Cinco de Mayo

(Rindirizzat minn Cinco del Mayo)

Cinco de Mayo (bl-Ispanjol għall-"5 ta' Mejju") hija vaganza nazzjonali fil-Messiku, primarjament iċċelebrata fl-istat ta' Puebla, b'rikonoxximent żgħir f'partijiet oħra tal-Messiku.[1] Din il-btala tikkommemora r-rebħa mhux mistennija tal-armata Messikana fuq il-qawwiet Franċiżi fil-Battalja ta' Puebla ta' nhar il-5 ta' Mejju 1862, taħt il-kmand tal-Ġeneral Messikan Ignacio Zaragoza Seguín.

Il-Battalja ta' Puebla

Fil-battalja, minkejja li kienu inqas fin-numru, il-Messikani għelbu lill-armata esperta Franċiża li kienet ilha madwar 50 sena ma ġġarrab telfa. Madankollu, is-Cinco de Mayo fil-Messiku mhix "btala federali obbligatorja", imma aktar minn hekk btala li tiġi osservata volontarjament.[2]

Minkejja li fil-Messiku kollu din il-vaganza ftit li xejn tingħata importanza kbira, din id-data hi osservata fl-Istati Uniti u postijiet oħra madwar id-dinja bħala ċelebrazzjoni tal-wirt u l-qlubija Messikana. Madankollu, fl-Istati Uniti din il-ġurnata tiġi mħawda ma' Jum l-Indipendenza tal-Messiku[3], li taħbat fis-16 ta' Settembru[4], l-aktar btala nazzjonali u patrijottika importanti fil-Messiku.

Fl-1861, il-Messiku ma baqgħux iħallsu l-imgħax lill-kredituri tagħhom. Bħala risposta għal dan l-aġir, lejn tmiem l-1861, Franza (u pajjiżi oħra Ewropej) attakkaw lill-Messiku biex jinfurzaw il-ħlas tad-dejn. Franza iddeċidiet li tipprova tieħu u tokkupa lill-Messiku. Fl-ewwel invażjoni, Franza irnexxielha tagħmel dan; però, fil-5 ta' Mejju 1862, fil-belt ta' Puebla, il-Messikani kienu mmexxija mill-Ġeneral Ignacio Zaragoza Seguín. Minkejja li l-armata Messikana kienet rebbieħa fuq il-Franċiżi fi Puebla, ir-rebħa ttardjat l-invażjoni Franċiża fil-Belt tal-Messiku. Sena wara, Franza bdiet tokkupa lill-Messiku. Il-Franċiżi poġġew lil Massimiljanu I, Imperatur tal-Messiku fuq it-tron tal-Messiku. Il-Franċiżi, wara pressjoni min-naħa tal-Amerka, eventwalment irtiraw bejn l-1866 u l-1867. Massimiljanu ngħata l-piena tal-mewt mill-President Benito Juarez, ħames snin wara l-Battalja ta' Puebla.

Popolarità taċ-ċelebrazzjoni

immodifika

Il-vaganza tas-Cinco de Mayo hi primarjament vaganza reġjonali fil-Messiku, u ċ-ċelebrazzjonijiet isiru f'partijiet limitati tal-Messiku. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jinkludu l-ikel, il-mużika u ż-żfin.

Stati Uniti

immodifika
 
Żeffiena fil-festival annwali tas-Cinco de Mayo.

Ġewwa l-Istati Uniti, is-Cinco de Mayo bdiet tirċievi aktar importanza milli tirċievi fil-Messiku stess.[5] Din id-data hi tabilħaqq l-aktar rikonoxxuta fl-Istati Uniti bħala data li fiha tiġi ċċelebrata l-kultura u l-esperjenza tal-Amerikani ta' dixxendenza Messikana. Din il-festa hi osservata minn ħafna Amerikani, hi x'inhi l-oriġini etnika tagħhom. Iċ-ċelebrazzjonijiet jinvolvu simboli tradizzjonali Messikani, bħall-Virgen de Guadalupe (il-Madonna ta' Gwadalupe), u figuri prominenti ta' dixxendenza Messika fl-Istati Uniti, bħal César Chávez.[6] Biex jiċċelebraw, ħafna juru bnadar tas-Cinco de Mayo waqt li d-distretti tal-iskola jorganizzaw avvenimenti speċjali biex jedukaw lill-istudenti dwar is-sinifikat ta' din il-ġurnata. L-avvenimenti u ċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru juru influwenza Messikana, speċjalment fil-mużika u ż-żfin reġjonali. Xi eżempji jinkludu l-ballet folklórico u dimostrazzjonijiet ta' mariachi li jsiru kull sena ġewwa l-Plaza del Pueblo de Los Angeles. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet joffru wkoll spunt għall-bejgħ u għall-promozzjoni ta' prodotti u servizzi Messikani, bl-enfasi taqa' fuq ix-xorb, l-ikel u l-mużika tipika.[7][8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Cinco de Mayo, From Mexican Fiesta to Popular U.S. Holiday" (bl-Ingliż). National Geographic. Miġbur 2009-05-05.
  2. ^ "List of Public and Bank Holidays in Mexico". qppstudio.net (bl-Ingliż). Miġbur 2008-04-14. Din il-lista tindika li s-Cinco de Mayo mhix dia feriado obligatorio ("btala obbligatorja"), imma minflok hi btala li tista' tiġi osservata voluntarjament.
  3. ^ Brooks, Adam. "Is Cinco De Mayo Really Mexico's Independence Day?" (bl-Ingliż). NBC 11 News. Miġbur 2009-05-05.
  4. ^ "Mexico - The World Factbook" (bl-Ingliż). CIA. Miġbur 2009-02-06.
  5. ^ "Fuq termini storiċi, il-battalja li l-komunitajiet fi ħdan l-Amerika qegħdin jippreparaw biex jiċċelebraw fi tmiem il-ġimgħa mhix daqshekk important, jistqarr John Renteira, direttur taċ-Centro Civico Mexicano. Il-Battalja ta' Puebla tal-5 ta' Mejju, 1862, fil-Messiku ftit li xejn tingħata importanza, jgħid Renteira. Imma ċ-ċelebrazzjoni tat-telfa tal-invażuri Franċiżi minn armata Messikana, immexxija minn ġeneral imwieled ġewwa Texas, qed issir xi ħaġa Amerikana. "Qed issir aktar fenomenu kulturali, kummerċjali fit-termini ta' edukazzjoni tal-pubbliku biex japprezzaw il-kultura Messikana," Renteira qal. "Din hi verament ġurnata Amerikana, mhux ħaġa Messikana, u aħna ma ngħidu xejn kontra dan." Bulkeley, Deborah (2007-05-04). "Cinco de Mayo celebrations run all weekend" (bl-Ingliż). Deseret Morning News. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-02.
  6. ^ F'ċerti lokalitajiet b'komunitajiet non-Messikani Ispaniċi, bħall-Flordia, iċ-ċelebrazzjoni kibret għal waħda non-Messikana. Hernandez, Sandra (2006-05-05). "Cinco de Mayo an excuse to party in U.S." ahorre.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-10-29.
  7. ^ Salem, Nancy (2007-05-04). "Cinco de Mayo's history neglected; it's an excuse to party". abqtrib.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-05.
  8. ^ Alamillo, José M. "Contesting Cinco de Mayo: Cultural Politics and Commercialization of Ethnic Festivals, 1930-1950" (bl-Ingliż). Los Angeles: Chicano Studies Research Center, L-Università ta' Kalifornja. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)

Ħoloq esterni

immodifika