Esperantoloġija
L-Esperantoloġija (jew l-istudji tal-Esperanto) hija studju tal-lingwistika speċjali tal-Esperanto li tistudja l-kostruzzjoni tal-kliem, l-assemblaġġ tal-kliem, l-introduzzjoni tal-kliem fil-lingwa u t-traskrizzjoni ta’ termini “umbrella” u ismijiet proprji. Il-prinċipji tal-Esperantoloġija tal-kostruzzjoni tal-kliem huma eżemplari tal-prinċipji tal-ħtieġa u tas-suffiċjenza li għandhom l-għan li joħolqu bilanċ bejn kemm kelma tkun konċiża u kemm tkun tinftiehem b’mod ċar.[1] Fir-rigward tal-għerq tal-kliem, l-Esperantoloġija tistabbilixxi dawn il-prinċipji:
- il-prinċipju tal-internazzjonalità;
- il-prinċipju tal-analoġija ma’ elementi lingwistiċi oħra;
- il-prinċipju li l-vokabolarju jkun ekonomiku;
- il-prinċipju tal-ewfonija.
Kif wieħed jista’ jobsor, dawn il-prinċipji kollha mhux dejjem jaqblu bejniethom; pereżempju l-prinċipju tal-internazzjonalità jitlob li tintuża l-kelma internacionala filwaqt li l-prinċipji tal-analoġija u li l-vokabolarju jkun ekonomiku jitolbu li tintuża l-kelma internacia. Fl-Esperanto, it-tieni u t-tielet prinċipji huma iktar b’saħħithom mill-ewwel prinċipju.[2]
Barra minn hekk, il-validità assoluta tal-prinċipji msemmijin hawn fuq ixxekkel ukoll l-użu tal-lingwa peress li m’hemmx mod kif forom li ma jkunux wisq ċari jiġu ċċarati jew korretti.[1][2]