Konfoffa tal-ilsiera kontra l-Ordni ta' San Ġwann (1749)

Konfoffa tal-ilsiera kontra l-Ordni ta' San Ġwann (1749)
(Rindirizzat minn Il-konfoffa ta' l-ilsiera)

Il-konfoffa tal-ilsiera tal-1749 kienet konfoffa mill-ilsiera miżmuma fil-ħabsijiet Maltin biex joqtlu lill-Gran Mastru Pinto, u jwaqqgħu il-gvern tal-Ordni ta' San Ġwann.

 
Il-Gran Mastru Pinto De Fonseca

Fit-8 ta' Jannar tal-1748, fi żmien it-tmexxija tal-Gran Mastru Manoel Pinto De Fonseca, kien sar ammutinament fuq il-bastiment Tork, La Lupa di Rodi, hekk kif il-bastiment kien fi triqtu lejn il-kosta tal-Anatolja. Daqs 160 lsiera qaddiefa fuq il-bastiment, immexxija minn Qara Maħmet, Antonio Montalto u Claudio Camilleri qatlu lil kull minn opponihom u ħatfu mal-għoxrin Tork fosthom lil Mustafa Paxa, il-Gvernatur ta' Rodi, il-proprjetarju tal-bastiment. Lil dan qafluh fil-kabina tiegħu stess. Il-kapijiet ta' din ir-rewwixta ddeċidew li jsalpaw lejn Malta għax kienu jafu li hemm ser isibu min jilqagħhom. Il-Gran Mastru Pinto tabilħaqq kien kuntent b'din il-priża mhux mistennija, għax kemm il-bastiment kif ukoll it-Torok priġunieri. l-aktar il-Paxa nnifsu, kienu ser jirrendu ħafna flus.

Il-bastiment wasal Malta fit-2 ta' Frar. Minħabba l-istatura għolja tiegħu, il-Gvernatur, Mustafa Paxa kien ittrattat sew, tant li fil-Lazzarett ingħata l-aqwa sala u tħalla jżomm is-servjenti tiegħu. Wara ittieħed Sant'Iermu fejn ħallewh joqgħod fil-kwartier tal-Gvernatur tal-forti. Imbagħad ingħata anki residenza fi Strada San Giorgio kif ukoll wara ċertu żmien, residenza oħra fil-Furjana.[1]

F'April tal-1749 ir-Re Lwiġi XV ta’ Franza, li biex iżomm il-ħbiberija diplomatika u l-kummerċali mas-Sultan Tork talab lil Gran Mastru Pinto biex jeħles lill-Paxà. Pinto ma sabx oġġezzjoni imma l-Paxà ma riedx jitlaq minn Malta u talab li jibqa' jgħix fil-gżira. Il-Gran Mastru mar kontra l-parir ta' ħafna mill-Kavallieri u ħallieh joqgħod Malta anki b'ċerta libertà li jmorru jżuruh Torok skjavi li kienu jgħixu f'Malta. Għall-ewwel il-Paxà kien jidher li kien sinċier fl-aġir tiegħu. Però, minn taħt kellu pjanijiet oħra. Bil-moħbi kien qiegħed jikkonfoffa biex jagħmel kolp ta' stat u jwaqqa' l-Ordni kompletament.

Il-pjan tiegħu kien immirat lejn ribeljoni b'sorpriża li kella tkun esegwita fit-29 ta’ Ġunju, il-jum li kellha tkun iċċelebrata l-festa tal-Imnarja. Tista' tgħid li dak inhar il-Maltin minn kull belt jew raħal kienu jitilgħu l-Imdina biex igawdu din il-festa, u bosta kavallieri tal-Ordni kienu jagħmlu l-istess. Il-palazz tal-Gran Mastru kien ser ikun għaldaqstant mgħasses bi ftit kavallieri u suldati tal-Ordni waqt li fil-palazz kien ikun hemm mall-mitt qaddej skjav. Il-ftehim kien li wieħed mill-ilsiera, Imselliti, kellu jidħol fil-kmamar privati tal-Gran Mastru Pinto, u joqtlu b'daqqiet ta' sikkina vvalenta. Imbagħad, dan kellu jagħmel sinjal biex l-ilsiera servjenti ta' ġol-Palazz jeħilsu aktar ilsiera u jaħtfu l-armi mill-Armerija, u jaħtfu lil Sant'Iermu. Kien hemm anki xi ftehim biex tintbagħat flotta Ottomana mill-Afrika ta' Fuq biex jintervjenu meta jkun il-waqt u b'hekk jieħdu l-Malta minn taħt idejn l-Ordni.[2] Dak iż-żmien kien hawn f'Malta mal-1,400 skjav, bosta minnhom maqfula fil-ħabsijiet tal-Belt, il-Birgu u l-Isla. Oħrajn kienu liberi għax kienu fil-qadi ta' proprjetarji sinjuri.

Kif inkixef il-pjan

immodifika

Biss, il-konfoffa nkixfet xi jiem qabel b'inċident li seħħ fil-ħanut tax-xorb li kien hemm qrib il-Barrakka ta' Isfel, fejn kien il-ħabs tal-ilsiera. Lejla waħda, f'dan il-ħanut iltaqgħu żewġ Mislimin Torok ma' ċertu Giacomo Cassar, imlaqqam l-Armenjan. Dawn ippruvaw jipperswaduh biex jieħu sehem f'din il-konfoffa. Biss dan ma riedx anki jekk stess damu jiffitawh. F'mument minnhom inqaa argument sħun u ġlieda bejniethom. Wara li s-sitwazzjoni kkalmat u l-isiera Torok telqgħu 'l hinn, sid il-ħanut, Ġużeppi Cohen ried ikun jaf x'ġara. Bil-mod il-mod irnexxielu jiskopri mingħand Cassar x'kienet il-biċċa. Cohen mar il-Palazz biex jinforma l-awtoritajiet b'dan il-komplott.

Ir-riżultat

immodifika
 
Lwiġi XV ta' Franza

Wara li sema’ dan l-istorja dwar il-pjan li l-Mustafa Paxa kien qed iħejji, Pinto mill-ewwel bagħat jarresta lill-ilsiera Misilmin kollha involuti, u bdew l-interrogazzjonijiet bit-torturi. Mill-ewwel skoprew li Mutafa Paxa kien il-perċimes. Minn 150 li ġew interrogati. 4 minnhom mietu waqt it-torturi, jew qatlu lilhom infushom. Tmienja u tletin skjav intbagħtu għall-mewt, jew fuq il-forka, fejn wara inqatgħetilhom rashom, u ġisimhom inħaraq, jew inkella ħaduhom fil-port fejn ġisimhom kien sglugat min-nies minn dirgħajhom marbuta ma' ħbula minn fuq id-dgħajjes.[3]

Pinto ma azzardax jagħmel l-istess lil Mustafa Paxa' għax dan kien taħt il-protezzjoni tar-Re ta' Franza. Il-Gran Mastru kiteb lir-Re hekk:

Issa li tajt il-libertà lill-Paxà ta' Rodi, għandi l-unur li nipprova lill-Maestà Tiegħek id-deferenza tiegħi mingħajr riżerva għar-rieda Tiegħek. Qatt ma ħsibt li ħa nagħmel hekk xahar wara l-konfoffa ppjanata mill-Paxà, li tagħha hu kien il-kap u li kellu bħala kompliċi l-ilsiera tiegħi. It-telf ta' ħajti, li kellu jkun is-sagrifiċċju għall-mibegħda personali tal-Paxà, kellu jkun is-sinjal għall-insurrezzjoni.[4]

Tal-parti tiegħu fil-kxif tal-komplott, il-Gran Mastru Pinto ta lil Cohen somma flus dar fi Triq il-Merkanti, Valletta.

Din ma kienetx l-ewwel komplott ta' rewwwixta tal-ilsiera li seħħet f'Malta. Fl-1631 kien sar komplott ieħor mill-ilsiera.

Bibliografija

immodifika

Testa, Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books, 1989.

Thake, Robert, Patriotism, Deception and Censorship - De Soldanis and the 1751 Account of the Uprising of the Slaves. BDL Publishing. 2013.

Wettinger, Godrey, Slavery in the Islands of Malta and Gozo ca. 1000 - 1812. Publishers Enterprises Group. 2002.

Zammit, William, Kissing the Gallows. BDL Publishing. 2016.

Noti u referenzi

immodifika
  1. ^ Testa, Carmel (1989). The Life and Times of Grand Master Pinto (bl-Ingliż). Midsea Books.
  2. ^ Testa, Carmelo. The Life and Times of Grand Master Pinto.
  3. ^ Thake, Robert (2013). Patriotism, Deception and Censorship - De Soldanis and the 1751 Account of the Uprising of the Slaves (bl-Ingliż). BDL Publishing.
  4. ^ "Allorquando, donando la libertà al pascià di Rodi, ho avuto l'onore di provare a Vostra Maestà la mia deferenza senza riserve a Sua volontà, non avrei mai potuto prevedere che un mese dopo avrei scoperto una congiura tramata dal pascià che ne era a capo e che aveva per complici i miei propri schiavi. La perdita della mia vita, che doveva essere sacrificata all'odio personale del pascià contro di me era il segnale dell'insurrezione."

Ħoloq esterni

immodifika