Il-Ħolma Maltija
Il-Ħolma Maltija hu r-raba’ u x’aktarx l-aqwa rumanz ta’ Frans Sammut (1945-2011), li kemm fl-istruttura kemm fil-kontenut jilħaq qċaċet li qatt ma ntlaħqu fil-Letteratura Maltija. Ħareġ darbtejn, fl-1994 u fl-2012 (SKS).
Il-Ħolma Maltija huwa l-psewdo-awtobijografija tal-patrijott Malti Mikiel Anton Vassalli (1764-1829), Missier l-Ilsien Malti.
Mil-lat ta’ struttura r-rumanz donnu loġġa massonika. Din l-interpretazzjoni toħroġ bħala estrapolazzjoni mill-istudju ta’ Matthew Theuma,Vassalli f’Il-Ħolma Maltija (SKS 2012). Ir-rumanz hu maqsum fl-ewwel taqsima li fiha Vassalli jgħaddi mill-“apprentistat” tiegħu, fit-tieni taqsima fejn “isib id-dawl” u fit-tielet taqsima li fiha jaġixxa ta’ “mgħallem”.
Mil-lat ta’ kontenut, ir-rumanz hu miżgħud b’lingwa mill-isbaħ, li l-kittieb bnieha apposta biex joqrob kemm jista’ lejn l-ilsien Malti ta’ żmien Vassalli.
Intqal li l-Letteratura Maltija m’għandha xejn tal-kobor ta’ Il-Ħolma Maltija. Il-Ħolma Maltija nqaleb għall-Esperanto minn Dr Carmel Mallia (La Malta Revo), u ntebagħ New York, fl-2007.
Il-Professur Peter Serracino Inglott (1933-2012) tkellem dwar il-ġenju ta’ Frans Sammut f’dan ir-rumanz: "Il-ġenju ta’ Sammut kien jinsab fil-ħila li kellu bħala ġullar Volterrjan li jittrasforma personaġġ storiku f’għamla ta’ libbies karnevalesk ta’ maskra li hija ironikament akbar mir-realtà. Il-qarrej jitwassal li jiddeverti billi jħares dritt f’wiċċ nies magħrufin li s-soltu jħares lejhom b’solennità sħiħa. Wieħed jitbissem daqslikieku kompliċi fid-dubji, il-ħmerijiet u t-terġiverżazzjonijiet tagħhom. Iċ-ċaqliqa stilistika min-narrattiva storika għal dik tal-istħajjil hija x'aktarx l-akbar sfida li jkun irid iħabbat wiċċu magħha kull tip ta' traduttur."