Bażilka u Parroċċa Matriċi San Duminku

ID-DUMNIKANI FIL-BELT VALLETTA


(Noti meħudin mill-ktieb ta’ P. Mikiel Fsadni OP Id-Dumnikani fil-Belt 1569-1619, Veritas Press 1971)


Wara l-Assedju l-Kbir tas-sena 1565, il-Gran Mastru fra Giovanni La Vallette, bla telf ta’ żmien, ħaseb biex jibni belt-fortizza għall-ħarsien ta’ Malta minn xi ħbit ieħor tat-torok. Fit-28 t’ Marzu 1566, tqegħdet l-ewwel ġebla. Għal sentejn sħaħ eluf ta’ ħaddiema, maltin u barranin, ħadmu bla mistrieħ fil-bini tas-swar. Il-Gran Mastru fra Pietro del Monte ried, imbagħad, li jinbeda wkoll il-bini tad-djar; għalhekk, fit-3 ta’ Frar 1569, waqqaf kummissjoni biex, flimkien mal-ajjutant tiegħu u l-kaptan Francesco Laparelli, tfassal u tqassam l-art ta’ ġewwa l-Belt Ġdida għall-bini tad-djar.


Il-patrijiet dumnikani tal-kunvent tal-Lunzjata, il-Birgu, basru bit-tidbil li kien sejjer jinħoloq malli l-Ordni ta’ San Ġwann jitlaq mill-Birgu u jmur lejn il-Belt il-Ġdida. Huma ma qisux biss li l-kunvent tagħhom fil-Birgu kien sejjer jitlef l-importanza li kellu, imma, wisq aktar li jifirxu ħidmiethom fost eluf ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu, saħansitra fil-festi kmandati, biex ifittxu jlestu s-swar. Għalhekk, P. Damjan Taliana, pirjol tal-Lunzjata u Vigarju Provinjcali għall-kunventi dumnikani f’Malta, bl-approvazzjoni tal-patrijiet tal-kunvent tiegħu, talab post fil-Belt Ġdida biex hemm jibni u jwaqqaf kunvent.


Il-Gran Mastru Del Monte laqa’ t-talba ta’ P. Taliana, u ta b’xejn lid-dumnikani kwartier sħiħ immarkat numru 8 fil-pjanta tal-Belt. Dan il-post kien sewwa sew fejn illum hemm il-kunvent u l-knisja tal-Portu Salvu, u bosta djar magħqudin magħhom. P.Taliana beda, bil-mod il-mod, idawwar bil-ħitan il-kwartier imsemmi u jibnih mill-aħjar li seta’. Barra minn hekk, l-istess patri, imqanqal mill-ħtieġa li kellhom l-għadd kbir ta’ nies li kienu jaħdmu fil-Belt, bena wkoll knisja żgħira fil-post li kiseb; hu, bħala pirjol, beda jibgħat mill-kunvent tiegħu tal-Lunzjata, l-Birgu, daqqa patri u daqqa ieħor, ħalli jqaddsulhom. Hekk kellu bidu t-twaqqif tad-dar u tal-knisja żgħira, jew kappella, li l-patrijiet dumnikani tal-Birgu bnew fil-Belt Valletta. Dan seħħ fis-sena 1569.


Il-patrijiet dumnikani tal-Lunzjata ma damux wisq ġejjin u sejrin ħalli jqaddsu fil-knisja żgħira li bnew. Hu wisq probabbli li qabel żmien sena mindu kisbu l-art, kienu diġà marru jgħammru hemm. Waħda mill-kundizzjonijioet fl-għoti ta’ l-art għall-bini f’din il-Belt kienet li, l-post ried jinbena fi żmien sena taħt piena li s-sid jitlef l-art u kull ma jkun għamel fiha. Ċertament qabel id-9 ta’ Marzu 1571, diġà kien hemm komunità’ ta’ patrijiet. F’din id-data, infatti, Giacomo Bonnici, mill-Birgu, ħalla legat ta’ quddies lill-patrijiet tal-Lunzjata, il-Birgu, bil-kundizzjoni li, jekk dawn ma jaċċettawhx, jingħata lll-patrijiet dumnikani tal-Belt!


Il-Kappella tad-dumnikani fil-Belt kienet iffrekwentata mhux biss mill-ħaddiema fil-bini tal-istess Belt u mill-familji li mill-Birgu marru jgħammru hemm, iżda wkoll minn bosta baħħara. Għalhekk, f’qasir żmien, il-patrijiet raw il-ħtieġa li, minflok il-kappella, jibnu knisja xierqa; huma ddeċidew li din il-knisja tkun dedikata lil S. Marija tal-Portu Salvu, għad-devozzjoni tal-baħħara anke għax min dejjem f`dawk l-akwati kinn hemm kappella ddedikata lil-istess titlu.


___________________________________________


TWAQQIF TAL-PARROĊĊA MILL-BIDU SAL-KONSAGRAZZJONI TAGĦHA FL-1889


Id-dumnikani kienu minn tal-ewwel li mill-Birgu kienu jiġu biex igħinu lill-ħaddiema li kienu qed jibnu l-Belt il-ġdida Valletta. Il-Gran Mastru Pietro DelMonte, fil-bidu ta’ Marzu 1571, b’rikonoxxenza, lill-patrijiet tahom biċċa art kbira u sabiħa, immarkata fil-pjanta bin-numru 8, biex jibnu knisja u kunvent. Il-patrijiet sejħu lill magħruf Girolamo Cassar biex jibniha u, fid-19 ta’ April 1571, qegħdu solennement l-ewwel ġebla u ddedikawha lil Santa Marija tal-Portu Salvu, minħabba l-għadd kbir ta’ nies tal-baħar li kienu jiffrekwentaw il-kappella li kellhom.

Parroċċa Matriċi


Ġara però li l-parroċċa ta San Ġorġ li sa dak iż-żmien l-għolja xib-er-ras kienet taqa fil-konfini tagħha sostnew li huma kellhom id-dritt ta parroċċa.Sadattant, Ħal Qormi baqa’ mingħajr kappillan u, qabel ma seta’ jinħatar ragħaj spiritwali ġdid, kellu jiġi aċċertat li Dun Gioannello Cilia kien tabilħaqq mejjet. Hekk ġara, iżda ma kienx qabel l-1569 li tneha kull dubju u laħaq kappillan ġdid. ( L-għażla waqgħet fuq Dun Marjanu Briffa, imwieled f’Ħal Luqa f’Diċembru 1545, (9) li kien għadu kjeriku meta ħa l-pusses f’Ġunju 1569 u mbagħad ġie ordnat saċerdot fil-31 ta’ Diċembru 1569.(10) Dak iż-żmien mhux darba jew tnejn kjeriku kien jilħaq kappillan qabel ikun ordnat saċerdot. Billi l-belt Valletta kienet qed tinbena fuq territorju tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi, il-Kappillan Briffa ħass ir-responsabbiltà’ tal-kura spiritwali tal-ħaddiema li kienu jaħdmu f’dan il-proġett hekk kbir. Dan ġara għax il-lokal kien imtela bit-tined tal-ħaddiema li marru jgħixu fuq il-post biex jaqilgħu aktar flus billi kienu jitħallsu bl-imqieta. Diversi Ordnijiet reliġjużi ta’ patrijiet, fosthom id-Dumnikani, bdew jagħmlu xogħol spiritwali fost il-ħaddiema li x-xogħol tagħhom beda jidher sew l-ewwel fit-tiswir tas-swar u mbghad fit-tqasim u l-bini tal-belt.(11)

L-ewwel ġebla ufficjail kienet tqiegħdet nhar it-28 ta’ Marzu 1566(12) u x-xogħol mexa b’mod li, ħames snin wara, sewwa sew fit-18 ta’ Marzu 1571, il-Gran Mastru Pietru del Monte ċaqlaq il-kwartieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann mill-Birgu għal Valletta, għalkemm kien għad ma kienx hemm djar u palazzi lesti. Dan il-pass ittieħed biex jiġi żgurat li l-bini jitla’ b’pass iżjed mgħaġġel għax il-kbarat ma kinux jieħdu gost jgħixu f’ħafna bini temporanju.(13) Il-problema tal-kura spiritwali ta’ l-abitanti Maltin baqgħet hemm u, minkejja x-xogħol tal-kappillan ta’ Ħal Qormi, il-patrijiet Dumnikani ħasbu kif setgħu jwaqqfu parroċċa ġdida Dumnikana fil-Belt. Il-kappillan Briffa donnu basar x’kien ser jiġri u bħal ipprova jieħu passi biex dan it-twaqqif ma jseħħx għax, propju fl-1 ta’ Lulju 1571, fir-reġistru tal-magħmudijiet ta’ Ħal Qormi nbdiet taqsima ġdida biex fiha jibdew jirreġistraw dawk it-trabi li jitwieldu fil-belt il-ġdida. Iżda tarbija waħda biss laħqet ġiet ireġistrata f’din is-sezzjoni, tifla jisimha Pawlina.(14)


Il-Papa Dumnikan San Piju V, benefattur kbir u Patrun tal-Belt il-ġdida, fit-2 ta’ Lulju 1571, b’Motu Proprio Ex Debito Pastorali għolla l-knisja, li kienet għadha kif bdiet tinbena, bit-titlu u grad ta’ parroċċa ewlenija u matriċi prinċipali tal-belt il-ġdida kollha kemm hi għal dejjem. B’hekk, minkejja l-opposizzjoni li kien hawn mhux biss mill-Kappillan Briffa iżda wkoll mill-Kurja Episkopali Maltija, twaqqfet l-ewwel parroċċa fil-belt il-ġdida. Din il-ġrajja ma kenitx tfisser biss li naqsu l-konfini tal-Parroċċa San Ġorġ ta’ Ħal Qormi iżda wkoll li issa saret matriċi, jiġifieri omm ta’ parroċċa oħra.

Il-Kappillan Briffa ma qatax qalbu li jġibha żewġ u jannulla t-twaqqif tal-parroċċa l-ġdida, kif fil-fatt riedet il-Kurja, iżda fit-23 ta’ Settembru 1577, il-Papa Gregorju XIII warrab għal kollox il-pretensjonijiet tiegħu jew aħjar, bħalma jingħad b’mod aktar popolari, impona fuqu s-silenzju perpetwu u anke thedida ta Skomunika lilu, lil-patrijiet karmelitani kif ukoll lil kull min jipprova imerri il-fatti tal-Bolla.

Għalkemm b`mod uffiċjali din il-kwistjoni ingħalqet, l-inkwiet kompla sas sena 1723 meta mil-Vatikan ħarġu il-konfini taż-żewġ parroċċi fejn il-maggorranza kbira ta l-art beltija ingħatat kif xieraq lid-dumnikani filwaqt li l-parroċċa l-oħra ingħatat parti iżgħar mil-belt flimkien mal-furjana.

Dawn il-fatti juru kemm kull Belti għandu jkun kburi bl-istorja tat-twaqqif tal-Parroċċa Matriċi Omm il-Belt Valletta. Matul iz-zmenijiet id-dumnikani gol belt dejjem qamu għar responsabilita ta Parroċċa Matriċi biżżejjed insemmu iż-żewġ flaġelli tal-Pesta li għal kurragg li urew il-patrijiet il-Parroċċa Matriċi tagħna ġiet mgħollija bħala l-Ewwel Bazilika ġewwa Malta. Ta min ukoll jiftakar ukoll li matul il-Gwerra il-patrijiet baqgħu ġewwa il-kapitali u b`kurragg kbir ta Omm il-belt Valletta qdew dmirijithom mal-belt Kollha inkluż ġewwa il-konfini tal-parroċċa l-oħra fejn il-kapitlu kien telaq kollu barra il-belt u tħalla biss l-arċipriet. Għalhekk Omm il-Belt Valletta kolla kemm hi għal dejjem...mhux bid-digrieti biss (Li qedin hemm) imma wkoll bl-għemil ukoll tal-Kommunità Dumnikana.