Cole Swensen (imwielda fl-1955 f’Kentfield, Kalifornja) hija poetessa, traduttriċi, editriċi, kittieba u professur Amerikana. Swensen ingħatat il-Guggenheim Fellowship fl-2006 u hija awtriċi ta’ aktar minn għaxar kollezzjonijiet ta’ poeżiji, u daqstant traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet mill-Franċiż. Hi kisbet Baċellerat u Maġisteru mill-Università tal-Istat ta’ San Francisco u Dottorat fil-Letteratura Komparattiva mill-Università ta’ Kalifornja, Santa Cruz. Barra minn hekk, serviet ukoll bħala direttriċi tal-Programm ta’ Kitba Kreattiva fl-Università ta’ Denver. Hija għallmet fir-Writers’ Workshop fl-Università ta’ Iowa sal-2012 meta mbagħad ingħaqdet mal-korp akkademiku tal-Programm tal-Arti Letterarja tal-Università ta’ Brown.

Cole Swensen
Ħajja
Twelid Kentfield (en) Translate, 22 Ottubru 1955 (69 sena)
Nazzjonalità Stati Uniti tal-Amerka
Edukazzjoni
Alma mater San Francisco State University (en) Translate
University of California, Santa Cruz (en) Translate
Lingwi Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
traduttur
lingwista
kittieb
Impjegaturi Brown University (en) Translate
Premjijiet
List

Xogħolha huwa meqjus ta’ ħsieb postmodern, u għal xi żmien kienet tagħmel ukoll parti minn grupp imsejjaħ The Language Poets. Għalkemm m’għadhiex parti minn dak il-grupp, hi xorta waħda għad għandha rabta mill-qrib ma’ ħafna mill-awturi oriġinali fi ħdanu (bħal Lyn Hejinian, Carla Harryman, Barrett Watten, Charles Bernstein), kif ukoll ma’ poeti minn madwar l-Istati Uniti u l-Ewropa. Xogħolha huwa ta’ natura mħallta bi sfond qawwi fit-tradizzjonijiet tal-arti poetika u viżiva kemm tal-Istati Uniti kif ukoll ta’ Franza, waqt li żżid magħhom il-viżjoni tagħha.

Id-disa’ ġabra ta’ poeżiji ta’ Cole Swensen bl-isem ta’ Goest (Alice James Books, 2004) kienet finalista għan-National Book Award fl-Istati Uniti. Xogħlijiet preċedenti tagħha rebħu wkoll selezzjoni min-National Poetry Series, in-New American Writing Award ta’ Sun & Moon, il-Premju tal-Poeżija ta’ Iowa mogħti mill-Istamperija tal-Università ta’ Iowa, il-Premju tal-Ktieb taċ-Ċentru tal-Poeżija tal-Istat ta’ San Francisco, u żewġ Premji Pushcart. It-traduzzjoni tagħha ta’ The Island of the Dead ta’ Jean Frémon rebħet il-Premju Letterarju għat-Traduzzjoni PEN USA tal-2004. Hija rċeviet ukoll għotjiet mill-Assoċjazzjoni Beaumarchais u mill-Bureau du Livre Franċiż.

Informazzjoni oħra

immodifika

Fi Franza, Swensen ħadet sehem f’qari u fi proġetti ta’ traduzzjoni kollaborattivi ma’ organizzazzjonijiet bħalma huma l-Fondazzjoni Royaumont, fil-ġmiel ta’ L'abbaye de Royaumont, mal-Università ta’ Columbia, ġewwa s-Sala Reed, mal-maison des écrivains et de la littérature, mad-Double Change, u mal-Ivy Writers Paris, f’Pariġi. L-impenn tul ħajjitha fit-traduzzjoni huwa xhieda tat-twemmin tagħha fl-iskambju internazzjonali tal-kliem u l-lingwa, u fl-importanza tal-poeżiji radikali u tradizzjonali għas-soċjetà kontemporanja.

Hija membru tal-Akkademja tal-Poeti Amerikani u editriċi li tikkontribwixxi għall-perjodiċi American Letters & Commentary u għal Shiny. Għal ħafna snin kienet ukoll l-editriċi tat-traduzzjoni għar-rivista online tal-poeżija u l-poetika kontemporanja How2.

Swensen tqassam ħinha bejn Pariġi u Providence, Rhode Island, fejn tagħmel parti mill-korp akkademiku permanenti tal-Programm tal-Arti Letterarja fl-Università ta’ Brown. Hija wkoll il-fundatriċi u l-editriċi ta’ La Presse, stamperija żgħira ddedikata għat-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni bl-Ingliż ta’ poeżiji Franċiżi kontemporanji (bħal dawk ta’ Claude Royet-Journoud jew ta' Marie Borel).