Torri ta' Londra
It-Torri ta' Londra (bl-Ingliż: Tower of London), uffiċjalment il-Palazz u l-Fortizza Rjali tat-Torri ta' Londra tal-Maestà Tiegħu, huwa kastell storiku fuq ix-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Tamiġi fiċ-ċentru ta' Londra, il-belt kapitali tar-Renju Unit. Jinsab fi ħdan il-Kwartier ta' Londra tal-Irħula tat-Torri, li huwa sseparat mit-tarf tal-Lvant tal-Belt ta' Londra fl-ispazju miftuħ magħruf bħala l-Għolja tat-Torri. Ġie stabbilit lejn l-aħħar tal-1066 bħala parti mill-Konkwista Normanna. It-Torri l-Abjad, li jagħti ismu lill-kastell kollu, inbena minn William il-Konkwistatur fl-1078 u kien simbolu tal-oppressjoni mġarbba minn Londra taħt l-elit tal-mexxejja l-ġodda. Il-kastell kien jintuża wkoll bħala ħabs mill-1100 (Ranulf Flambard) sal-1952 (it-tewmin Kray), għalkemm dik ma kinitx il-funzjoni primarja tiegħu. Kien palazz grandjuż fil-bidu tal-istorja tiegħu u mbagħad serva bħala residenza rjali. Inġenerali, it-Torri ta' Londra huwa kumpless ta' diversi binjiet stabbilit fi ħdan żewġ sensiliet konċentriċi ta' ħitan difensivi u ħandaq. Kien hemm diversi fażijiet ta' tkabbir, l-iktar taħt ir-rejiet Rikkardu I, Enriku III, u Dwardu I fis-sekli 12 u 13. Il-konfigurazzjoni ġenerali tiegħu li ġiet stabbilita sal-aħħar tas-seklu 13 għadha teżisti minkejja li kien hemm attività ta' kostruzzjoni iktar 'il quddiem.
It-Torri ta' Londra kellu rwol prominenti fl-istorja tal-Ingilterra. Ġie assedjat diversi drabi, u l-kontroll tiegħu kien importanti għall-kontroll tal-pajjiż. It-Torri ntuża għal diversi funzjonijiet, fosthom armerija, teżor, menagerie, is-sede taz-Zekka Rjali, uffiċċju tar-reġistru pubbliku, u l-post fejn jinħażnu l-Ġojjelli tal-Kuruna tal-Ingilterra. Mill-bidu tas-seklu 14 sar-renju ta' Karlu II fis-seklu 17, purċissjoni kienet timxi mit-Torri sal-Abbazija ta' Westminster wara l-inkurunazzjoni ta' monarka. Fl-assenza tal-monarka, il-Kuntistabbli tat-Torri jkun inkarigat mill-kastell. Din kienet kariga ta' poter u ta' fiduċja fil-perjodu Medjevali. Fl-aħħar tas-seklu 15, il-Prinċpijiet fit-Torri kienu qegħdin fil-kastell meta b'mod misterjuż għebu, u preżumibbilment inqatlu. Taħt it-Tudors, it-Torri ntuża inqas bħala residenza rjali, u minkejja tentattivi ta' fortifikazzjonijiet mill-ġdid u tiswija tal-kastell, is-sistemi ta' difiżi tiegħu baqgħu lura meta mqabbla mal-iżviluppi tal-artillerija.
Il-qofol tal-użu tal-kastell bħala ħabs kienu s-sekli 16 u 17, meta bosta figuri ġew miżmuma fih, saħansitra Eliżabetta I qabel saret reġina, Sir Walter Raleigh u Elizabeth Throckmorton. Dan l-użu wassal għall-frażi "mibgħut fit-Torri". Minkejja r-reputazzjoni twila tiegħu bħala post ta' tortura u ta' mewt, popularizzat mill-propagandisti reliġjużi tas-seklu 16 u l-kittieba tas-seklu 19, seba' nies biss ġew ġustizzjati fit-Torri qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-Tieni Gwerra Dinjija fis-seklu 20. Il-ħabsin kienu jiġu ġustizzjati l-iktar fl-Għolja tat-Torri famuża lejn it-Tramuntana tal-kastell, b'saħansitra 112-il persuna ġustizzjata matul perjodu ta' 400 sena. Fit-tieni nofs tas-seklu 19, istituzzjonijiet bħaz-Zekka Rjali ġew ittrasferiti lejn postijiet oħra, u b'hekk bosta binjiet baqgħu vojta. Anthony Salvin u John Taylor ħatfu l-opportunità biex jirrestawraw it-Torri skont dik li kienet maħsuba li kienet id-dehra Medjevali tiegħu, u tneħħew ħafna mill-istrutturi post-Medjevali vojta tiegħu.
Fl-Ewwel u fit-Tieni Gwerer Dinjin, it-Torri reġa' ntuża bħala ħabs u ġew ġustizzjati 12-il raġel għal spjunaġġ. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħsarat ikkawżati mill-gwerra ġew imsewwija, u l-kastell reġa' nfetaħ għall-pubbliku. Illum il-ġurnata, it-Torri ta' Londra huwa wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi popolari tal-pajjiż. Taħt il-kariga ċerimonjali tal-Kuntistabbli tat-Torri, u ġestit mill-Gvernatur Residenti tat-Torri ta' Londra u mid-Detentur tal-Ġojjelli Rjali, il-proprjetà tiġi amministrata mill-organizzazzjoni tal-Palazzi Rjali Storiċi u hija protetta bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIt-Torri ta' Londra ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tower of London". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-10.