT kienu l-corporate services providers tal-bank Pilatus.

Xhieda ma jaqblux

immodifika

B’477 xhud, il-Maġistrat Bugeja sema' fost l-oħrajn ix-xhieda ta’ Daphne Caruana Galizia, ta’ Maria Efimova u ta’ Pierre Portelli. Jingħad li hu sab verżjonijiet kuntrastanti kemm bejniethom kif ukoll mal-bqija tal-provi. Fost oħrajn, kemm Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova qalu lil Pierre Portelli li huma urew lill-Maġistrat ‘declarations of trust’. Mill-inkjesta rriżulta li dan ma kienx minnu.

Publikazzjoni

immodifika

L-Avukat Ġenerali qal li qed jippubblika biss il-konklużjonijiet tal-inkjesta u l-kummenti tal-għeluq biex jiġi limitat l-indħil fir-riżervatezza ta’ terzi li jissemmew inċidentalment f’partijiet oħra tar-rapport u biex jiġu mħarsa investigazzjonijiet oħra relatati. L-Avukat Ġenerali ddikkjara wkoll li laqa’ talba li saritlu mill-Prim Ministru, biex bħala l-persuna li talab li ssir l-inkjesta, ikollu kopja tar-rapport.

Reazzjonijiet

immodifika

Prim Ministru

immodifika

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Ħadd 22 ta' Lulju 2018 filgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-preżenza tal-grupp Parlamentari Laburista,qal li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja jikkonferma dik li sejjaħ il-kalunja li għamel fil-konfront tiegħu l-ex kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Il-Prim Ministru qal li issa Dr Busuttil ma jistax jibqa’ jirrappreżenta lill-poplu fil-Parlament u għandu jirriżenja.

Muscat qal li l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja tagħti prova ċara u indipendenti li ma kinux minnhom l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu, ta’ martu Michelle jew nies qrib tagħhom. Qal li ma nstabet l-ebda evidenza li l-kumpanija Egrant hi tiegħu, ta’ martu jew ta’ xi ħadd qrib tiegħu.

Muscat qal li l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta, mhux biss hija konfermata imma ċertifikata minn inkjesta ta’ membru tal-ġudikatura li ma ntgħażilx minnu u li ħa ħmistax-il xahar biex stabbilixxa l-fatti sal-iċken dettall. Osserva li mill-inkjesta ħareġ li ġew iffalsifikati dokumenti u firem biex jinġiebu bħala evidenza kontrih u kontra martu. Qal li dan hu reat kriminali.

Muscat qal “id-declarations of trust, il-karti li kellhom ikunu l-prova prinċipali li l-kumpanija Egrant hija ta’ marti jew tiegħi nstab li kienu foloz. Xi ħadd iffalsifikahom. Dan għalhekk kien attentat ċar u elaborat ta’ frame up fil-konfront tiegħi bħala Prim Ministru u fil-konfront tiegħi personali u tal-familja tiegħi.”

Il-Prim Ministru qal li dan il-frame-up sar minn min ried li hu u martu jittellgħu l-Qorti u jiffaċċjaw akkużi li setgħu wasslu għal tnax-il sena ħabs. Muscat akkuża lill-ex kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li hu kaġun ta’ attentat ta’ kriżi politika li pperikolat kull familja f’Malta. Qal li għalhekk jistenna li jerfa’ r-responsabbilità politika u jirriżenja minn kull kariga li jokkupa f’Malta u barra.

Qal li Busuttil messu vverifika l-fatti qabel ma niżżel in-nies fit-toroq biex jipprova jiddistabilizza l-pajjiż għall-gwadann personali. “Dr Simon Busuttil mhux biss hu politiku fallut imma wkoll ismu se jibqa’ mniżżel fl-istorja mhux bħala paladin tas-sewwa kif jipprova jpinġi lilu nnifsu iżda bħala parti mill-akbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna” kompla jgħid Muscat.

Il-Prim Ministru fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li llum ir-responsabilità hija tiegħu u għandu jibda billi jneħħi lil Busuttil minn kelliem għal governanza tajba u li jekk Simon Busuttil ma jirriżenjax mill-Parlament minn jeddu, għandu jitolbu jirriżenja.

Muscat wera dispjaċir li martu ma setgħetx tkun preżenti miegħu minħabba li tinsab imsiefra fuq xogħol b’rabta mal-volontarjat, għax qal li din l-istorja kienet maħsuba li tattakka lilha sempliċiment għax hi martu. Il-Prim Ministru deher kommoss meta rringrazzja lil uliedu li qal sofrew miegħu u martu. Il-Prim Ministru Muscat qal “ngħidilhom li missierhom hu kburi li hu l-Prim Ministru ta’ Malta u nittama li intom ukoll.”

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jieħu passi oħra, inkluż li jfittex għad-danni lil min ħareġ bl-allegazzjonijiet jew għamilhom tiegħu, Muscat qal li l-ikbar dannu soffrih il-pajjiż, li qal għadda minn martirju minħabba din il-gidba.

“Jien qed nitkellem mal-avukati tiegħi. L-iskop tiegħi mhux kwistjoni ta’ flus. Ma jinteressani assolutament xejn. Jien illum hija l-bidu tal-ġustizzja tiegħi imma żgur mhux ħa nħalli lil min jipprova għall-għira li jħammeġ isem pajjiżna biex mingħalih jasal x’imkien” qal Muscat.

Il-Prim Ministru qal li l-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta ma jneħħu xejn mid-determinazzjoni tiegħu li kif ġew arrestati persuni li allegatament wettqu l-qtil, joħorġu l-fatti kollha dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Prim Ministru tenna li fl-interess nazzjonali u f’ġieħ it-trasparenza, ir-rapport tal-inkjesta għandu jiġi pubblikat kollu.

Kap tal-Oppożizzjoni

immodifika

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd 22 ta' Lulju 2018 wara nofsinhar, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li hu jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta għax għandu fiduċja fil-Qorti. Dr Delia ħabbar li talab lil Simon Busuttil biex jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet politiċi li ħa u biex minnufih jissospendi lilu nnifsu mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Ħabbar ukoll li kien qed ineħħi lil Busuttil mill-kariga ta’ Shadow Minister dwar il-governanza tajba.

Delia qal li jaċċetta r-riżultat tal-inkjesta għaliex kellu u għad għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji. Qal iżda li r-rapport tal-inkjesta għandu jiġi ppubblikat kollu. Delia qal li filwaqt li r-rapport jeżonara lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu li huma sidien tal-kumpanija fil-Panama bl-isem ta’ Egrant, l-eqreb nies tiegħu nqabdu bil-fatti li kellhom kumpaniji moħbija fil-Panama. Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru jaf li għandu responsabbiltà politika li ma ġarrx.

Delia qal “issa nafu li għad hemm ħafna mistoqsijiet li għadhom ma ġewx imwieġba ovvjament nistennew ukoll ir-riżultati tal-pubblikazzjoni tar-rapport fl-entirety tiegħu, u jista’ jkun hemm li naraw xi fatti oħrajn li jirriżultaw.”

Delia ħabbar li talab lil eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Iġġustifika din it-talba bħala mod kif Dr usuttil iġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet politiċi li kien ħa.

Delia qal li “f’dan il-kuntest ukoll, għax kif nafu din kienet parti integrali, li l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni kien għamilha bħalha tiegħu, aktar kmieni tlabt lil Simon Busuttil biex iġorr r-responsabbiltà politika huwa wkoll tad-deċiżjonijiet politiċi tiegħu u jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari biex ikollu ċans jiffoka fuq l-inkjesti li fetaħ huwa stess u li s’issa mhumiex konklużi biex hawnhekk ukoll toħroġ il-verità kollha. Qed inneħħi lil Simon Busuttil mill-kariga ta’ Shadow Minister dwar il-governanza tajba, b’din il-kariga se nassumiha b’mod temporanju jiena.”

Delia qal li f’dawn id-deċiżjonijiet m’hemm ebda motivazzjoni personali, iżda saħaq li dan huwa l-mod kif il-partit għandu jimxi l-quddiem. Qal li ma jista’ jħalli xejn ixekkel il-verità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u f’dan il-kuntest il-kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista trid tibqa’ mhux mittiefsa. Temm jgħid li ħadd mhu akbar mill-partit, mill-verità u mill-pajjiż.

Simon Busuttil

immodifika

F’reazzjoni fuq il-midja soċjali, id-deputat u l-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ma jħossx li għandu għalfejn jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista, b’reazzjoni għall-konferenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Busuttil qal li Delia għażel li jżomm ma’ Joseph Muscat minflok isaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Sostna li hija kontradizzjoni kbira li Delia jrid ineħħi lilu mill-partit u fl-istess ħin jistenna li jkompli jaħdem fuq l-inkjesti li għadhom għaddejjin dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. Żied jgħid li Delia ma kellux juża din is-sitwazzjoni biex jeħles minnu.

Iktar kmieni Busuttil qal li s-sejħa tal-Prim Ministru biex huwa jirriżenja wara l-eżitu tal-inkjesta fuq Egrant hija redikola. Busuttil qal li għandu jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ dwar l-inkjesta, u mhux biss siltiet minnu. Huwa żied jistaqsi ta’ min hi l-kumpanija Egrant, ġaladarba mhix tal-Prim Ministru jew ta’ martu.

Busuttil qal ukoll li dak iż-żmien kien fi dmiru bħala Kap tal-Oppożizzjoni li jirreaġixxi għal din l-allegazzjoni u jinsisti li toħroġ il-verità. Qal li qabel ma jitlob ir-riżenja tiegħu, il-Prim Ministru jistenna l-eżitu tal-inkjesti li talab Busuttil fuq rapporti tal-FIAU dwar flus allegatament mħallsa fuq bejgħ ta’ passporti, dwar flus allegatament mħallsa minn Keith Schembri lil Adrian Hillman u dwar il-kumpanija ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi kif issemmew fil-Panama Papers.

Wara riskju li l-Partit Nazzjonalista jinqasam, nhar it-30 ta' Lulju 2018, Delia għażel li ma jibqax jagħfas biex Simon Busuttil jirriżenja mill-Grupp Parlamentari.