Wied Wirdien hu t-tieni Volum fit-triloġija Il-Fiddien, kitba ta' Simon Bartolo u Loranne Vella. Ippubblikat fl-2008 mid-dar tal-pubblikazzjoni Merlin Library Ltd[1], Wied Wirdien ikompli minn fejn ħalla Sqaq l-Infern, l-ewwel Volum fit-triloġija. Wied Wirdien jagħti ħafna tweġibiet għall-mistoqsijiet li ħalla Sqaq l-Infern, ilaqqagħna għall-ewwel darba mal-Fiddien innifsu, u jintroduċi wkoll xi karattri ġodda filwaqt li jirritornaw il-karattri ta' Sqaq.

Wied Wirdien (qoxra)

L-illustrazzjonijiet ta' fuq il-qoxra u ta' ġewwa l-ktieb huma xogħol l-illustratriċi Lisa Falzon.

Imniedi fl-24 ta' April 2008, bi tnedija spettakolari fejn il-mistednin ma kinux jafu l-lokalità iżda biss li kellhom jiltaqgħu mat-tim f'Sa Maison. Minn hemm, ittieħdu fuq minivanns ħomor (li ġo fihom kien hemm atturi jaqraw xena minn Wied Wirdien li sseħħ proprju ġewwa minivann) sa Bieb il-Belt. Hemmhekk sabu jistennewhom żewġ Immarkati - il-kreaturi parti-umani u parti-annimali li jippopolaw it-triloġija - li mexxewhom tul Triq ir-Repubblika sal-kantina tal-Chiaroscuro Bar fi Strada Stretta.

Hemmhekk, atturi mmexxija mill-awturi Simon Bartolo u Loranne Vella stess taw ħajja lil uħud mix-xeni tal-ktieb. Bħala rigal speċjali għall-mistednin, ittella' wkoll id-dramm/kummiedja Dr Agula, li jissemma f' Wied Wirdien meta Jason u sħabu jmorru proprju l-Belt fil-lejla ta' Halloween biex jaraw dan id-dramm.

It-tielet u l-aħħar ktieb fit-triloġija Il-Fiddien, li jismu Il-Ġnien tad-Dmugħ, ġie ippublikat fil-11 ta' Diċembru 2009.

L-Awturi

immodifika

Wied Wirdien huwa t-tieni ktieb ta' Simon Bartolo u Loranne Vella. Simon u Loranne jiffurmaw parti mill-grupp teatrali Aleateia.

L-Illustratriċi

immodifika

L-illustratriċi tal-qoxra ta' Wied Wirdien, u tal-illustrazzjonijiet kollha konnessi mal-ktieb, huma tal-artista Maltija Lisa Falzon.

X'inhu jiġri f'daqqa waħda? Maltemp u mewt u atmosfera skura. Malta qed tiġi assedjata minn wisq wirdien. U seba' subien ta' l-iskola jmorru fid-direzzjoni ta' Wied Wirdien u jgħibu. Ma jista' jsibhom ħadd.

Jista' jagħmel xi ħaġa l-Magħżul? Kulħadd qed jistenna xi ħaġa kbira mingħand Jason Baldacchino, għax suppost li hu speċjali. Imma hu aktar għandu mistoqsijiet milli tweġibiet f'rasu.

Biex nifhmu min hu jew x'inhu l-Fiddien u kif jagħżel l-Immarkati jkollna mmorru lura għall-1978 biex naraw kif bdew l-affarijiet. Le, aħjar nibqgħu sejrin aktar lura, millennju sħiħ, biex naraw x'ġara wara li Fennimore iżżewweġ lir-Reġina Verdra.

Fid-dar il-Ħamra qed iseħħu affarijiet strambi: jinxtorob te maġiku, jinstabu profeziji u żrieragħ, u jitkebbsu t-twieqi u l-bibien ... X'inhu jiġri f'daqqa waħda?

Referenzi

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika