Aït Benhaddou

villaġġ storiku fix-Xlokk tal-Marokk

Aït Benhaddou (bil-lingwi tal-Berberi: ⴰⵢⵜ ⴱⴻⵏⵃⴰⴷⴷⵓ; bl-Għarbi: آيت بن حدّو‎) huwa ighrem jew ksar (villaġġ iffortifikat) storiku tul ir-rotta tal-karovani tal-imgħoddi bejn id-deżert tas-Saħara u Marrakech fit-territorju li llum huwa parti mill-Marokk. Jinsab mal-ġenb ta' għolja quddiem ix-xmara Ounila. Il-ksar huwa meqjus bħala eżempju kbir ta' arkitettura Marokkina bil-ħamrija taflija u ilu mniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1987.[1]

Veduta ta' Aït Benhaddou mix-xatt oppost tax-xmara Ounila
 
Aït Benhaddou

Is-sit tal-ksar ġie ffortifikat mis-seklu 11 matul il-perjodu tad-dinastija Almoravid, li kienet dinastija imperjali Berbera Musulmana.[2][3] X'aktarx li l-ebda mill-binjiet attwali mhuma iktar antiki mis-seklu 17, iżda wisq probabbli nbnew bl-istess metodi ta' kostruzzjoni u disinni bħal dawk li kienu ntużaw sekli qabel. L-importanza strateġika tas-sit kienet minħabba l-pożizzjoni tiegħu fil-Wied ta' Ounila tul waħda mir-rotot kummerċjali ewlenin li jaqsmu s-Saħara. Il-mogħdija muntanjuża ta' Tizi n'Tichka, li wieħed kien jasal għaliha permezz ta' din ir-rotta, kienet waħda mill-ftit rotot li jaqsmu l-Muntanji Atlas, u li kienet tgħaddi minn Marrakech u l-Wied ta' Dra'a fit-tarf tas-Saħara. Kien hemm ukoll kasbahs (strutturi ffortifikati) u ksour oħra tul din ir-rotta, bħal Tamdaght fit-Tramuntana.[2]

Illum il-ġurnata, fil-ksar għadhom jgħixu biss ftit familji. Id-depopolazzjoni tul iż-żmien seħħet minħabba li fis-seklu 20 il-wied tilef l-importanza strateġika li kellu qabel. Il-biċċa l-kbira tal-abitanti lokali issa jgħixu f'abitazzjonijiet moderni fil-villaġġ fuq ix-xatt oppost tax-xmara, u jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz tal-agrikoltura u speċjalment permezz tat-turiżmu.[4] Fl-2011 tlesta pont ġdid għan-nies biex ikunu jistgħu jaqsmu min-naħa għall-oħra tax-xmara Ounila, u mill-villaġġ il-modern għall-ksar. L-għan kien li l-ksar isir iktar aċċessibbli u li potenzjalment l-abitanti jiġu mħeġġa jerġgħu jmorru jgħixu fid-djar storiċi tiegħu.[5]

Deskrizzjoni

immodifika

Konfigurazzjoni tas-sit

immodifika
 
Kasbah ta' Aït Benhaddou

Il-ksar jinsab mal-ġenb ta' għolja ħdejn ix-xmara Ounila (Asif Ounila). Il-binjiet tal-villaġġ huma miġburin flimkien fi ħdan ħajt difensiv li jinkludi torrijiet fl-irkejjen u daħla. Fost il-binjiet hemm abitazzjonijiet ta' daqsijiet differenti li jvarjaw minn djar mudesti għal strutturi twal bit-torrijiet. Uħud mill-binjiet huma mżejna fil-parti ta' fuq tagħhom b'motivi ġeometriċi. Il-villaġġ għandu wkoll għadd ta' binjiet pubbliċi u komunitarji bħal moskea, karavanseraj, kasbah u l-Marabout ta' Sidi Ali jew Amer. Fil-quċċata tal-għolja, 'il fuq sew mill-ksar, hemm il-fdalijiet ta' fossa kbira ffortifikata tal-qamħ (agadir). Hemm ukoll pjazza pubblika, ċimiterju Musulman, u ċimiterju Lhudi. 'Il barra mill-ħitan tal-ksar kien hemm żona fejn kien isir it-tkabbir u d-dris tal-qamħ.[6]

Materjali tal-bini

immodifika

L-istrutturi tal-ksar huma magħmula għalkollox minn ħamrija kkumpattata, tajn, brikks tal-ħamrija taflija, u injam. Il-ħamrija kkumpattata (magħrufa wkoll bħala pisé, tabia, jew al-luh) kienet materjal kosteffettiv u prattiku ħafna iżda kienet meħtieġa manutenzjoni kostanti.[7][8] Il-ħamrija kienet tiġi kkumpattata flimkien mat-tajn, u s-soltu kienet tiġi mħallta ma' materjali oħra biex tagħqad, u titħalla tinxef. L-istrutturi ta' Aït Benhaddou u ta' kasbahs u ksour oħra f'dan ir-reġjun tal-Marokk, tipikament inbnew b'taħlita ta' ħamrija u tiben, li kienu relattivament permeabbli u faċilment kienu jitmermru bix-xita u biż-żmien. B'riżultat ta' dan, villlaġġi simili kienu jibdew jitmermru u jċedu ftit għexieren ta' snin wara li jiġu abbandunati.[9] F'Aït Benhaddou, l-istrutturi t-twal nett kienu jsiru bil-ħamrija kkumpattata sal-ewwel sular tagħhom, filwaqt li s-sulari ta' fuq kienu jsiru b'materjal tat-tajn iktar ħafif biex titnaqqas it-tagħbija tal-ħitan.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Aït Benhaddou f'inżul ix-xemx

Aït Benhaddou ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Preservazzjoni

immodifika

Il-ksar ġie rrestawrat b'mod sinifikanti fis-seklu 20, parzjalment bis-saħħa tal-fondi mill-ġbid tal-films ta' Hollywood u tat-tniżżil tas-sit fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-UNESCO tirrapporta li l-ksar "ippreserva l-awtentiċità arkitettonika tiegħu fir-rigward tal-konfigurazzjoni u l-materjali" billi baqgħu jintużaw materjali tal-kostruzzjoni tradizzjonali u billi fil-maġġoranza l-kbira tal-binjiet ġie evitat l-użu tal-konkos. Kumitat lokali jieħu ħsieb il-monitoraġġ u l-ġestjoni tas-sit.[1]

Films miġbuda f'Aït Benhaddou

immodifika
 
Veduta ta' Aït Benhaddou mill-quċċata tal-għolja

Għadd kbir ta' films li nġibdu fil-Marokk, ġibdu xi biċċiet f'Aït Benhaddou, fosthom:[4][10][11][12]

  • Sodom and Gomorrah (1963)
  • Oedipus Rex (1967)
  • The Man Who Would Be King (film) (1975)
  • The Message (1976)
  • Jesus of Nazareth (1977)
  • Time Bandits (1981)
  • Marco Polo (1982)
  • The Jewel of the Nile (1985)
  • The Living Daylights (1987)
  • The Last Temptation of Christ (1988)
  • The Sheltering Sky (1990)
  • Kundun (1997)
  • The Mummy (1999)
  • Gladiator (2000)[13]
  • Alexander (2004)
  • Kingdom of Heaven (2005)
  • Babel (2006)
  • One Night with the King (2006)
  • Prince of Persia (2010)
  • Son of God (2014)
  • Queen of the Desert (2015)
  • David Attenborough: A life on our planet (2020)

Aït Benhaddou ntuża wkoll f'partijiet tas-sensiela televiżiva Game of Thrones[14] u tas-sensiela televiżiva Brażiljana O Clone.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Ksar of Ait-Ben-Haddou". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  2. ^ a b "Ait Ben Haddou travel". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  3. ^ "Morocco's Southern Oases Routes | Morocco Travel Guide". Rough Guides (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  4. ^ a b Jacobs, Harrison. "One of the most famous places in the world is a tiny desert town in Morocco where everything from 'Game of Thrones' to 'Gladiator' was filmed". Business Insider (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2014) Ksar of Ait-Ben-Haddou (Morocco)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  6. ^ a b Correia, Mariana (2016). Conservation in Earthen Heritage: Assessment and Significance of Failure, Criteria, Conservation Theory, and Strategies. Cambridge Scholars Publishing. pp. 149-167. ISBN 9781443889292.
  7. ^ Parker, Richard (1981). A practical guide to Islamic Monuments in Morocco. Charlottesville, VA: The Baraka Press. p. 40.
  8. ^ Berkowicz, Michel. "Pisé". Futura (bil-Franċiż). Miġbur 2021-10-06.
  9. ^ The Rough Guide to Morocco (11 ed.). London: Rough Guides. 2016. p. 390. ISBN 9780241236680.
  10. ^ "Filming Location Matching "Ait Benhaddou, Morocco" (Sorted by Popularity Ascending)". IMDb. Miġbur 2021-10-06.
  11. ^ "Movies Filmed at Ait Benhaddou in Morocco" (bl-Ingliż). 2017-01-06. Miġbur 2021-10-06.
  12. ^ Court, By Jon Jensen and Alex (2015-03-05). "Filming 'Game of Thrones' where winter never comes | CNN Business". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  13. ^ "The Fairy Ksar Ait Benhaddou | History & Travel Guide". Moroccanzest (bl-Ingliż). 2018-09-28. Miġbur 2021-10-06.
  14. ^ CNN, Jon Jensen and Alex Court, for. "Moroccan backdrop for Game of Thrones and Gladiator". CNN. Miġbur 2021-10-06.