Fond Soċjali Ewropew

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-istrument finanzjarju ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-appoġġ tal-impjiegi fl-Istati Membri kif ukoll għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. L-infiq tal-FSE jammonta għal madwar 10% tal-baġit totali tal-UE.

Il-FSE huwa wieħed mill-Fondi Strutturali tal-UE, li huma ddedikati għat-titjib tal-koeżjoni soċjali u tal-benesseri ekonomiku fir-reġjuni kollha tal-Unjoni. Il-Fondi Strutturali huma strumenti finanzjarji ridistributtivi li jappoġġjaw il-koeżjoni fl-Ewropa billi jikkonċentraw l-infiq fuq ir-reġjuni l-inqas żviluppati. L-għan partikolari tal-infiq tal-FSE huwa li jappoġġja l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-UE, u dan jagħmlu billi jikkofinanzja proġetti nazzjonali, reġjonali u lokali li jtejbu l-livelli ta' impjieg, il-kwalità tal-impjiegi u l-inklussività tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom.

Il-Fond Soċjali Ewropew twaqqaf waqt il-fondazzjoni fit-Trattat ta' Ruma tal-1957; huwa l-eqdem mill-Fondi Strutturali. Waqt li l-FSE dejjem kellu bħala l-għan tiegħu r-rata ogħla ta' impjiegi, matul is-snin adatta l-prijoritajiet tiegħu biex jindirizza l-isfidi taż-żmien. Fl-ewwel snin ta' wara l-gwerra, ikkonċentra fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-ħaddiema fl-Ewropa; wara beda jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u dawk b'nuqqas ta' kwalifiki. Fil-perijodu ta' finanzjament kurrenti, 2007-2013, barra li jagħti appoġġ immirat lil dawk li għandhom diffikultajiet partikolari biex isibu xogħol, bħan-nisa, iż-żgħażagħ, ħaddiema aktar anzjani, l-immigrati u nies b'diżabilitajiet, il-finanzjament tal-FSE qed jgħin ukoll lin-negozji u lill-ħaddiema jadattaw għall-bidla. Jagħmel dan billi jappoġġja l-innovazzjoni fil-post tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà tal-ħaddiema.

Post il-FSE fil-politika u l-istrateġiji tal-UE

immodifika

L-istrateġija ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija l-Aġenda ta' Liżbona li timmira li tagħmel l-Ewropa l-aktar ekonomija bbażata fuq l-għarfien, dinamika u kompetittiva fid-dinja, kapaċi li toħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli b'aktar xogħol u xogħol aħjar u koeżjoni soċjali akbar, u b'rispett għall-ambjent, sal-2010. L-għanijiet tal-Aġenda ta' Liżbona isawru l-prijoritajiet tal-FSE.

Ħafna strumenti finanzjarji u tal-politika tal-UE joperaw biex jappoġġjaw l-Aġenda ta' Liżbona. Fosthom, il-Politika tal-Koeżjoni timmira li tnaqqas in-nuqqas ta' ugwaljanza ekonomika u soċjali bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE. Biex tagħmel dan, tuża riżorsi finanzjarji (Fondi Strutturali) mill-baġit tal-UE – li jinkludu l-FSE – biex tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni li huma inqas żviluppati.

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdiedu l-kompetittività u l-impjiegi fuq l-isfond tal-globalizzazzjoni u ta' popolazzjonijiet li qed jixjieħu, l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi[1] tipprovdi qafas koordinattiv għall-Istati Membri tal-UE biex jiġu miftiehma prijoritajiet u objettivi komuni fil-qasam tal-impjiegi. Dawn il-prijoritajiet komuni huma inklużi fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi[2] u inkorporati fil-Programmi Nazzjonali tar-Riforma[3] ppreparati mill-Istati Membri individwali. Il-finanzjament tal-FSE huwa allokat mill-Istati Membri biex jappoġġja l-Programmi Nazzjonali tar-Rifoma tagħhom kif ukoll l-Oqfsa Nazzjonali dwar ir-Referenza Strateġika (NSRF) li jistabbilixxu l-prijoritajiet ewlenin ta' Stat Membru għall-infiq tal-Fondi Strutturali tal-UE li jirċievi.

L-Aġenda Soċjali Ewropea[4] ukoll għandha rwol fit-tiswir tal-prijoritajiet tal-infiq tal-FSE. L-Aġenda Soċjali tipprova taġġorna l-'mudell soċjali Ewropew' billi timmodernizza s-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex il-ħaddiema u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li jinħolqu mill-kompetizzjoni internazzjonali, mill-avvanzi fit-teknoloġija u mill-mudelli li dejjem jinbidlu tal-popolazzjoni waqt li jipproteġu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Barra minn hekk, il-kunċett ta' 'flessigurtà' jikkontribwixxi għall-inizjattivi kurrenti tal-FSE. Il-flessigurtà tista' tiġi definita bħala strateġija tal-politika biex tkabbar il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol, tal-organizzazzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol, fuq naħa waħda, u s-sigurtà fl-impjieg u s-sigurtà fid-dħul min-naħa l-oħra[5]. It- terminu flessigurtà jinkludi approċċ ġdid lejn l-impjieg li jinvolvi 'xogħol għall-ħajja' minflok il-mudell tal-'impjieg għall-ħajja' tal-passat. Jinkoraġġixxi lill-ħaddiema biex jieħdu l-ħajja tax-xogħol tagħhom f'idejhom permezz tat-taħriġ tul il-ħajja, l-adattament għall-bidla u l-mobiltà.

Il-FSE: definizzjoni tal-istrateġija

immodifika

Il-FSE huwa ġestit permezz ta' ċikli ta' programmazzjoni ta' seba' snin. L-istrateġija u l-baġit tal-FSE huma negozjati bejn l-Istati Membri tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tal-UE. L-istrateġija tiddefinixxi l-għanijiet tal-finanzjament tal-FSE, li tikkondividi parzjalment jew b'mod sħiħ ma' fondi strutturali oħrajn. Għaċ-ċiklu ta' finanzjament kurrenti tal-FSE dawn l-għanijiet huma:

  1. L-objettiv tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi: biex jissaħħu l-kompetittività reġjonali, l-impjiegi u jkun attirat l-investiment.
  2. L-objettiv tal-konverġenza: biex jistimola t-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni inqas żviluppati. Dan l-għan jirċievi aktar mit-80% tal-finanzjament totali tal-FSE.

L-istrateġija tiddeskrivi wkoll 'assi ta' prijorità' wesgħin – l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet u li huma eliġibbli għall-fondi.

Kif jiġu allokati l-fondi tal-FSE

immodifika

Il-livell ta' finanzjament tal-FSE huwa differenti minn reġjun għal ieħor skont il-ġid relattiv tagħhom. Ir-reġjuni tal-UE huma maqsumin f'erba' kategoriji ta' reġjuni eliġibbli, ibbażati fuq il-PGD pro capita reġjonali tagħhom imqabbel mal-medja tal-UE (UE b'25 jew 15-il Stat Membru) u maqsumin bejn iż-żewġ għanijiet.

L-objettiv tal-konverġenza jinkludi:

  1. reġjuni ta' konverġenza bi PGD pro capita ta' inqas minn 75% tal-medja ta' UE-25;
  2. reġjuni phasing-out: bi PGD pro capita ta' aktar minn 75% tal-medja ta' UE-25 iżda inqas minn 75% tal-medja ta' UE-15.

L-objettiv tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi jinkludi:

  1. reġjuni phasing-in: bi PGD pro capita ta' inqas mill-75% tal-medja ta' UE-15 (fil-perijodu 2000-2006) iżda aktar mill-75% tal-medja ta' UE-15 (fil-perijodu 2007-2013);
  2. reġjuni ta' kompetittività u impjiegi: japplika għar-reġjuni l-oħrajn kollha tal-UE.

Fir-reġjuni ta' konverġenza, il-kofinanzjament ta' progetti mill-FSE jista' jilħaq il-85% tal-ispejjeż totali. Fir-reġjuni li jaqgћu taћt l-objettiv tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi, kofinanzjament ta' 50% huwa aktar komuni. Għall-Istati Membri u r-reġjuni aktar sinjuri, il-finanzjament tal-FSE jikkomplimenta inizjattivi dwar impjiegi nazzjonali eżistenti; għal Stati Membri mhux daqshekk sinjuri, il-finanzjament tal-FSE jista' jkun għajn ewlenija ta' fondi għal inizjattivi marbuta mal-impjiegi. Ir-reġjuni eliġibbli għall-programm kurrenti tal-FSE (2007-2013) jidhru fuq il-mappa.

Kif jiġi implimentat il-FSE

immodifika

Waqt li d-definizzjoni tal-istrateġija ssir fuq il-livell tal-UE, l-implimentazzjoni tal-finanzi tal-FSE hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE. Ladarba l-istrateġija u l-allokazzjoni tal-baġit jiġu miftiehma, ikun hemm approċċ konġunt lejn il-programmazzjoni. Programmi Operazzjonali ta' seba' snin huma ppjanati mill-Istati Membri u mir-reġjuni tagħhom flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-Programmi Operazzjonali jiddeskrivu l-oqsma tal-attività li għandhom jiġi finanzjati, li tista' tkun ġeografika jew tematika. L-Istati Membri jaħtru awtoritajiet nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-FSE li huma responsabbli biex jagħżlu l-proġetti, joħorġu l-fondi, u jevalwaw il-progress u r-riżultati tal-proġetti. Jiġu maħturin ukoll awtoritajiet għaċ-ċertifikazzjoni u għall-kontrolli biex jimmonitorjaw u jassiguraw li l-ispejjeż isiru skont ir-regolament tal-FSE.

Proġetti tal-FSE

immodifika

L-implimentazzjoni prattika tal-FSE titwettaq permezz ta' proġetti li japplikaw għalihom u jiġu implimentati minn medda wiesgħa ta' organizzazzjonijiet, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Dawn jinkludu awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u s-settur tal-volontarjat, kif ukoll l-imsieħba soċjali, pereżempju, trade unions u kunsilli tax-xogħol, assoċjazzjonijiet industrijali u professjonali, u kumpaniji individwali.

 

Il-benefiċjarji tal-proġetti tal-FSE huma varji, pereżempju, ħaddiema individwali, gruppi ta' persuni, setturi industrijali, trade unions, amministrazzjonijiet pubbliċi jew intrapriżi individwali. Gruppi ta' persuni vulnerabbli li għandhom diffikultà partikolari biex isibu impjieg jew biex jimxu 'l quddiem fl-impjiegi tagħhom, bħal min ikun ilu bla xogħol jew in-nisa, huma gruppi li jridu jintlaħqu b'mod partikolari. Bħala indikazzjoni, huwa stmat li aktar minn 9 miljun individwu minn dawn il-gruppi vulnerabbli jiġu megħjuna kull sena permezz tal-parteċipazzjoni fil-proġetti tal-FSE – ara t-tabella 1.

Il-Fond Soċjali Ewropew 2007-2013

immodifika

Iċ-ċiklu ta' programmazzjoni kurrenti tal-FSE jkopri mill-2007 sal-2013 taħt is-slogan 'Ninvestu fin-Nies'. Matul dan il-perijodu, qed jinvesti madwar €75 biljun – qrib l-10% tal-baġit tal-UE – fuq proġetti li jtejbu l-impjiegi. Il-finanzjament għandu sitt oqsma speċifiċi ta' prijorità:

 
  1. It-titjib tal-kapital uman (34% tal-fondi totali)
  2. It-titjib tal-aċċess għall-impjiegi u s-sostenibbiltà (30%)
  3. Żieda fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u tad-ditti, l-intrapriżi u l-imprendituri (18%)
  4. It-titjib tal-inklużjoni soċjali ta' persuni anqas vantaġġjati (14%)
  5. It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali (3%)
  6. Il-mobilizzazzjoni tar-riformi fl-oqsma tal-impjiegi u l-inklużjoni (1%)


Fi kwalunkwe reġjun, id-distribuzzjoni effettiva tal-fondi għandha tvarja biex tirrifletti l-prijoritajiet lokali u reġjonali. Is-sitt prijoritajiet kollha huma applikabbli kemm għall-kompetittività tal-konverġenza u reġjonali kif ukoll għall-għanijiet tal-impjiegi; madankollu, ir-reġjuni ta' konverġenza normalment iqiegħdu l-enfasi fuq il-prijorità tat-'titjib tal-kapital uman'. L-allokazzjoni tal-ispiża tal-FSE skont l-Istati Membri għall-2007-2013 tidher fit-tabella 2. In-natura ridistributtiva tal-FSE tidher fit-tabella 3 li turi l-infiq pro capita tal-popolazzjoni fl-Istati Membri.

Qari ulterjuri

immodifika
  1. Fuljett tal-FSE: dan il-fuljett, ippubblikat fl-2007, jagħti informazzjoni bażika dwar l-għanijiet, ir-raġunament u l-ħidma tal-Fond Soċjali Ewropew. Huwa disponibbli fi 23 lingwa tal-UE.
  2. Dokument ta' informazzjoni dwar l-istatistiċi: b'deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-Fond Soċjali Ewropew 2007-2013, dan il-fuljett jagħti analiżi tal-fatti u l-figuri ewlenin marbuta mal-programm.
  3. Ktieb tal-50 anniversarju: fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Kummissjoni ppubblikat ktieb illustrat li jiddeskrivi l-attivitajiet tal-FSE matul l-aħħar ħamsin sena.
  4. Mappa tar-reġjuni eliġibbli tal-FSE 2007-2013: din il-mappa turi r-reġjuni eliġibbli l-ġodda għall-perijodu ta' programmazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2007-2013.
  5. Stejjer ta' suċċess tal-FSE: aktar minn 70 storja ta' suċċess li juru kif il-proġetti tal-FSE għenu biex itejbu l-ħajja fix-xogħol ta' nies mal-Ewropa kollha.
  6. Test legali tal-UE dwar il-FSE: Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Strateġija Ewropea għall-Impjiegi, aċċessata fl-14-10-2008
  2. ^ Linji Gwida dwar l-Impjiegi, aċċessata fit-12-10-2008
  3. ^ Programmi Nazzjonali ta' Riforma, aċċessata fis-17-10-2008
  4. ^ Aġenda Soċjali, aċċessata fit-12-10-2008
  5. ^ Flessigurtà, aċċessata fis-16-10-2008

Ħoloq esterni

immodifika