Dar tat-Twelid ta' Martin Luteru

dar u mużew f'Eisleben, il-Ġermanja

Id-Dar tat-Twelid ta' Martin Luteru (bil-Ġermaniż: Martin Luthers Geburtshaus) hija binja u mużew f'Eisleben, il-Ġermanja. Ir-riformista reliġjuż Ġermaniż Martin Luteru twieled hemmhekk fl-1483.[1] Madankollu, id-dar fejn tassew twieled Luteru ma għadhiex teżisti għaliex kienet ħadet in-nar u nqerdet fl-1689. Minflokha nbniet binja ġdida fuq is-sit oriġinali tad-dar l-oħra u din infetħet għall-pubbliku fl-1693, għalkemm ma żammitx mal-pjanta u mad-daqs oriġinali tad-dar ta' qabel. Fl-2006 twettqu skavi li żvelaw bċejjeċ tal-fuħħar u art tat-tafal mid-dar oriġinali.[2]

Id-dar f'Eisleben fejn twieled Martin Luteru.

Fl-1996, id-Dar tat-Twelid ta' Martin Luteru saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' komponenti oħra tal-istess sit, fosthom id-Dar tal-Mewt ta' Martin Luteru u siti oħra assoċjati ma' Luteru f'Wittenberg, minħabba l-importanza reliġjuża tagħhom u peress li huma xhieda ta' wieħed mill-iżjed persuni influwenti fl-Ewropa Medjevali.[3] Fl-2005-2007 ġiet miżjuda parti oħra mal-binja biex tilqa' lill-viżitaturi (proġett ta' Springer Architekten, Berlin); il-kumpless minn dak iż-żmien rebaħ ħames premjijiet tal-arkitettura.

Il-bitħa interna tad-Dar tat-Twelid ta' Martin Luteru.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

L-Imfakar ta' Luteru f'Eisleben u f'Wittenberg ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Luther Birthplace Museum". web.archive.org. 2012-02-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-01. Miġbur 2023-05-04.
  2. ^ Ausgrabung durch das Landesamt für Denkmalpflege und Archäologie Sachsen-Anhalt, Grabungsleitung Ch. Matthes.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Luther Memorials in Eisleben and Wittenberg". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-04.