The Fame
The Fame hu l-ewwel album tal-artista Amerikana Lady Gaga. Dan ħareġ taħt id-ditta Interscope Records nhar id-19 ta' Awwissu, 2008. It-tema prinċipali wara l-kanzunetti ta' dan l-album hija fuq kif kulħadd jista' jħossu famuż bħal xi ċelebrità. Għal dan l-album Gaga ħadmet ma' diversi produtturi fosthom RedOne, Martin Kierszenbaum, u Rob Fusari. L-ispirazzjoni għal dawn il-kanzunetti hi ġejja mill-ammirazzjoni u l-imħabba li Gaga tħoss lejn il-fama in ġenerali, u titkellem fuq l-intriċċi tal-ħajja ta' sinjuri u famużi, kif tidher f'għajnejha.
The Fame | |
---|---|
Artista | Lady Gaga |
Tip ta' album | Album tal-istudjo |
Pubblikazzjoni | 19 ta' Awwissu 2008 |
Ġeneru | Pop, dance elettronika |
Tul | 59:35 |
Lingwa | Ingliż |
Ditta | Streamline, Kon Live, Cherrytree, Interscope |
Produttur | Rob Fusari, Bilal Hajji, Vincent Herbert (eżekuttiv), Martin Kierszenbaum, KNS Productions, RedOne, Space Cowboy |
L-album irċieva kritika pożittiva, bi kritiċi jqabblu l-abbilitajiet vokali ta' Gaga ma' dawk ta' Gwen Stefani. L-album wasal sal-ewwel post f'pajjiżi bħar-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-Irlanda. Ġewwa l-Istati Uniti l-album tela' sat-tieni post fil-Billboard 200 u fil-quċċata tal-klassifika Dance/Electronic Albums tal-istess Billboard. Madwar id-dinja, l-album biegħ iktar minn 12-il miljun kopja.
L-ewwel żewġ kanzunetti minn The Fame, "Just Dance" u "Poker Face", kienu t-tnejn suċċess internazzjonali, b'"Just Dance" tkun fl-ewwel post tal-klassifiki mużikali f'sitt pajjiżi, fosthom fil-Billboard Hot 100 ġewwa l-Istati Uniti. "Poker Face" irnexxielha wkoll tmur fl-ewwel post fi kważi kull suq mużikali, u għal Gaga din kienet it-tieni darba in fila li kellha kanzunetta fl-ewwel post tal-klassifika Hot 100. Gaga ippromwoviet dan l-album billi kantat f'numru ta' esebizzjonijiet, fosthom fil-famuż tour The Fame Ball Tour.
Nhar it-2 ta' Diċembru, 2009, The Fame ġie nominat għal sitt Grammy Awards u b'"Poker Face" rebħet il-premju ta' Best Dance Recording. Barra minn hekk, fit-52 edizzjoni tal-Grammy Awards, l-album ġie nominat għall-Album of the Year u rebaħ il-premju tal-Best Electronic/Dance Album.