Fertilizzazzjoni ''in vitro''

Fertilizzazzjoni In Vitro (IVF)

Fil-25 ta' Lulju 1978 f'Oldham, l-Ingilterra, twieldet tarbija tifla, li kien jisimha Louise Joy Brown. Din kienet l-ewwel tarbija li kienet iġġenerata ġo tubu tal-ħġieġ f'laboratorju permezz ta' proċess imsejjaħ IVF – li bl-Ingliż tfisser 'in vitro fertilization' (bil-Malti, fertilizzazzjoni fil-ħġieġ). Permezz ta' dan il-proċess, bajda tittieħed mill-għanqud tal-bajd tal-omm u tingħaqad ma' sperma tal-missier ġo dixx tal-ħġieġ ġo laboratorju. Jumejn u nofs wara, meta ċ-ċelloli tal-bajd jibdew jimmultiplikaw sa tmien ċelloli, dawn jiġu mqiegħda fl-utru tal-omm biex ikomplu jiżviluppaw b'mod naturali.

L-IVF fetaħ bieb magħruf bħala ART jew 'Assisted Reproduction Technology' - teknoloġija għar-riproduzzjoni megħjuna, li tinkludi kull tip ta' kura għall-infertilità li fiha kemm il-bajda u kemm l-isperma jkunu mwassla ma' xulxin b'mod mhux naturali.

Illum, kważi 30 sena wara li twieldet Louise, ir-riċerka sawret ammont ta' mediċini u proċeduri teknoloġiċi li bidlu drastikament il-kura għall-infertilità (li se nsemmu aktar 'l isfel f'dan l-artiklu). Dawn l-iskoperti wasslu għal żieda kbira ta' tfal li twieldu bis-saħħa tal-ART. Sal-1999, fl-Amerka biss huwa kkalkolat li twieldu mat-30,000 tarbija b'dan il-mod u madwar 100,000 jitwieldu madwar id-dinja fis-sena, riżultat tal-kura bil-IVF. Huwa stmat li mill-1978 twieldu madwar 1.5 miljun tarbija madwar id-dinja kollha b'dan il-metodu.

Għalkemm il-procedura tqum xi ftit tal-flus mhux ħażin, tista' ssir f'ċentri speċjalizzati madwar id-dinja. Sfortunatament, din il-procedura, li tista' wkoll issir hawn Malta, għadha ma ssirx fl-isptar tal-Gvern u jekk koppja trid tagħmilha, trid tħallas minn butha anke viċin id-€9,300.

Il-metodi

immodifika

L-ewwel metodu li jaqa' taħt din il-kategorija huwa l-inseminazzjoni artifiċjali. F'din il-proċedura, l-isperma tkun introdotta fil-partijiet riproduttivi tal-omm permezz ta' siringa u mhux bil-mezzi naturali ta' mħabba bejn il-koppja. L-idea hija li l-isperma tissupera xi barriera li jista' jkun hemm għaliha biex tidhol fl-utru u tiffertilizza l-bajda.

Metodu ieħor huwa dak li nsejħulu l-GIFT, jew il-'Gamete Intrafallopian Transfer'. Din il-proċedura tinvolvi t-tneħħija tal-bajda mill-għanqud ta' bajd tal-omm u din tiġi mlaqqgħa mal-isperma. Permezz tal-użu tal-laparoskopju – strument li naraw iż-żaqq bla qsim – dawn jitpoġġew fit-tubi tal-utru bit-tama li l-bajd ikun iffertilizzat u wara jinżel fl-utru u jiġġenera tarbija hemmhekk.

L-ICSI, jew 'Intracytoplasmic Sperm Injection', hija proċedura fejn l-isperma tkun injettata direttament (u mhux mħollija tidħol bis-saħħa tagħha nfisha biss) fil-bajda. Dan il-metodu jintuża meta l-isperma, għal xi raġuni jew oħra, ma tkunx irnexxielha tidħol fil-bajda bis-saħħa tagħha nfisha.

L-IVF – jew 'In Vitro Fertilization' ilaqqa' l-bajda mal-isperma barra l-mara, fil-laboratorju, f'dixx tal-ħġieġ, bl-għajnuna ta' ċerti sustanzi li jżommu kemm lill-bajda kif ukoll lill-isperma ħajjin. L-embriju (it-tarbija fl-ewwel ġranet tagħha), jitpoġġa fl-utru tal-omm mill-passaġġi naturali tagħha. Fl-aħħar insibu ż-żift, jew 'zygote nutra-faleopian transfer', fejn il-bajd jinġabar mill-għenuq tal-bajd tal-omm u jkunu ffertilizzati barra minnha. Wara, il-bajd fertilizzat jitpoġġa fit-tubi tal-laparaskopju minn toqba zgħira fiż-żokra.

Wieħed minn dawn ir-riskji huma t-tqala multipla jew ta' aktar minn żewġt itrabi. Dan jiddependi minn kemm tpoġġew bajd ffertilizzat (fil-każi tal-IVF), jew kemm irnexxielhom jiffertilizzaw (fil-każi l-oħra). Naturalment, f'dawn il-każi jkun hemm aktar ċans ta' korriment, twelid qabel iż-żmien, trabi ta' piż minuri jew xi forma ta' diżabilità permanenti. Jista' jkun hemm aktar difetti tat-twelid bħal difetti fil-qalb u l-kliewi, ix-xufftejn u s-saqaf tal-ħalq maqsum, u t-testikoli fis-subien jistgħu jibqgħu 'l fuq. Dan jiġri ta' spiss fl-IVF.

Komplikazzjonijiet għall-omm, minbarra dawk normali tat-tqala, jistgħu jiġu minħabba l-użu ta' ormoni artifiċjali jew minħabba tqala ta' aktar minn tarbija waħda. Fl-aħħar, insibu li f'ċentri fejn dawn il-proċeduri jsiru bl-eluf, mhux l-ewwel darba li jkun hemm żbalji ġenwini fejn tintuża sperma ta' raġel ieħor minflok tal-missier bioloġiku, jew bajda li mhijiex tal-omm, jew bajd fertili minn koppji oħra.

Dawn il-metodi saru tant popolari minħabba diversi fatturi. Fost dawn il-fatturi nsibu l-koppji bla tfal li jkunu lesti jagħmlu minn kollox sabiex ikollhom it-tfal, meta hemm iċ-ċans, fejn qabel it-tama tagħhom kienet li jaddottaw, jekk ikun hemm minn fejn. Minbarra hekk, din il-proċedura tagħti l-possibilità lil dawk in-nisa li minħabba karriera jew għal xi raġuni oħra, ikunu jridu jipposponu t-tqala f'data 'l bogħod minn dik li ġiet deċiża qabel.