Victoria Lines

(Rindirizzat minn Victoria lines)

Il-Victoria Lines hi linja ta' 12-il kilometru ta' fortifikazzjoni, imsaħħa b'fortijiet, li taqsam Malta minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena. Il-linja taqsam it-tramuntana ta' Malta min-nofsinhar li hu ħafna iżjed popolat.

Il-Victoria Lines

Huwa fatt magħruf li anke l-Kavallieri ta’ San Ġwann, qabel l-Ingliżi, kienu ħasbu kif jistgħu jiffortifikaw il-Qasma l-Kbira naturali fil-blat li nsibu taqsam lil Malta minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena. Prova ta’ dan huma t-trunċieri mħaffra mill-Kavallieri f’postijiet strateġiċi bħal f’Ta' Falka u San Pawl tat-Tarġa.

L-iskop prinċipali tal-Victoria Lines kien id-difiża tal-Portijiet Maltin. Fil-Portijiet (Port il-Kbir u Port ta’ Marsamxett) kien hemm it-tarzna, l-imħażen għall-ħatt u t-tagħbija tal-merkanzija, f’kelma waħda kien hemm kollox. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija ukoll kienet miġbura madwar il-Portijiet. Il-Portijiet ta’ Malta kienu użati kontinwament min-Navy Ingliża, tant importanti għall-kontroll u l-amministrazzjoni tal-Imperu Ingliż.

Fl-1872 wasal Malta l-Brigadier Ġeneral Adye. Adye issuġerixxa l-bini ta’ fortizzi matul il-Qasma l-Kbira. Minn hawn nibtet l-idea tal-Victoria Lines. F’każ ta’ invażjoni min-naħa ta’ fuq ta’ Malta , l-għadu jinżamm ’il bogħod mill-Portijiet. Il-portijiet kellhom jingħalqu b’ċirku ta’ fortifikazzjonijiet. Il-Portijiet kellhom jibqgħu wara l-Victoria Lines (Grigal) rdumijiet naturali (fin-Nofsinhar) u batteriji u fortizzi (Tramuntana u Lvant).

Żviluppi importanti fl-arti militari fis-seklu 19 kienu dawk tar-rifle u tal-artillerija. Dawn kienu ż-żewġ kunċetti importanti li l-Ingliżi riedu jinkorporaw fil-bini tal-Victoria Lines.

Għall-ewwel l-Ingliżi bnew erba’ fortizzi:

  • Il-Forti ta' Binġemma (1874)
  • Il-Forti tal-Mosta (1878)
  • Il-Forti tal-Madliena (1878)
  • Il-Forti ta' Pembroke (1878)

L-esperti militari Ingliżi kienu tal-opinjoni li dawn l-erba’ fortizzi waħedhom ma kinux biżżejjed biex l-għadu ma jgħaddix lejn il-portijiet. Fl-1878 stess, is-sena li fiha tlestew tlieta mill-erba fortizzi msemmija, il-Ġeneral Simmons issuġġerixxa li jiġu rranġati t-trunċieri mħaffra mill-Kavallieri bejn Ta’ Falka u n-Naxxar. Inbnew ukoll il-linji tad-Dwejra ħdejn Binġemma.

Għalhekk, il-Victoria Lines għaqqdu dawn l-erba’ fortizzi importanti. Insibu wkoll numru ta’ batteriji u numru ta’ fortifikazzjonijiet inkorporati fil-proġett tal-Victoria Lines.

Il-Victoria Lines jagħmlu użu mill-Qasma l-Kbira naturali fil-blat li taqsam lil Malta minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena. Insibu numru ta’ widien Binġemma, il-Mosta, il-Għargħur u l-Madliena li jinterrompu il-qasma. Allura l-inġiniera, biex ikomplu l-linja difensiva, bnew ħitan bil-ġebel magħrufa bħala stop walls. Toqob apposta fil-ħitan difensivi magħrufa bħala loop holes kienu jippermettu lis-suldati jisparaw ir-rifles tagħhom minn wara dal-ħitan.

Il-bini tal-Victoria Lines kien proġett li ipprovda xogħol lil bosta ħaddiema Maltin. Fl-1892 il-linja difensiva kollha ingħatat l-isem li għadna nafuha bih sal-lum, Victoria Lines. Ir-Reġina Victoria kienet qed tiċelebra l-Ġublew mill-inkurunazzjoni tagħha.

Iktar żviluppi teknoloġiċi għamlu l-Victoria Lines bla użu f 'inqas minn 20 sena. Manuvri fl-1900 urew li l-Victoria Lines ma kinux f’pożizzjoni li jilqgħu attakk minn qawwa barranija jekk din tinżel f’xi waħda mill-bajjiet tat-Tramuntana ta’ Malta.

Ħoloq esterni

immodifika