George Gallup
George Horace Gallup (twieled fit-18 ta' Novembru 1901 – miet fis-26 ta' Lulju 1984) kien pijunier Amerikan tat-tekniki tal-kampjunar tal-istħarriġ u inventur tal-istħarriġ ta' Gallup, metodu statistiku ta' suċċess tal-kampjunar tal-istħarriġ għall-kejl tal-opinjoni pubblika.
George Gallup | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Jefferson, 18 Novembru 1901 |
Nazzjonalità | Stati Uniti tal-Amerka |
Mewt | Tschingel, 26 Lulju 1984 |
Post tad-dfin | Ċimiterju ta' Princeton |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (infart tal-mijokardju) |
Familja | |
Missier | George Henry Gallup |
Ulied | |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Università ta' Iowa |
Lingwi | Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
statistiku soċjologu matematiku ġurnalist negozjant |
Impjegaturi |
Università ta' Columbia Università ta' Drake Gallup (en) (1958 - |
Sħubija | Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi |
Ħajja u karriera
immodifikaGallup twieled f'Jefferson, Iowa, u kien l-iben ta' Nettie Quella (kunjomha xebba Davenport) u George Henry Gallup, produttur tal-prodotti tal-ħalib. Meta kien adolexxenti, George Horace Gallup, magħruf dak iż-żmien bħala "Ted", kien iqassam il-ħalib u kien juża s-salarju tiegħu biex jibda gazzetta fl-iskola postsekondarja, fejn kien jilgħab ukoll il-futbol. L-edukazzjoni terzjarja tiegħu kisibha fl-Università ta' Iowa, fejn kien plejer tal-futbol, membru tal-kapitlu Beta ta' Iowa tal-fraternità Sigma Alpha Epsilon, u editur ta' The Daily Iowan, gazzetta indipendenti tal-università. Huwa ggradwa b'Baċellerat fl-1923, b'Masters fl-1925 u b'Dottorat fl-1928.[1]
Imbagħad mar f'Des Moines, Iowa, fejn ħadem bħala kap tad-Dipartiment tal-Ġurnaliżmu fl-Università ta' Drake sal-1931. Dik is-sena, mar jaħdem f'Evanston, Illinois, bħala professur tal-ġurnaliżmu u r-reklamar fl-Università tal-Majjistral. Is-sena ta' wara, mar jgħix fil-Belt ta' New York biex jingħaqad mal-aġenzija tar-reklamar ta' Young u Rubicam bħala direttur tar-riċerka (iktar 'il quddiem sar Viċi President mill-1937 sal-1947). Huwa kien ukoll professur tal-ġurnaliżmu fl-Università ta' Columbia, iżda kellu jirtira mill-pożizzjoni tiegħu ftit wara li fforma l-kumpanija tiegħu stess tal-istħarriġ, l-Istitut Amerikan tal-Opinjoni Pubblika (Stħarriġ ta' Gallup) fl-1935.[2]
Gallup sikwit jiġi akkreditat bħala l-iżviluppatur tal-istħarriġ pubbliku. Fl-1932, Gallup wettaq xi stħarriġ għal ommu tar-rispett, Ola Babcock Miller, kandidata li kienet 'il bogħod ferm milli titqies li se tirbaħ il-kariga ta' Segretarju tal-Istat ta' Iowa. Bit-tkaxkira li ġarrbu d-Demokratiċi dik is-sena, hija rebħet rebħa tal-għaġeb, u dan kompla jqanqal l-interess ta' Gallup fil-politika.[3]
Fl-1936, l-organizzazzjoni l-ġdida tiegħu kisbet rikonoxximent nazzjonali tat-tbassir korrett, mit-tweġibiet ta' 50,000 persuna li wieġbet biss, li Franklin Roosevelt kien se jirbaħ kontra Alf Landon fl-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti. Dan it-tbassir kien mar kontra l-istħarriġ tar-rivista rrispettata ferm Literary Digest li għalkemm kien ibbażat fuq iktar minn żewġ miljun tweġiba għal kwestjonarju, kien bassar li Landon kien se jkun ir-rebbieħ. Gallup mhux biss bassar l-eżitu tal-elezzjoni, talli bassar ukoll ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Literary Digest billi uża kampjun aleatorju iżgħar iżda magħżul apposta biex ikun jaqbel.[3]
Tnax-il sena wara, l-organizzazzjoni tiegħu ma ġabithiex żewġ fl-elezzjoni tal-1848 għaliex bassret li Thomas Dewey kien se jirbaħ kontra Harry S. Truman b'bejn 5 % u 15 %, mentri Truman rebaħ l-elezzjoni b'4.5 %. Gallup sostna li l-iżball kien dovut l-iktar għall-fatt li l-istħarriġ tiegħu ntemm tliet ġimgħat qabel Jum l-Elezzjoni, u b'hekk ma kkunsidrax li Truman seta' jirkupra u jirbaħ kif fil-fatt għamel.[3]
Fl-1947, huwa vara l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Gallup li kienet assoċjazzjoni internazzjonali ta' organizzazzjonijiet tal-istħarriġ.[3] Flimkien mal-ħbieb u r-rivali tiegħu Elmo Roper u Archibald Crossley, huwa kien strumentali fl-istabbiliment tal-Kunsill tar-Riċerka dwar is-Swieq, tal-Kunsill Nazzjonali tal-Istħarriġ Pubbliku, u tal-Assoċjazzjoni Amerikana għall-Opinjoni Pubblika. Fl-1948, flimkien ma' Claude E. Robinson, stabbilixxa il-kumpanija tar-riċerka dwar ir-reklamar Gallup & Robinson.[4]
Fl-1958, Gallup għamel raggruppament tal-operazzjonijiet ta' stħarriġ kollha tiegħu fi ħdan dik li mbagħad saret magħrufa bħala "L-Organizzazzjoni ta' Gallup".
Gallup miet fl-1984 b'attakk tal-qalb fil-villeġġjatura tas-sajf tiegħu f'Tschingel ob Gunten, villaġġ fl-Oberland ta' Bern tal-Iżvizzera. Huwa ndifen fiċ-Ċimiterju ta' Princeton. Il-mara tiegħu mietet fl-1988, u binhom, il-kittieb u statistiku tal-istħarriġ George Gallup Jr., miet fl-2011.[5]
Referenzi
immodifika- ^ "Sample text for Library of Congress control number 93043281". catdir.loc.gov. Miġbur 2021-07-26.
- ^ "George Gallup Biography - life, death, history, school, young, son, old, information, born, year". www.notablebiographies.com. Miġbur 2021-07-26.
- ^ a b ċ d Wolfgang Donsbach u Michael W. Traugott (2007). The SAGE handbook of public opinion research. Social Science. ISBN 9781412911771.
- ^ Dietrich, Bryce J. (2008), "Crossley, Archibald (1896–1985)", Encyclopedia of Survey Research Methods, Thousand Oaks: SAGE Publications, Inc., pp. 170–171.
- ^ Detroit Free Press. "N.Y. Times reporter Tom Wicker was acclaimed for Kennedy assassination coverage". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-02-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': George Gallup (George Gallup) |