Climats u Terroirs ta' Bourgogne
Il-Climats u t-Terroirs ta' Bourgogne huma pajsaġġ kulturali u sensiela ta' siti li jirrappreżentaw il-prattiki tal-vitikultura tar-reġjun tal-inbejjed ta' Bourgogne, Franza. Il-climats huma rqajja' tal-art żgħar u delimitati bir-reqqa li jvarjaw bejniethom bħala mikroklima, ġeografija, ħamrija u tip ta' għeneb. Il-climats ta' Bourgogne huma l-post fejn twieldet is-sistema tat-terroirs tal-inbid Franċiż, fejn kull reġjun ġeografiku għandu l-inbid uniku tiegħu stess. Ir-reġjun tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015 minħabba l-importanza storika tiegħu u l-importanza li għandu fil-produzzjoni u fl-iżvilupp tal-inbid.[1]
Deskrizzjoni u Storja
immodifikaDan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul minn żewġ komponenti: l-ewwel komponent huwa ċ-ċentru storiku ta' Dijon, fejn ġew definiti bir-reqqa l-irqajja' tal-art jew il-climats u fejn ilhom irregolati mill-Medju Evu. It-tieni komponent tas-sit jinkludi l-vinji u s-siti tal-produzzjoni tal-inbid qrib ir-raħal ta' Beaune u r-reġjuni tal-Côte de Nuits u tal-Côte de Beaune fin-Nofsinhar ta; Dijon. Ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn ħamrija tat-tafal u tal-ġebla tal-ġir, iżda l-varjetà estrema fil-kompożizzjoni tal-ħamrija, fil-mikroklima u fil-ġeografija wasslet għal diversità kbira ta' nbejjed. B'kollox jeżistu bejn wieħed u ieħor 1,247 climat differenti, u kull roqgħa tal-art għandha d-definizzjoni partikolari tagħha stess kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tagħha stess tad-denominazzjoni Appellation d'origine contrôlée (AOC) jew id-Denominazzjoni ta' Oriġini Kontrollata (DOK). Bosta mill-konfini ta' dawn l-irqajja' tal-art (immarkati permezz ta' mogħdijiet, ħitan tas-sejjieħ, ċnut jew xatbiet) inbnew fl-1938 u għadhom viżibbli sa llum il-ġurnata.
Fis-sekli 5 u 6, bit-tifrix tal-Kristjaneżmu fir-reġjun, ġew stabbiliti l-vinji fix-xaqlibiet tal-Côtes. L-iżvilupp tal-Ordni taċ-Ċisterċensi fis-seklu 11 u s-sjieda tal-vinji fost il-membri tal-borgeżija fis-sekli 12 u 13 ikkontribwew għan-natura diviża f'pajsaġġ ta' bosta rqajja' tal-art. Fis-seklu 16 ġie żviluppat il-kunċett tal-climats, u b'hekk kull roqgħa tal-art seta' jkollha l-inbid tagħha stess. Din is-sistema żviluppat fid-denominazzjoni Franċiża tal-AOC u fil-kunċett attwali tad-deskrizzjoni tal-inbejjed skont il-post preċiż minn fejn jiġu prodotti.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Climats u t-Terroirs ta' Bourgogne ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Climats, terroirs of Burgundy". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-07.
- ^ ICOMOS. "The Burgundy Climats (France): No 1425 (Report)" (PDF).