Għaqda Nisa ta' Malta
L-Għaqda Nisa ta’ Malta, magħrufa ukoll bħala Women of Malta Association, kienet organizzazzjoni f’Malta li twaqqfet f’Jannar tal-1944, u kellha rwol importanti għall-movimenti tan-nisa f’Malta. Kisbet ukoll l-introduzzjoni tas-suffraġju f’Malta.[1]
Sfond
immodifikaMeta fl-1918, sa fl-aħħar is-suffraġju tan-nisa ġie introdott fil-Gran Brittanja, Malta kienet kolonja tal-Brittaniċi, imma dan id-dritt ma ddaħħalx fil-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1921, li permezz tagħha Malta ngħatat il-parlament tagħha, minkejja li l-Partit Laburista appoġġja din ir-riforma.[1] Fl-1931, Mabel Strickland, assistenta segretarja tal-Partit Kostituzzjonali, ġabret petizzjoni b’428 firma ta’ nisa lill-Kummissjoni Rjali tal-Affarijiet Maltin li fiha ntalab is-suffraġju tan-nisa. Imma din ma kisbitx suċċess.[1] Minkejja din il-petizzjoni, ma kien jeżisti ebda moviment fi ġlieda għas-suffraġju f’Malta.
It-twaqqif u l-kampanja
immodifikaFl-1944 twaqqfet l-Għaqda Nisa ta' Malta minn Josephine Burns de Bono u Helen Buhagiar, li nħatru President u Segretarja Ġenerali rispettivament. L-għaqda twaqqfet taħt il-gwida ta’ Reggie Miller mill-Front Laburista imma l-membri ta’ din l-għaqda kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom nisa mill-klassi għolja. L-għan tal-għaqda kien li taħdem għad-dħul tas-suffraġju tan-nisa fil-kostituzzjoni l-ġdida ta’ Malta, li kellha tiġi introdotta fl-1947 u li dak iż-żmien kienet qed tiġi ppreparata fil-parlament.[1] L-Għaqda Nisa ta’ Malta ġiet irreġistrata uffiċjalment bħala tradeunion, sabiex tagħti lir-rappreżentanti tagħha d-dritt li jitkellmu fil-parlament.[1] IIl-preżenza ta’ din l-għaqda xorta ġiet sfidata, imma kien kollu għalxejn.[2]
Il-Knisja Kattolika f’Malta, permezz tal-arċisqof Mikiel Gonzi, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista opponew id-dħul tas-suffraġju f’Malta minħabba li skonthom dan ikun ta’ piż żejjed għan-nisa li għandhom familja u dar x’jieħdu ħsieb.[1] Il-Partit Laburista kien l-ewwel moviment tal-ħaddiema li appoġġja din ir-riforma.[1] L-argument tal-Għaqda kien la n-nisa jħallsu t-taxxi, dawn għandhom ikollhom id-dritt li jivvotaw biex jiddeċiedu xi jsir bit-taxxi tagħhom. Id-dħul tas-suffraġju ġie approvat b’145 vot favur u 137 vot kontra.[1] Madankollu, is-suffraġju li ddaħħal ma kienx jinkludi d-dritt li n-nisa jiġu eletti fil-parlament, u l-Għaqda Nisa ta’ Malta kompliet il-kampanja tagħha biex tikseb dan id-dritt. Id-dibattitu kompla bl-istess nies jappoġġjaw u jopponu, u bl-istess argumenti favur u kontra, sakemm fl-aħħar mill-aħħar dan id-dritt ġie approvat ukoll. Wara l-approvazzjoni tar-riforma fil-parlament, Josephine Burns de Bono rriżenjat mill-kariga tagħha ta’ president tal-Għaqda Nisa ta’ Malta bi stqarrija li issa l-għan tal-organizzazzjoni ntlaħaq.[2]
Ir-riżultat u l-konsegwenzi
immodifikaIs-suffraġju u d-dritt ta’ siġġu politiku ddaħħlu fil-Kostituzzjoni MacMichael, li ġiet introdotta fil-5 ta’ Settembru 1947. Politiku ta’ dak iż-żmien ikkummenta li r-riforma kienet possibbli biss grazzi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fit-Tieni Gwerra Dinjija.[1] William E. Chetcuti ta'The Bulletin ikkummenta li:
- “b’maġġoranza ta’ għaxar voti biss, fl-assenza ta’ 160 membru, u bl-għajnuna ta’ vot miftuħ, din iċ-ċorma żgħira ta’ politikanti nisa, flimkien ma’ nofs il-kaċċaturi għall-voti, irnexxielhom jiksbu dak li huma jsejħu l-emanċipazzjoni tagħhom.”[2]
Il-Kummissarju Kostituzzjonali Sir Harold MacMichael ikkummenta:
- “L-akbar bidla importanti kienet id-dħul tal-prinċipju tas-suffraġju fuq il-bażi ta’ ugwaljanza bejn is-sessi f’kull rispett.”[2]
Fl-elezzjoni tas-sajf tal-1947, żewġ nisa ipparteċipaw bħala kandidati għal Membru Parlamentari, Hélène Buhagiar f’isem l-Azzjoni Demokratika u Agatha Barbara f’isem il-Partit Laburista. Barbara rnexxielha tikseb siġġu u ssir l-ewwel Membru Parlamentari mara f’Malta. Hija segwiet din il-kisba billi maż-żmien saret ministru u għalhekk kisbet siġġu fil-kabinett. Aktar tard saret ukoll l-ewwel President ta’ Malta mara.