Elezzjonij għall-Parlament Ewropew 2014 f'Malta

L-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew 2014 saru f'Malta nhar is-Sibt 24 ta' Mejju biex jelliġġu d-delegazzjoni minn Malta għall-Parlament Ewropew mill-2014 sal-2019. Din kienet it-tielet elezzjoni ta' din ix-xorta f'Malta.

B’kollox, bid-dritt għall-vot f’din l-elezzjoni f’dawk li huma votanti reġistrati skont l-aħħar Reġistru Elettorali li ħareg f’April 2014, kien hemm total ta’ 344,374. Kien hemm 21,856 vot li ma nġabrux jew 6.3% tal-voti.

B’kollox kien hemm 5,737 vot invalidu, li jfisser li mit-total ta’ 257,588 li tefgħu l-vot tagħhom, il-voti validi kienu jammontaw għal 251,851.

Għal din l-elezzjoni ħarġu kandidati minn dawn il-partiti: Partit Laburista, Partit Nazzjonalista, Alternativa Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Bidla, Alleanza Liberali, u l-Partit tal-Ajkla.

Riżultat tal-elezzjoniImmodifika

Il-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni bi 53.4% tal-voti, hekk kif kiseb total ta’ 134,462 vot fuq id-distretti elettorali kollha li jiffurmaw lil Malta u Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista ġab 100,785 vot, li jfisser 40%, filwaqt li l-AD ġabet 7,418 vot jew 2.9% u l-partiti l-oħrajn iż-żgħar bejniethom ġabu total ta’ 9,186 vot jew 3.6%.

Il-PL rebaħ din l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ 33,677 vot fuq il-PN, li jfisser distakk ta’ 13.4% bejn iż-żewġ partiti. Id-distakk ta' ħames snin qabel, fl-2009, kien ta’ 35,431 jew 14.3%, jiġifieri naqas b’1,754 jew 0.9%, iżda fl-2014 ħarġu inqas nies jivvutaw.

Imqabbel mal-istess elezzjoni tal-2009, il-PN żied il-voti b’299 iżda f’termini perċentwali naqqas 0.5%, il-PL naqqas 1,455 vot (tnaqqis ta’ 1.4%), l-AD żiedet il-voti b’1,616 (+0.6%) u l-partiti ż-żgħar bejniethom żiedu l-voti bi 3,222 (+1.2%) fuq l-2009.

Membri Parlamentari Ewropej Maltin elettiImmodifika

Il-kandidati eletti għall-Parlament Ewropew minn din l-elezzjoni kienu Roberta Metsola, David Casa u Therese Comodini Cachia f’isem il-PN u Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi f’isem il-Partit Laburista. Meta fl-2017, Comodoni Cachia kienet eletta fil-Parlament Malti, postha ħadu Francis Zammit Dimech.

Fl-Ewwel Għadd, l-ammont ta' voti li ġabu kien:

  • Sant Alfred 35,979
  • Dalli Miriam 26,932
  • Mizzi Marlene 17,294
  • Metsola Roberta 32,366
  • Casa David 19,591
  • Comodini Cachia Therese 7,863
  • Zammit Dimech Francis 8,669

Is-sitt siġġuImmodifika

Il-kwistjoni tas-sitt siġġu baqgħet mhix deċiża sal-aħħar, hekk kif kellu jkun it-28 għadd li jiddetermina li dan finalment sejjer għand il-PN, nhar l-Erbgħa 28 ta' Mejju 2014.

Fis-27 għadd, wara lejl ieħor twil ta’ tqassim ta’ voti bis-sistema tal-wirt, il-partiti kienu għadhom ras imb’ras fil-ġlieda għas-sitt siġġu. Dak il-ħin, kien imiss li jiġi eliminat l-eks Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri u jitqassmu l-voti tiegħu, minħabba li f’dan l-istadju kien il-kandidat bl-anqas numru ta’ voti. B’Therese Comodini Cachia fuq quddiem bl-akbar numru ta’ voti minn fost il-kandidati li kien għad fadal fit-tellieqa f’isem iż-żewġ partiti, il-mistoqsija kienet jekk ladarba tiġi eletta Mizzi, li kellha aktar voti minn Camilleri, l-istess kandidat Laburista kienx se jiret biżżejjed voti biex jaqbeż lil Comodini Cachia, hekk kif id-differenza bejniethom dak il-ħin kienet ta’ 6,208.

Fit-28 għadd, li ta t-tielet siġġu lill-PN u mhux ir-raba’ wieħed lill-PL, Clint Camilleri wiret 6,101 vot mis-16,613-il vot ta’ Cuschieri, filwaqt li Marlene Mizzi ħadet 9,388 vot. Kif mistenni, Therese Comodini Cachia wirtet ammont biss ammont minimu ta’ voti minn fuq il-kandidat Laburista, 99 biss, filwaqt li kien hemm ukoll 1,025 vot mhux trasferibbli. B’hekk, filwaqt li Marlene Mizzi ġiet eletta b’35,630 vot minkejja li ma laħqitx il-kwota, il-kandidata Nazzjonalista Therese Comodini Cachia baqgħet fuq quddiem b’29,580 vot u ġiet dikjarata eletta, ukoll bla kwota, bħala t-tielet MEP tal-PN. Dan minħabba li Clint Camilleri, bil-voti li wiret ġab total ta’ 29,374 vot u għalhekk ma kellux biżżejjed biex jaqbiżha.

Id-differenza bejn Comodini Cachia u Camilleri f’dan l-aħħar ghadd, u li wasslet biex tkun eletta Comodini Cachia, kienet ta’ 206 voti biss. L-elezzjoni ta’ Therese Comodini Cachia fissret ukoll li għall-ewwel darba Malta kien se jkollha maġġoranza ta’ nisa fil-Parlament Ewropew: erba’ nisa kontra żewġt irġiel, b’żewġ nisa fuq kull naħa.