Wied il-Qlejgħa

wied fl-Imtarfa, Malta

Iċ-Chadwick Lakes huma għadajjar artifiċjali tal-ilma ħelu li nħolqu biex jinġabar l-ilma ġieri hekk kif dan jinżel f'Wied il-Qlejgħa lil hinn mir-Rabat, f'Malta. Dan l-ilqugħ hu magħmul minn diversi digi li nbnew wara li Osbert Chadwick (ċ. 1884) kien ġie Malta biex jistudja r-riżorsi tal-ilma tal- ġżejjer Maltin u għamel rapport dwarhom.[1] L-ilma jibqa' nieżel mal-wied skont kemm tkun għamlet xita matul l-istaġun xitwi. Dan jibqa' sejjer fi triqtu lejn il-Mosta u Wied il-Għasel. Dan il-wied meta jfur bl-ilma jservi lill-bdiewa li għandhom l-għelieqi fil-madwar sabiex issaqqu l-għelieqi tagħhom.[1] Fl-għaddajjar artifiċjali jgħixu bosta insetti u annimali żgħar.[2]

Iċ-Chadwick Lakes

Oriġini tal-isem

immodifika

L-isem Wied il-Qlejgħa jissemma għall-ewwel darba f’dokument notarili dwar l-għelieqi tal-post fl-1488.[3] Il-kelma "qlejgħa" ġejja mill-kelma "qalgħa" li tfisser fortizza. Għalhekk qlejgħa tfisser fortizza żgħira.[4] L-isem inġliż "Chadwick lakes" ġej mill-kunjom ta’ Sir Osbert Chadwick, inġinier li kien imqabbad biex jiddisinja l-akbar sistema ta’ ilquħ tal-ilma fil-widien f’Malta.[3][1]

Ġeoloġija u Morfoloġija tal-wied

immodifika

Il-Wied ta’ Liemu u Wied il-Qlejgħa flimkien mal-Fiddien jifformaw l-post magħruf bħala iċ-Chadwick lakes bl-Ingliż u Wied il-Qlejgħa bil-Malti.[3] Wied il-Qlejgħa jinstab fil-punent tal-Imtarfa f’90-120m pied mill-livell tal-baħar. [5][2] Sorsi tal-ilma tal-wied huma l-ilma tax-xita li jinżel fil-wied min-naħat tal-madwar u n-nixxigħat mis-saffi tat-tafal fil-blat li  jibqgħu jnixxu l-ilma ġol-wied sa Ġunju qabel ma dawn jinxfu għalkollox. [6] [2] Il-qiegħ tal-wied jikkonsisti f’ħamrija tat-tafal, li jdewwem l-ilma milli joskula malajr minn wiċċ il-ħamrija għal ġos-saffi ta’ taħt. [6] L-ilma jgħaddi f’Wied il-Qlejgħa minn żewġ partijiet; nixxigħat li jgħaddu mit-tafal u jinstabu eżatti taħt il-ħamrija u l-ilma li jinżel minn ġol-għelieqi tal-viċinanzi man-naħat tal-wied. [2]

Wied il-Qlejgħa huwa wied b’sistemi tal-ilquħ tal-ilma tax-xita li jżomm l-ilma għal tul twil taż-żmien matul is-sena sabiex jintuża għall-agrikoltura u għall-irrigazzjoni tal-għelieqi.[7] L-ilma jiġi kemm minn dak maħzun bħala ilma tax-xita kif ukoll minn nixxighat tal-ilma ta’ widien oħrajn fosthom il-Wied tal-Isperanza u Wied il-Għasel u  tal-Fiddien li jwasslu l-ilma sa dan il-wied.[7]

L-akbar ħażniet tal-ilma jibdew mill-fiddien li wara jghaddu miċ-Chadwick lakes. L-ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa (Chadwick lakes)  jibqa’ sejjer sas-Salini fejn jinżel għal ġol-baħar. [2]L-ilma jibqa’ fil-wied sa Ġunju, għalkemm il-wied jinxef għal kollox matul is-sajf hekk kif jidħol l-istaġun tan-nixfa sew sakemm  jerġa’ jintela lura bl-ilma fil-ħarifa. [8]

L-abbundanza tal-ilma ħelu f’dan il-wied kien ilu magħruf minn żmien il-qedem. Fejn kanen magħmulin mit-tafal u kanali tal-ġebel minn żmien ir-Rumani u l-Għarab instabu waqt it-tħaffir tal-akwadott ta’ Wignacourt u l-bini tal-ilqugħ taċ-Chadwick lakes fiż-żmien l-Ingiżi.[3]

Fiż-żmien il-Kavallieri ta' San Gwann

immodifika

Wied il-Qlejgħa kien intgħażel bħala s-sors ta’ ilma ħelu għall-belt Valletta sabiex jitwassal mill-akwadott ta’  Wignacourt li kien propost biex jinbena.[3] Dan kien intgħażel minħabba l-ammont kbir ta’ nixxigħat li għandu dan il-wied. L-akwadott kien jikkonsisti f’sistemi ta’ kanali tal-ġebel taħt l-art li kienu jwasslu sal-belt Valletta. L-akwadott kien propost mill-Ġran Mastru Martino Garzes (1595-1601) u kien twettaq mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1601-1622).[3] Din is-sistema ta’ kanali kienu għadhom jintużaw saż-żmien sebgħin tas-seklu għoxrin meta fihom tqegħdu kanen tal-ħadid sabiex l-ilma jgħaddi minnhom minflok dirett fl-akwadott biex ikun evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni tal-ilma. Is-sistema sħiħa tal-akwadott ta’ Wignacourt kienu inbnew f’żewġ partijiet; parti minnhom f’wied il-Qlejgħa taħt is-superviżjoni ta’ Fr Natale Tomasucci, qassis Ġizwita minn Messina u t-tieni fażi, li kienet tinkorpora il-bqija tal-pajsaġġ sal-belt Valletta, kienet inbniet u iddisinjata taħt is-superviżjoni ta’ Bontadino de` Bontadini li kien inġinier minn Bologna.[3]

Fiż-żmien l-Ingliżi

immodifika

L-inġinier Sir Osbert Chadwick fl-1883 (1844-1913) kien imqabbad sabiex jibni sistema ta’ ilquħ tal-ilma biex l-ilma f’dan il-wied jinżamm għal żmien twil u jintuża fi żminijiet tan-nixfa, speċjalment għall-irrigazzjoni tal-għelieqi u għall-użu tal-ilma domestiku fid-djar. [1] Is-Sur Chadwick fl-1884 kien iddikjara li l-ġebel tal-wied huwa poruż u għalhekk l-ilma ma jistax jinħażen għal tul ta’ żmien.[1][9] Imma jekk jinstabu saffi tat-tafal, l-ilma  jinżel iżjed bil-mod għal ġos-saffi tal-ħamrija ta’ taħt.[10] Għalhekk ippropona li jinbnew ħitan żgħar matul il-qiegħ tal-wied fejn kienet tinstab ħamrija taflija biex iżommu l-ilma fil-wied u jintużaw bħala ġibjuni.[9] Chadwick kien ippropona ukoll li jekk dawn jirnexxu, jinbnew ħitan aktar għoljin fuq l-oriġinali biex jaħżnu aktar ilma, dejjem skont id-domanda tal-ilma li jkun hemm bżonn għall-popolazzjoni tal-Ġżejjer Maltin.[1][9]

Il-pjan originali tas-Sur Osbert Chadwick ma kienx twettaq għalkollox minħabba problemi li instabu f'dan il-wied, fosthom il-ġbir tal-ħamrija fid-digi wara kull maltempata, li kellhom jitnaddfu regolarment kull 4-5 snin u r-rata mgħaġġla tal-ilma li joskula fil-ħamrija minħabba li l-ġebel tal-wied huwa poruż.[10] [2] Kif ukoll il-problemi li l-ilma qiegħad ġab miegħu fis-sajf, kien wassal għall-epidemija ta’ malarja f’dawk in-naħat.[11] Għalhekk Chadwick lakes sar ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita matul ix-xitwa biss u l-bqija tal-ilma jitħalla jmur għall-baħar.[2] [12]L-ewwel ġibjuni, digi u lqugħ għall-ilma kienu nbnew fl-1884 fuq pedament tal-franka b’ħamrija tat-tafal bħala esperiment sabiex l-ilma jinġarr għad-digi f’qiegħ il-wied bla ma jinxtorob u jintilef fil-ħamrija. Id-digi kienu jaħżnu l-ilma f’wied il-Qlejgħa li jkun gej minn Wied Għemieri u Wied il-Lemu.[10] L-ewwel ħitan li nbnew kienu 14 il-pied għoljin u kienu jaħżnu 2,250,000 gallun ilma li huwa l-ekwivalenti ta’ 10,228,706 litru ilma. Fl-1916, il-Gvernatur ta’ Malta qabbad lill-Kurunell J. C. Robertson u lis-Sur Carmel Rizzo biex jistudjaw is-sistema tal-ilma f’dan il-wied aktar fil-fond u jirranġaw is-sistema oriġinali ta' digi li kienu nbnew fl-1884.[3] Dawn kienu ttranġaw bejn il-1927-1928.[2] Filwaqt li fl-1937-1938 inbnew aktar ħitan għoljin u lqugħ għall-ilma li kienu għoljin 40 pied u jżommu 40,000,000 gallun ilma. Sabiex il-wied jaħzen aktar ilma minħabba iz-żieda fil-popolazzjoni f’Malta. Il-ħitan li nbew kienu jaħżnu 2,750,000 galluni tal-ilma aktar. Għalkemm mhux daqs kemm kien ippjanat oriġinarjament minħabba li l-ġeoloġija u l-klima tal-wied ma kienux jippermettu li jinħażen l-ilma għal tul twil ta’ żmien.[10]

Ilum il-ġurnata

immodifika

Wied il-Qlejgħa kien iddikkjarat bħala żona ta’ konservazzjoni ta’ importanza nazzjonali (Special Area of Conservation (SAC)).[13] Wied il-Qlejgħa ġie irriġenerat fl-2020 u issa immaniġġjat minn aġenżiji u għaqdiet ambjentali.[14] [15] Ta' kull sena, Wied il-Qlejgħa sar popolari mal-familji Maltin għall-mixjiet fil-kampanja matul ix-Xitwa u r-Rebbiegha. [7]

Fawna u Flora

immodifika

Wied il-Qlejgħa huwa rikk fil-biodiversita’.[7] Dan minħabba li ikkomparat ma widien oħrajn fil-ġżejjer Maltin, Wied il-Qlejgħa jaħzen aktar ilma fil-fond għal tul akbar ta’ żmien permezz tad-digi u lquħ tal-ilma li nbnew. Kif ukoll hemm abbundanza kbira ta’ biodiversita’ permezz tal-ambjenti differenti li joffri dan il-wied. Għalhekk jservi ta’ rifuġju għal diversi speċi rari tal-ilma ħelu.[16] Fosthom insetti bħal Mazzarell Sultan (Anax imperator) u s-Sultan Sewdieni (Anax parthenope).[17] [18] [16] Kif ukoll diversi speċi  ta’ nemel bħal Hypoponera eduardi, Pheidole pallidula u Aphaenogaster splendida.[19] Fl-ilma tad-digi jinstabu ukoll orġaniżmi mikoscopiċi tal-ilma ħelu bħal Daphnia, Cyclops, Culex, Chironomus u Asellus aquaticus fost oħrajn.[2][1] Filwaqt li fuq l-art jinstabu speċi ta’ ħanfus bħal Trissemus olivieri u friefet, bħal Farfett tal-fejġel Papilio machaon subsp. Melitensis.[20] [21] Fl-istess ħin, l-wied huwa l-ambjent ideali għal diversi speċi ta’ pjanti u siġar tal-ilma fosthom il-Buda (Typha domingensis), il-Biżbula tal-ilma (Alisma plantago-aquatica) u s-siġar tal-Luq (Populus alba) li jikbru matul il-wied.[22] Kif ukoll iz-Żafżafa l-kbira (Salix alba), iż-Żafżafa ż-żgħira (Salix pedicellata) u s-siġra tal-Fraxxnu (Fraxinus angustifolia).[22] Hemm ukoll abbundanża ta’ siġar tal-frott mill-agrikoltura fosthom il-Lewż (Prunus amygdalus), ir-Rummien (Punica granatum) u s-siġra tat-Tin (Ficus carica).[23] Il-wied huwa abbundanti f’pjanti annwali tal-fjuri bħal Fidloqqom (Borago officinalis) u s-Suffejra tar-raba (Calendula arvensis). [22] [7] Wied il-Qlejgħa  jżomm ukoll popolazzjoni kbira taż-żring Discoglossus pictus f’Malta.[23][5][24] Madanakollu, matul iż-żminijiet kien hemm ħafna modifiki mill-bniedem f’Wied il-Qlejgħa minħabba li huwa wied aċċessibbli ħafna, bħat-tħawwil ta’ siġar aljeni bħall-Akaċja (Acacia saligna) [25] u l-Ewkaliptus (Eucalyptus spp.).[22][2][26] Filwaqt li fl-2016, f’dan il-wied instab speċi ta’ gamblu tal-ilma ħelu invasiv li ġie introdott mill-bniedem; Procambarus clarkii, fejn dan jiekol il-marżepp taż-żringijiet u larva tal-insetti tal-ilma, bil-konsegwenza li qed tonqos il-bijodiversita tal-annimali tal-ilma ħelu f’dan il-wied. [27]

Postijiet ta' interess

immodifika

Fit-tarf ta’ wied il-Qlejgħa tinstab struttura imsejħa il-Fiddien Box li  nbniet fil-bidu tas-seklu Għoxrin. [1] Din kienet inbniet mill-gvernatur il-Ġeneral Sir Leslie Rundle, li kien il-gvernatur ta’ Malta bejn l- 1909-1915 u l-proġett kien tmexxa mis-supretendent tas-servizzi pubbliċi Lorenzo Gatt (1857-1938).[3] [28] L-użu tagħha kien għat-trattament tal-ilma li kien jinġabar mill-wied u jintbagħat għall-belt Valletta. Il-Fiddien Box mibnija biex tifforma parti mis-sistema tal-akwadott ta’ Wignacourt fejn l-ilma kien jmur lejn il-belt Valletta u n-naħat tal-madwar li kellhom l-akbar densita’ ta’ nies f’Malta dak iż-żmien.[28]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e f ġ g Report on the water supplies of Malta, 1912 / by Professor T. Zammit and Major A.H. Morris. [S.l. : s.n., n.d.]. 13 p.
  2. ^ a b ċ d e f ġ g h Zammit, Lucia M. (1971). A study of the macrofauna of Chadwick Lakes, Malta (masterThesis) (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  3. ^ a b ċ d e f ġ g "The Valley – Chadwick Lakes" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  4. ^ miklem (2018-10-18). "L-Art u l-Baħar". Il-Miklem (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  5. ^ a b Sammut, Marthese (1987) (1987). Aspects of the population ecology of the painted frog, discoglossus pictus in the Maltese Islands (bachelorThesis) (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  6. ^ a b Chadwick, O. (1887). Report for Utilising the water flow of Fiddien and Kleigha valley. Gov. Printing Office, Malta
  7. ^ a b ċ d e Vassallo, Alvin (2018-02-11). "Families flock to Chadwick Lakes after the rains" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  8. ^ Bulmer, B. F. & Stormonth, K. (1960). The Rainfall of Malta. London, H.M.S.O., 20p
  9. ^ a b ċ Chadwick, O. (1884). Report on the Water Supply of Malta. Gov. Printing Office X, 52p.
  10. ^ a b ċ d Morris, T.O. (1950). . The Water Supply Resources of Malta. Gov. of Malta. 1952 XIV, 125 p.
  11. ^ Robertson, J. C. (1918). Report on the possibility of increasing the freshwater supply and utilising the sewage for crop irrigation in Malta. Gov. Printing Press. 1919, 32p
  12. ^ Zammit, Sir T. (1931). The Water Supply of the Maltese Islands. Gov. Printing Office, 54p
  13. ^ "Chadwick Lakes restoration project 'bearing fruit". www.independent.com.mt (bl-Ingliż). 2021-05-27. Miġbur 2023-09-11.
  14. ^ Azzopardi, Neil (2021-01-27). "An agreement between the Government and Nature Trust Malta for better management of Chadwick Lakes" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  15. ^ "Nature Trust to manage Chadwick Lakes". Times of Malta (bl-Ingliż). 2021-01-27. Miġbur 2023-09-11.
  16. ^ a b Sciberras, Arnold (2008). "A contribution to the knowledge of Odonata in the Maltese Islands (Central Mediterranean)". The Central Mediterranean Naturalist (bl-Ingliż).
  17. ^ Mifsud, Stephen. "Wild Plants of Malta and Gozo - Anax imperator (Blue Emperor)". maltawildplants.com. Miġbur 2023-09-12.
  18. ^ Mifsud, Stephen. "Wild Plants of Malta and Gozo - Anax parthenope (Lesser Emperor Dragonfly)". maltawildplants.com. Miġbur 2023-09-12.
  19. ^ Schembri, S. P. (1981). A revision of the myrmecofauna of the Maltese Islands (Hymenoptera, Formicidae). antbase.org.
  20. ^ Sabella, G. & Mifsud, D. (2016). The Pselaphinae (Coleoptera, Staphylinidae) of the Maltese Archipelago. Bulletin of the Entomological Society of Malta, Vol. 8, p. 7-34 . URL:https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/12423
  21. ^ Mifsud, Stephen. "Wild Plants of Malta and Gozo - Papilio machaon melitensis (Maltese Swallowtail)". maltawildplants.com. Miġbur 2023-09-12.
  22. ^ a b ċ d "Biodiversity – Chadwick Lakes" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
  23. ^ a b Cilia, Ryan (2016). An investigation of the vulnerability of the Maltese painted frog, 'Discoglossus pictus pictus' populations (bachelorThesis) (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
  24. ^ Sammut, M. & Schembri, P. (1991). Observations on the natural history of the painted frog Discoglossus pictus pictus (Amphibia: Anura: Discoglossidae) in the Maltese Islands (Central Mediterranean).. Animalia. 18. 71-87.URL: https://www.researchgate.net/publication/259739725_Observations_on_the_natural_history_of_the_painted_frog_Discoglossus_pictus_pictus_Amphibia_Anura_Discoglossidae_in_the_Maltese_Islands_Central_Mediterranean
  25. ^ Mifsud, Stephen (2002-08-23). "Acacia saligna (Blue-leaved Acacia) : MaltaWildPlants.com - the online Flora of the Maltese Islands". www.maltawildplants.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
  26. ^ Mifsud, Stephen (2002-08-23). "Eucalyptus gomphocephala (Tuart Tree) : MaltaWildPlants.com - the online Flora of the Maltese Islands". www.maltawildplants.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
  27. ^ Vella, Noel; Vella, Adriana; Mi̇fsud, Clare Marie (2017-06-20). "First Scientific Records of the Invasive Red Swamp Crayfish, Procambarus clarkii (Girard, 1852) (Crustacea: Cambaridae) in Malta, a Threat to Fragile Freshwater Habitats". Natural and Engineering Sciences (bl-Ingliż). 2 (2): 58–66.
  28. ^ a b "Places of interest – Chadwick Lakes" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.