Hoh Xil
Hoh Xil jew Kekexili (li bil-Mongoljan tfisser "Katina Muntanjuża Blu") jew Aqênganggyai (li tfisser "Sinjur ta' Għaxart Elef Muntanja") huwa reġjun iżolat fil-Grigal tal-Promontorju ta' Qinghai-Tibet. Fis-7 ta' Lulju 2017, Hoh Xil tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala "l-ikbar u l-ogħla promontorju fid-dinja".[1]
Ir-reġjun ikopri 83,000 kilometru kwadru b'elevazzjoni medja ta' 4,800 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, huwa estiż mil-Lvant għall-Punent bejn il-ktajjen muntanjużi ta' Tanggula u ta' Kunlun fiż-żona tal-konfini tal-Lbiċ tar-Reġjun Awtonomu ta' Tibet taċ-Ċina, tal-Majjistral tal-Provinċja ta' Qinghai taċ-Ċina u tar-Reġjun Awtonomu tal-Uyghur taċ-Ċina. Il-parti tax-Xlokk ta' Hoh Xil, permezz tad-drenaġġ tax-xmara Chumar (biċ-Ċiniż: 楚瑪爾河), hija waħda mis-sorsi tal-ilma ewlenin tax-xmara Yangtze. Il-bqija tar-reġjun huwa endorrejku, bi drenaġġ tal-ilma lejn bosta lagi iżolati; din iż-żona xi kultant tiġi deskritta mill-idrologi bħala d-"distrett tal-lagi ta' Hoh Xil".[2] Il-45,000 kilometru kwadru tar-reġjun ta' Hoh Xil, b'elevazzjoni medja ta' 4,600 metru, ġew iddeżinjati bħala riżerva naturali nazzjonali fl-1995. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsab fin-nofs tal-Punent tal-Kontea ta' Zhidoi u fil-parti tal-Punent tal-Kontea ta' Qumarlêb f'Qinghai. Bukadaban Feng titqies bħala parti minn Hoh Xil.
Ir-reġjun ta' Hoh Xil huwa vulkaniku. Il-medda vulkanika tal-madwar tat-Tramuntana tat-Tibet fih għadd ta' vulkani tal-aħħar tal-era Ċenożojku. Diversi vulkani bi stil bħal tal-Hawaii huma preżenti f'din il-medda. Bamaoqiongzong ikopri erja ta' 300 km2 u fih żona ppreservata sew fil-Grigal tal-quċċata u fluss tal-lava li jnixxi fuq depożiti ta' lag tal-era Kwaternarja. L-inħawi ta' Bamaoqiongzong fihom blat fonolitiku u fojditiku peralkalin. Iż-żona ta' Yongbohu fiha ħames xaftijiet daċitiċi, trakiandesitiċi u andesitiċi. Qiangbaqian tkopri firxa wiesgħa tul il-konfini tan-Nofsinhar tal-katina muntanjuża ta' Kunlun. Kon f'krater ta' Kekexili, li fl-imgħoddi kien maħsub li deher jiżbroffa f'ritratt satellitari tal-1973, issa jitqies li qatt ma kien attiv storikament.[3]
Fawna
immodifikaMinkejja l-klima iebsa, ir-reġjun ta' Hoh Xil jospita iktar minn 230 speċi ta' annimali selvaġġi. 20 minnhom għandom protezzjoni statali miċ-Ċina, fosthom il-jak selvaġġ, il-ħmar selvaġġ, iċ-ċerva tax-xoffa bajda, l-ors kannella u l-għażżiela jew chiru Tibetan fil-periklu ta' estinzjoni. Il-pika tal-promontorju abbundanti, roditur żgħir, huwa s-sors prinċipali tal-ikel tal-orsijiet kannella tar-reġjun; l-orsijiet jieklu wkoll il-jak u l-għażżiela. Dan ir-reġjun iżolat u mhux daqstant magħruf, kif ukoll iċ-chiru Tibetan, saru rinomati sew fiċ-Ċina malli ħareġ il-film Kekexili: Mountain Patrol fl-2004. Il-Lag ta' Zhuonai (biċ-Ċiniż: 卓乃湖) f'Hoh Xil huwa magħruf bħala post fejn jinġemgħu l-għażżiela Tibetani.[4][5]
Trasport
immodifikaIl-Linja Ferrovjarja ta' Qingzang u l-Awtostrada Nazzjonali Nru 109 taċ-Ċina jinsab tul il-konfini tal-Lvant tar-riżerva. Il-Mina ta' Fenghuoshan, attwalment l-ogħla mina ferrovjarja tad-dinja (twila 1,338 metru, b'daħliet li jinsabu f'elevazzjoni ta' 4,905 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar), inbniet fl-inħawi.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaHoh Xil ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ "Hoh Xil". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-15.
- ^ Zheng, Mianping (1997), An introduction to saline lakes on the Qinghai-Tibet Plateau, Volume 76 of Monographiae biologicae, Springer, p. 21, ISBN 0-7923-4098-1.
- ^ "Global Volcanism Program | Unnamed". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-15.
- ^ Xu Aichun, Jiang Zhigang, Li Chunwang, Guo Jixun, Wu Guosheng, Cai Ping, "Summer Food Habits of Brown Bears in Kekexili Nature Reserve, Qinghai: Tibetan Plateau, China". Ursus, Vol. 17, No. 2 (2006), pp. 132-137.
- ^ "青海新闻网 青海门户 主流媒体". www.qhnews.com. Miġbur 2024-09-15.
- ^ Watts, Jonathan (2005-09-20). "The railway across the roof of the world" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-15.