Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat
Il-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat (bil-lingwa ta' Greenland: Ilulissat Kangerlua) huwa fjord fil-Punent ta' Greenland li jinsab 250 kilometru fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku. Il-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat huwa estiż lejn il-Punent għal 40 kilometru (25 mil) mill-medda tas-silġ ta' Greenland sal-Bajja ta' Disko eżatt fin-Nofsinhar tar-raħal ta' Ilulissat. Il-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004 minħabba s-sbuħija naturali tiegħu kif ukoll minħabba l-importanza tal-Glaċier ta' Jakobshavn, li qed jiċċaqlaq b'mod rapidu, fl-iżvilupp tal-fehim xjentifiku attwali tat-tibdil fil-klima antropoġeniku.[1]
Il-fjord jinkludi l-Glaċier ta' Jakobshavn (bil-lingwa ta' Greenland: Sermeq Kujalleq), l-iżjed glaċier produttiv fl-Emisferu tat-Tramuntana. Il-fluss tal-glaċier jimxi b'rata ta' 20-35 metru (66-115-il pied) kuljum, u dan jirriżulta f'madwar 20 biljun tunnellata ta' icebergs li jinqatgħu mill-massa ewlenija tas-silġ u joħorġu 'l barra mill-fjord kull sena.
L-icebergs li jinqatgħu minn mal-glaċier spiss tant ikunu kbar — sa għoli ta' kilometru (3,300 pied) — li jkunu għoljin wisq biex jimxu 'l barra mill-fjord fuq wiċċ l-ilma u jeħlu mal-qiegħ taż-żoni iktar baxxi, xi kultant għal snin sħaħ, sa ma jinkisru mill-forza tal-glaċier u tal-icebergs iktar 'il fuq fil-fjord. Wara li jitkissru f'biċċiet iżgħar, l-icebergs jitfaċċaw fil-baħar u inizjalment jivvjaġġaw lejn it-Tramuntana mal-kurrenti oċeaniċi qabel ma jduru lejn in-Nofsinhar fl-Oċean Atlantiku. L-icebergs il-kbar tipikament ma jinħallux sa ma jaslu 40-45 grad fit-Tramuntana — iktar lejn in-Nofsinhar mir-Renju Unit u bi dritt mal-Belt ta' New York.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004 b'modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ fl-2019.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ilulissat Icefjord". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
- ^ "Ilulissat Icefjord - A world Heritage Site - Explore Ilulissat Icefjord". web.archive.org. 2018-04-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-06. Miġbur 2023-08-19.