Friedrich Carl von Savigny
Friedrich Carl von Savigny (Frankfurt am Main, 21 ta' Frar 1779 – Berlin, 25 ta' Ottobru 1861) kien ġurista, filosfu u politiku Ġermaniż fundatur tal-Skola Storka Ġermaniża u prekursur tal-pandettistika.
Bijografija
immodifikaFriedrich Carl von Savigny tnissel minn familja tan-nobiltà li kellha l-art, emigrata mil-Lorena lejn il-Ġermanja. Skont id-drawwa tal-istudenti Tedeski, Savigny studja f'bosta universitajiet, l-aktar Jena, Lipsia u Halle, Gottinga u Marburgu; kiseb il-lawrja fl-università tal-aħħar fl-1800, u sewwasew wara beda karriera akkademika. Il-ġid u l-qagħda soċjali ppermettewlu jiddedika ruħu għall-attivitajiet intellettwali. Fl-1803 kiseb fama kbira bit- trattat Das Recht des Besitzes (Id-Dritt tal-Pussess), meqjus il-punt tat-tluq tal-istudji teoriċi fuq id-Dritt fis-seklu 19. Fl-1804 iżżewweġ lil Kunigunde Brentano, oħt Bettina u Clemens Maria Brentano; binhom Karl Friedrich von Savigny (1814-1875) meta kiber sar politiku u diplomatiku Prussjan importanti.
Fl-1808 Savigny mar l-Università ta' Landshut (dak iż-żmien fir-Renju tal-Bavarja) bħala Professur tad-Dritt Ruman; fl-1810 kien mibgħut fl-Università ta' Berlin il-ġdida, fejn dlonk sar wieħed mid-doċenti l-aktar magħrufin u influwenti, u fejn baqa' għall-bqija ta' ħajtu; segwew il-lezzjonijiet tiegħu saħansitra Massimiljanu II tal-Bavarja u Federiku Gulielmu IV tal-Prussja. Ma damx ma sar membru tal-prestiġġjuża Akkademja Rjali Prussjana tax-Xjenzi ta' Berlin u kien mistieden jagħmel parti mill-Kunsill tal-Istat il-ġdid (Staatsrath). Mill-1842 sal-1848 kien Ministru għar-Riforma Leġiżlattiva tal-Gvern Prussjan. Meta temm l-esperjenza governattiva, ma marx lura għat-tagħlim, imma ddedika ruħu għall-espożizzjoni teorika tal-konċezzjoni ġuridika tiegħu. Savigny kien fost l-akbar esponenti tal-Iskola Storika tad-Dritt, li kienet tqis lid-Dritt bħala prodott tas-sentiment, tan-natura u tal-ispirtu ta' kull poplu (Volksgeist) u kienet tidentifika għalhekk l-espressjoni ġuridika fundamentali fil-konswetudni. Fl-1815 waqqaf, flimkien ma' Karl Friedrich Eichhorn u Johann Friedrich Ludwig Göschen, ir-rivista Zeitschrift für geschichtliche Rechtswissenschaft, l-organu tal-Iskola Storika tad-Dritt.
L-Iskola Storika tad-Dritt
immodifikaTaħt l-influwenza tal-“Iskola storika” tiegħu żviluppat l-elaborazzjoni dottrinarja tad-Dritt – jiġifieri ta' dak id-Dritt mhux pożittiv, imma dak illi jgħix fil-ħajja ta' kuljum u ma jmissx lill-Istat li jikkodifikah – u b'mod partikolari tal-“usus modernus Pandectarum”, imsejjes fuq l-istudju u r-rielaborazzjoni tas-sistema tal-hekk-imsejjaħ ius commune li kien għadu viġenti fil-Ġermanja (Das gemeine Recht).
L-iskola ta' Savigny kien taf nisilha lill-Istoriċiżmu u kienet titlob lill-ġurist li jkun hu direttament l-interpretu u l-bennej mill-ġdid tal-ispirtu tal-poplu mingħajr l-intervent kapillari tal-leġiżlatur, filwaqt li kien isostni – fil-polemika li qabad ma' Thibaut, li kien jemmen b'saħħa fil-kodifikazzjoni pożittiva – li kien prematur tafda fil-kristallizzazzjoni tad-Dritt irrappreżentata mill-adozzjoni tal-Kodiċijiet.
Savigny kien radikalment kontra kemm il-ġusnaturaliżmu kemm l-Illuminiżmu, billi t-tnejn li huma jissejsu fuq li jistgħu jistabbilixxu mudell ta' mġiba ġuridika valida, mhux bħala prodott derivat mill-istorja, imma bħala prodott razzjonali konformi għall-moħħ u għall-intellett. Skont dawn, huwa biss id-Dritt li jinbena mal-mejda tal-filosfu li hu Dritt razzjonali, li jiġi propost lill-Bniedem lil hinn mid-diskors storjografiku, tat-tradizzjoni, tal-memorja tal-passat ġuridiku.
L-istoriċiżmu ta' Savigny, mill-banda l-oħra, kien jemmen li l-passat ma kellux ikun imneżża' minn kull valur, u wisq anqas miċħud, il-għaliex jikkostitwixxi s-substrat fundamentali li fuqu tista' timxi: ma tistax twarrabha l-istorja billi hemm konkatenazzjoni ċara bejn il-passat, il-preżent u l-futur. L-idea ta' Dritt universalment validu hija utopija li ma tqisx ir-realtà konkreta, it-tiswir storiku tas-soċjetà. Għal Savigny, għalhekk, il-veru Dritt Naturali huwa d-Dritt Konswetudinarju billi hu konformi man-natura ta' dak il-poplu, billi hu l-espressjoni tal-livell tiegħu ta' ċiviltà. F'dan is-sens, id-Dritt Naturali huwa d-Dritt li jseħħ fl-istorja u huwa l-ħolqien spontanju ta' kull poplu u hu għalhekk assurd dak li kien qed jipproponi Thibaut, għax għandu mill-artifiċjali, huwa astratt u ma jikkorrispondix man-natura tal-poplu. Il-kodifikazzjoni tad-Dritt darba għal dejjem kienet se timblokka l-iżvilupp ta' soċjetà – li tagħha d-Dritt huwa espressjoni – fil-każ li hi, fil-mument tal-kodifikazzjoni, tkun qed tevolvi; mill-banda l-oħra tkun "iffotografat" il-kawżi tad-dekadenza tas-soċjetà nnifisha, fil-każ bil-kontra. Inpartikulari, proprju minħabba f'viżjoni metastorika e artifiċjali bħal din - bħala volontà tal-leġiżlatur attwali – tal-Kodiċi, Savigny jiddistingwi, f'paralleliżmo mad-dinja Rumana tal-qedem, tliet fażijiet prinċipali li d-Dritt jgħaddi minnhom matul l-istorja tiegħu: fażi tal-bidu u konswetudinarja, fażi ta' elaborazzjoni dottrinali (li fiha tintlaħaq il-quċċata, l-ogħla splendur tekniku u funzjonali), u fażi – aktar 'il quddiem – ta' kodifikazzjoni, li tkun l-ewwel pass lejn l-involuzzjoni.
Xogħlijiet
immodifika- Das Recht des Besitzes (Id-Dritt tal-Pussess), 1803
- Vom Beruf unserer Zeit für Gesetzgebung und Rechtswissenschaft (Dwar il-vokazzjoni ta' żmienna għal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza), Heidelberg, 1814
- Geschichte des römischen Rechts im Mittelalter (Storja tad-Dritt Ruman fil-Medju Evu), 1815 u 1831
- System des heutigen römischen Rechts (Sistema tad-Dritt Ruman Attwali), Berlin: 1840 - 1849
- Vermischte Schriften (Kitbiet varji), 1850
- Obligationenrecht (Id-Dritt tal-Obbligazzjonijiet), 1853